Jiżdiedu dawk li weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku bejn April u Ġunju

Fit-tieni kwart ta’ din is-sena żdiedu b’aktar minn 500 dawk li weġġgħu fl-inċidenti tat-traffiku meta wieħed iqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.
Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, kienu rrappurtati ftit aktar minn 4,000 inċident tat-traffiku, kważi l-istess numru tas-sena li għaddiet.
Minn dawk li weġġgħu, 275 persuna sofrew ġrieħi ħfief filwaqt li 55 persuna weġġgħu gravi.
Kien hemm ukoll 130 passiġġier u 50 persuna li kienu fit-triq jew inkella ċiklisti, li ġarrbu ġrieħi ħfief f’inċidenti tat-traffikku.
Il-maġġoranza ta’ dawk li weġġgħu kellhom bejn 26 u 40 sena.
Matul dawn it-tliet xhur kien hemm ukoll tliet inċidenti fatali, wieħed minnhom kien jinkludi mutur.
Il-maġġoranza kbira tal-inċidenti kienu jinkludu karozzi tal-familja, segwiti minn muturi u vetturi li jwasslu prodotti.
F’dawn it-tliet xhur l-akbar numru ta’ inċidenti seħħew kmieni waranofsinhar segwita minn tard filgħaxija, jiġifieri bejn id-9:00pm u nofsilejl.
L-aktar inċidenti seħħew f’Birkirkara, b’total ta’ 306 każ, segwita minn Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar.

Ritratt: Ian Noel Pace – Mill-Arkivji