Jiżdiedu bi 3,000 in-nies li jmorru l-GU Clinic f’4 snin

Il-Klinika Ġenitourinarja (GU Clinic) fl-Isptar Mater Dei rat żieda ta’ 3,000 persuna li jirrikorru għas-servizzi tagħha f’temp ta’ erba’ snin.

Dan it-tagħrif ħareġ miċ-ċifri li ta d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta mistoqsi fuq dan is-suġġett fil-Parlament. Il-mistoqsijiet saru mid-Deputat Speaker Claudette Buttigieg.

Hija talbet lill-Ministru Fearne biex jgħid, sena b’sena, kemm-il persuna marret il-Klinika Ġenitourinarja minn Jannar tal-2015 sa Mejju tal-2020, meta saret il-mistoqsija. Staqsietu wkoll kemm minn dawn kienu nisa u rġiel u kemm minnhom kienu eterosesswali u omosesswali.

L-istatistika fuq l-HIV f’Malta fl-aħħar 5 snin
326 każ tal-HIV f’Malta f’5 snin

Mit-tweġiba ta’ Dr Fearne, tidher qabża kbira fl-għadd ta’ persuni li rrikorrew għal din il-klinika tul is-snin, billi fl-2015 il-klinika kellha 4,504 attendenzi, filwaqt li fl-2019 kien hemm 7,469.

Dawn in-numri jinkludu trattamenti differenti, testijiet u konsultazzjonijiet.

  • 2015: 4,504
  • 2016: 6,022
  • 2017: 6,277
  • 2018: 7,218
  • 2019: 7,469

Fost dawn, kull sena kien hemm aktar irġiel milli nisa li marru l-Klinika Ġenitourinarja, saħansitra fl-2018 u fl-2019 kien hemm kważi d-doppju.

  • 2015: 1,132 mara u 1,615-il raġel
  • 2016: 1,355 mara u 2,044 raġel
  • 2017: 2,038 mara u 3,826 raġel
  • 2018: 2,197 mara u 4,058 raġel
  • 2019: 2,172 mara u 4,227 raġel

Il-maġġoranza minn dawn kienu eterosesswali, iżda tul is-snin, in-numru ta’ persuni omosesswali li marru fil-klinika baqa’ dejjem jikber.

  • 2015: 2,248 persuna eterosesswali u 488 omosesswali
  • 2016: 2,628 persuna eterosesswali u 572 omosesswali
  • 2017: 4,327 persuna eterosesswali u 1,534 omosesswali
  • 2018: 4,449 persuna eterosesswali u 1,806 omosesswali
  • 2019: 4,472 persuna eterosesswali u 1,853 omosesswali

Il-Ministru żied jgħid li persuna tista’ tattendi l-klinika aktar minn darba f’sena.

Il-fehma tal-MEP Josianne Cutajar is-sena li għaddiet
Bżonn clinic għas-saħħa sesswali f’Għawdex – Cutajar