Jiżdiedu bi 53,000 il-ħaddiema barranin

Read in English.

Bejn l-2002 u l-2018, il-ħaddiema barranin f’Malta żdiedu b’20%. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li fl-2002 l-ammont ta’ ħaddiema barranin reġistrati mal-JobsPlus kien ta’ 2,013-il persuna filwaqt li fl-2018 in-numru żdied għal 55,000 persuna.

Ir-rapport jispjega li minn surveys li saru mas-sidien tal-kumpaniji f’Malta, iż-żieda tal-ħaddiema barranin kienet kawża ta’ nuqqas ta’ ħaddiema Maltin li jaħdmu fil-qasam manwali. Il-kumpaniji spjegaw li s-soluzzjoni għal din il-problema kienet li jimpjegaw ħaddiema barranin. Ir-rapport juri wkoll li l-ħaddiema Maltin qed jagħżlu li ma jaħdmux xogħlijiet manwali u dan wassal għal żieda ta’ ħaddiema barranin f’dawn ix-xogħlijiet.

Skont l-istatista li ġiet ippreżentata fir-rapport tal-Bank Ċentrali aktar minn terz tal-ħaddiema barranin f’Malta ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja filwaqt li 62% ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Bejn l-2017 u l-2018 il-ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja żdiedu minn 14,000  għal 21,000 persuna filwaqt li l-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu minn 30,000 għal 34,000.