Jiżdiedu l-inċidenti, jonqsu l-fatalitajiet

Fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra l-inċidenti tat-traffiku żdiedu b’1.4% mill-istess perjodu tal-2016, iżda l-fatalitajiet tul is-sena kollha naqsu.
Dawn iċ-ċifri ppubblikahom l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), meta analizza l-inċidenti tat-traffiku bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra.
F’dal-perjodu kien hemm 3,450 inċident, minn żgħar sa kbar, madankollu fl-2017 kollha kien hemm 19-il mewt b’inċidenti tat-traffiku, jiġifieri 4 inqas mis-sena ta’ qabel.
Bejn Ottubru u Diċembru tilfu ħajjithom sewwieq ta’ mutur u persuna li kienet miexja fit-triq.
Id-distrett tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir l-aktar li saru inċidenti fih, 5,629. B'kollox fl-2017 seħħew 14,940 inċident.
64% tal-inċ identi kienu jinvolvu karozzi, 24.9% muturi u 5.9% vetturi tal-ġarr tal-merkanzija.
B’kollox l-istess perjodu ra żieda ta’ 8.3% mill-perjodu tas-sena ta’ qabel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ nies li weġġgħu fl-inċidenti. Minn 405 inċident simili, 246 involva sewwieqa ta’ vetturi.
Kien hemm 206 sewwieq li dabbar ġrieħi ħfief jew żgħar, u 39 oħra bi ġrieħi gravi. Kien hemm ukoll 61 passiġġier, 52 persuna fit-triq u 9 ċiklisti li dabbru ġrieħi ħfief jew żgħar.
Il-Ħadd kienet l-aktar ġurnata li fiha seħħew inċidenti li kkaġunaw ġrieħi, jiġifieri 16.3% tal-inċidenti kollha, filwaqt li nhar t’Erbgħa seħħew l-akbar numru ta’ inċidenti.
Jekk wieħed iqabbel kemm seħħew inċidenti ma’ kemm weġġgħu nies fihom, il-Ħadd tiġi l-aktar ġurnata popolari.
Finalment, f’dal-perjodu weġġgħu b’mod gravi 75 persuna, li l-maġġoranza kienu rġiel. B’mod ħafif weġġgħu 328 persuna, 195 raġel u 133 mara.