Jiżdied l-inkwiet f’Minneapolis wara l-qtil ta’ persuna Afro-Amerikana mill-pulizija

Karozza tinħaraq f’parkeġġ ta’ fergħa ta’ Target waqt li persuni jipprotestaw, wara li membru abjad mill-forza tal-pulizija nqabad fuq kamera ta’ persuna terza jagħfas b’irkopptu fuq għonq George Floyd, persuna Afro-Amerikana, li wara miet fl-isptar, f’Minneapolis, Minnesota, U.S., 28 ta’ Mejju 2020. REUTERS/Carlos Barria

Read in English.

Protesti paċifiċi inbidlu f’lejl ieħor ta’ ħruq, serq u vandaliżmu f’Minneapolis nhar il-Ħamis meta l-persuni li kienu qed jipprotestaw urew ir-rabja tagħhom wara l-qtil ta’ persuna ta karnaġġjon skura, li ġie rrekordjat jiġġieled għan-nifs waqt li pulizija abjad għafas fuq għonqu b’irkopptu.

L-aħħar mewġa ta’ vjolenza fl-akbar belt ta’ Minnesota ma kinitx ikkontrollata, minkejja li l-Gvernatur Tim Walz ordna lill-Gwardja Nazzjonali biex jgħinu fis-sitwazzjoni u jippruvaw jerġgħu jġibu l-kontroll fil-belt wara l-ewwel jumejn ta’ inkwiet li rriżulta mill-arrest u l-qtil ta’ George Floyd, ta’ 46 sena, nhar it-Tnejn li għadda.

B’kuntrast ma’ nhar l-Erbgħa filgħaxija, meta d-dimostranti li kienu qed igaraw ġebel u ħabtu diversi drabi għall-pulizija li kienu lebsin armar protettiv, il-forzi tal-kontroll żammew lura mill-epiċentru tal-inkwiet li seħħ barra mill-istazzjon tal-pulizija fil-belt.

Il-protestanti li kienu barra l-binja tferrxu għal ftit ħin meta l-forzi tal-kontroll użaw gass tad-dmugħ u sparaw bullets tal-lastiku minn fuq il-bejt tal-istazzjon, imma wara reġgħu nġabru u attakkaw il-binja direttament, fejn taw in-nar lill-istruttura filwaqt li l-pulizija rtiraw. Wara l-protestanti dehru fuq il-bejt tal-bini.