Malta fost l-20 pajjiż fejn qed jiżdied ir-riskju ta’ skjavitù modern

Ir-riskju ta’ skjavitù modern f’Malta żdied minn sena ’l hawn, hekk kif skont ir-rapport Modern Slavery Index 2017, hija waħda minn 20 pajjiż Ewropew ikklassifikati fejn ir-riskju żdied.
Ir-rapport maħruġ il-Ħamis mill-kumpanija konsultattiva Verisk Maplecroft jeżamina l-effettività u l-infurzar tal-liġijiet dwar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ traffikar ta’ persuni vulnerabbli f’198 pajjiż.
Skont ir-rapport, l-aktar 5 pajjiżi li fihom żdied ir-riskju huma r-Rumanija, il-Greċja, l-Italja, Ċipru u l-Bulgarija.
Ġie nnutat li dawn huma pajjiżi li minnhom jgħaddu ħafna migranti.
Fir-Rumanija l-aktar li l-qagħda ggravat, hekk kif niżlet 56 post fil-klassifika minħabba vjolazzjonijiet bħal xogħor sfurzat bħat-traffikar u s-servitudni.
L-Italja niżlet 16-il post. Ir-rapport jinnota li l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) tikkalkula li madwar 100,000 migrant daħlu fl-Ewropa dis-sena, 85% minnhom fl-Italja.
Verisk sostniet li l-preżenza ta’ dawn il-persuni vulnerabbli żżid immens iċ-ċans li ħaddieħor japprofitta mis-sitwazzjoni tagħhom billi jsuqhom lejn industriji li fihom jiġu sfruttati jaħdmu sigħat twal għal ftit flus u b’kundizzjonijiet ħżiena, ngħidu aħna fis-settur tal-agrikoltura, tal-kostruzzjoni jew tas-servizzi.
Pajjiżi oħra Ewropej fil-lista huma r-Renju Unit, l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Lussemburgu.
Ritratt: Arkivji