Jiżdiedu l-fondi allokati għall-kunsilli lokali

Il-fond allokat għall-kunsilli lokali żdied b’€1.5 miljun biex issa jammonta għal €46,219,000.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar l-allokazzjoni finanzjarja lill-kunsilli kokali.
Huwa spjega kif l-allokazzjoni finanzjarja diretta lill-kunsilli lokali għandha tkopri erba’ kriterji importanti li huma: it-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-parks u l-ġonna, il-manutenzjoni tat-toroq u l-infrastruttura, l-immaniġġjar tal-iskart u l-amministrazzjoni.
Parnis saħaq dwar l-importanza li l-fondi allokati għal funzjonijiet speċifiċi jintużaw għall-għan li għalih qed jingħataw.
Hu saħaq ukoll li nżamm il-prinċipju tas-sena 2017 meta l-kunsilli ngħataw fondi ta’ aġġustament addizzjonali sabiex tkompli sseħħ ġustizzja fid-distribuzzjoni tal-fondi.
Fost oħrajn hemm distribuzzjoni ta’ fondi lill-Belt Kapitali u lil bliet oħrajn li jkollhom ħtiġijiet partikolari u jkun hemm distribuzzjoni ta’ fondi lill-lokalitajiet li ġew ikkunsidrati żoni kummerċjali jew turistiċi.