Jiżdiedu bi 8% il-passiġġieri li ġew Malta f’ Jannar

Matul Jannar kienet reġistrata żieda ta’ 8% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena għaddew mill-ajruport ftit anqas minn 180,000 passiġġier, bis-seat load factor medju kien ta’ 66%, jiġifieri l-ogħla ċifri qatt milħuqa f’Jannar.

Is-suq Taljan irreġistra l-akbar żieda f’ċifri assoluti, b’5,800 passiġġier aktar jiġifieri żieda ta’ 17% fuq Jannar tas-sena ta’ qabel. Ir-Renju Unit irreġistra żieda ta’ kważi 4,000 passiġġier, filwaqt li l-Libja rat żieda ta’ 2,000 passiġġier. Madanakollu, s-swieq Franċiż u dak Ġermaniż irreġistraw tnaqqis negliġibbli.

Figuri juru wkoll li n-numru ta’ titjiriet għax-xahar ta’ Jannar żdiedu b’4%, filwaqt li l-merkanzija u l-posta rreġistraw żieda ta’ kważi 30%.