Jiżdiedu l-ilmenti mal-MCA

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) irreġistrat żieda ta’ 11% fl-ilmenti li rċeviet fl-aħħar sitt xhur tal-2017 meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tal-istess sena. 
Matul dan il-perjodu, l-Awtorità rċeviet 113-il ilment mingħand abbonati ta’ servizzi tat-telefonija, tal-internet, tat-televiżjoni, u konsumaturi li jużaw is-servizz postali. Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li 99% tal-ilmenti ġew indirizzati f’inqas minn 20 ġurnata ta’ xogħol. 
Barra minn hekk, l-Awtorità rċeviet ukoll 238 talba għall-informazzjoni mingħand konsumaturi. 
L-aktar ilmenti komuni kienu jitrattaw il-kwalità tas-servizz, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rapporti dwar ħsarat fis-servizzi. 
Fl-aħħar sitt xhur tal-2017, l-Awtorità investigat 26 ilment dwar ħsarat fis-servizzi u 12-il ilment dwar il-kwalità tas-servizz fl-użu tal-internet. 
B’kollox l-MCA rċeviet 22 ilment dwar il-kontijiet.
B’rabta mal-posta, irċeviet disa’ lmenti.
Aqra r-rapport sħiħ hawn.
Il-pubbliku jista’ jikkuntattja lill-MCA bit-telefown fuq 21336840 jew b’imejl fuq customercare@mca.org.mt.