Jiżdiedu l-ilmenti minn persuni b’diżabilità fl-2017

L-ammont ta’ ilmenti minn persuni b’diżabilità mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità żdied tul l-2016 u l-2017. Dan ħareġ mir-rapport annwali li jsir mill-Kummissjoni u ġie ppreżentat mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agiuys Decelis.

Huwa qal li matul dawn l-aħħar snin l-ilmenti żdiedu minħabba li hawn iktar għarfien fost il-persuni b’diżabilità dwar id-drittijiet tagħhom kif ukoll minħabba ż-żieda fl-għarfien ġenerali. L-aktar aspetti ta’ diskriminazzjoni li l-Kummissjoni irċeviet ilmenti dwarhom kienu l-aċċess fiżiku, l-edukazzjoni u servizzi. Il-Kummissjoni spjegat li huma għandhom rwol konsultattiv ukoll u matul l-istess perjodu saru tmien sessjonijiet ta’ konsultazzjoni.

Decelis saħaq li dawn in-numri juru l-fiduċja li l-poplu għandu fil-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u kemm is-soċjetà saret iktar konxja għad-drittijiet tagħhom. Huwa qal li minkejja dan għad baqa’ iktar sfidi li għad iridu jiġu indirizzati. Semma li s-Segretarjat Parlamentari qed jaħdem id f’id mal-Kummisjoni, mal-Aġenzija Sapport u ma’ entitajiet oħra f’setturi oħrajn biex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom.