Jiżdied it-trasport pubbliku f’Għawdex matul ix-xhur tas-Sajf

Matul ix-xhur li ġejjin f’Għawdex se jiżdied is-servizz tat-trasport pubbliku biex ilaħħaq mad-domanda tal-Għawdxin u t-turisti li jżuru lil Għawdex matul ix-xhur tas-Sajf.
Fost it-tibdiliet, se jkun aktar servizzi lejn destinazzjonijiet popolari bħal Marsalforn, ix-Xlendi u d-Dwejra. Se jkun hemm ukoll servizz shuttle u aktar vjaġġi lejn il-port tal-Imġarr, ir-Rabat u għadd ta’ lokalitajiet oħra.
Il-Malta Public Trasport ħabbret li se jkun hemm vjaġġ kull 45 minuta tar-rotta numru 306 li tgħaqqad ix-Xlendi mar-Rabat. Barra minn hekk se jiżdied vjaġġ mir-Rabat għax-Xlendi fil-11.55pm u 12.07am mix-Xlendi għar-Rabat.
Se jiżdiedu wkoll il-vjaġġi tar-rotta numru 310 li tgħaqqad ir-Rabat ma’ Marsalforn biex issa se jkun hemm vjaġġ kull nofsiegħa bejn it-8.15am u 12.15am.
Ir-Rotta numru 311 se tibda tagħmel l-aħħar vjaġġ mid-Dwejra fl-10.40pm. Bejn l-10.40am u 6.40pm, ir-rotta 311 se tibda titlaq mir-Rabat u d-Dwejra kull nofsiegħa.
Ir-Rotta 301 bejn l-Imġarr u r-Rabat se tibda taħdem skont il-wasla tal-vapur t’Għawdex u se jiżdiedu l-vjaġġi meta jkun hemm bżonn. 

Ritratt: maltabuses.piwigo.com