Filmat: Jiżdied it-traffiku jekk ma naqilgħux siġar u ma nwessgħux it-toroq – Herrera

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li indubjament it-toroq ta’ Malta jridu jitwessgħu għax it-toroq f’Malta u Għawdex ma jifilħux għall-iktar karozzi. Huwa qal li Malta laħqet l-ammont ta’ karozzi li l-infrastruttura kapaċi tiflaħ, jew il-full carrying capacity. Huwa argumenta li jekk ma jitwessgħux it-toroq se jkun hemm konġestjoni qawwija.

Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt wara ċ-ċerimonja tal-għotja tal-warrants lill-veterinarji ġodda.

Herrera sostna li mhux pjaċir tiegħu meta jinqalgħu s-siġar u li hu jinkwieta ruħu “daqs l-ikbar għaqda mhux governattiva” f’Malta iżda qal ukoll li hemm l-esiġenzi tal-pajjiż li jirrekkjedu li jsir hekk.

Huwa rrefera għall-istudji li juru li l-ikbar inkwiet tan-nies huwa t-traffiku. Huwa argumenta li minkejja dan, ma jfissirx li s-siġar għandhom jinqalgħu bl-addoċċ iżda li hemm pjan b’koordinament bejn l-Awtorità għall-Ambjent u l-Awtorità tat-Trasport. Huwa saħaq li fejn hu possibbli biex dawn jinqalgħux mhux qed jinqalgħu u fejn hu possibbli dawn qed jiġu trasportati. Fejn l-ebda minn dawn ma kien possibbli huwa qal li s-siġar reġgħu tħawlu. Huwa qal li s’issa tħawlu 2000 siġra.