Jiżdiedu bi 43% il-każijiet tad-droga

Il-każijiet ta’ qabdiet ta’ droga matul is-sena li għaddiet żdiedu b’43%.
Dan ħareġ mir-Rapport Annwali tal-Kriminalità f'Malta li ġie ppreżentat ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Kriminologu Saviour Falzon.
Il-Pulizija kellha 310 rapport ta’ każijiet ta’ droga. Din hija l-ogħla figura rreġistrata mill-2004 ‘l quddiem.
Fost il-każijiet li żdiedu fl-2017, ir-rapport jelenka rapporti ta’ omoċidji, l-immigrazzjoni, il-pornografija, il-frodi, id-drogi, każijiet ta’ ħruq, abbandun tat-tfal u vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi.
Min-naħa l-oħra, il-każijiet li rreġistraw tnaqqis fuq is-sena preċedenti kienu l-prostituzzjoni, l-abbuż mill-awtorità pubblika, il-falsifikazzjoni u offiżi sesswali.
Fl-istess konferenza, il-Kriminologu Falzon qal li r-rata ta’ kriminalità f’Malta hi inqas mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea. Semma li hawn perċezzjoni li l-kriminalità f’Malta baqgħet tiżdied iżda r-rapport juri li r-rata tal-kriminalità naqset.
Spjega li l-kriminalità tkun mistennija li tiżdied sostanzjalment b’żieda ta’ 200,000 turist aktar mis-sena ta’ qabel u biż-żieda fil-populazzjoni.