Jiżdiedu b’aktar mid-doppju l-istudenti tal-ITS

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi reġa’ fetaħ il-bibien għall-istudenti tiegħu li n-numru tagħhom din is-sena żdied aktar mid-doppju fuq is-sena li għaddiet.

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċerimonja inawgurali, l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella saħaq li filwaqt li jiżdiedu n-numru għandu jibqa’ jkun assigurat li l-kwalita` tibqa’ dejjem il-prijorita`.

Il-Ministru Vella esprima s-sodisfazzjon li għall-ewwel darba fl-ITS twaqqfu diversi servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti. Fost dawn twaqqaf is-servizz ta’ councillor fuq bażi full time, guidance u career officer kif ukoll żewġ chaplains.

Il-Ministru ħabbar ukoll li b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) se jkun qed jinfetaħ uffiċju biex jissaħħu l-opportunitajiet ta’ xogħol u placements għall-istudenti.

Fl-aħħarnett Karmenu Vella tkellem ukoll dwar l-għajnuna li l-Ministeru għat-Turiżmu qed jagħti lill-ITS fejn jidħlu allokazzjonjiet ta’ riżorsi li huma bżonnjużi għat-tagħlim.

Din is-sena l-ITS qed tilqa’ fiha aktar minn 750 student bl-iktar korsijiet popolari jkunu Certificate in Food Preparation and Production u Diploma in Culinary Arts fost oħrajn.