Jiżdied il-perċentwali tal-kumpaniji li keċċew lill-ħaddiema – MEA

Read in English.

Filwaqt li f’April li għadda survey tal-MEA sab li kienu biss 9% tal-kumpaniji li qalu li l-pandemija wasslithom biex ikeċċu lill-impjegati, bejn Mejju u Ġunju, dan il-perċentwal tela’ għal 17%.

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem spjegat li dan ħareġ mir-risposti ta’ survey li għamlet bejn is-27 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju. Kien hemm total ta’ 253 persuna li wieġbu s-survej li jirrappreżentaw 300 kumpanija lokali u bejniethom jimpjegaw mat-30,000 persuna.

Meta wieħed iħares lejn id-dettalji dwar it-tkeċċija ta’ impjegati, 82% ta’ dawk li keċċew xi impjegati, qalu li naqqsu l-għadd tal-impjegati tagħhom b’inqas minn 25%. 20% qalu li qed jistennew li jkeċċu aktar ħaddiema. Minn dawn, 62% qalu li jekk ikeċċu se jkeċċu inqas minn 20% tal-ħaddiema. 46% qalu li mhux deċiżi dwar jekk ikeċċux il-ħaddiema.

87% tal-kumpaniji jidher li kellhom tnaqqis fid-dħul b’riżultat tal-coronavirus. Terz minn dawn qalu li t-tnaqqis kien jammonta għal aktar minn 75% tad-dħul li kienu jagħmlu qabel. 34% qed jistennew li fis-sitt xhur li ġejjin, id-dħul tagħhom se jerġa’ jirkupra, 21% qalu li qed jistennew li d-dħul tagħhom se jonqos, filwaqt li 42% qed jgħidu li s-sitwazzjoni mhux se tinbidel minn dik kurrenti.

73% qalu li dawk li wieġbu s-survej qed jindirizzaw it-tnaqqis fin-negozju tagħhom billi jagħmlu użu minn fondi interni. Kienu biss 23% li qalu li kellhom jaraw kif inaqqsu l-ispejjeż tal-impjegati.

42% qalu li mhux sodisfatti bl-iskemi tal-gvern, filwaqt li 29% qalu li huma sodisfatti. 20% biss qalu li l-iskemi tal-gvern huma b’saħħithom biżżejjed biex iżommu lill-impjegati. 44% qalu li mhumiex.

Huma 54% li qed jistennew li eventwalment in-negozju se jerġa’ lura għal-livell li kien qabel il-coronavirus. 13% qalu li mhux qed jistennew li jkun hemm irkupru minn din is-sitwazzjoni. Il-bqija jidher li mhux ċerti dwar dan. 27% qalu li n-negozju fadallu aktar minn 18-il xahar biex jerġa’ lura għan-normal.

42% qalu li jemmnu li l-ftuħ tal-iskejjel u ċ-childcare centres huwa importanti biex in-negozju tagħhom jerġa’ jibda jiffunzjona kif suppost.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn