Jiżdied il-bejgħ u l-użu tal-maskri fl-Iżvezja

REUTERS/Gonzalo Fuentes

L-Iżvezja rat żieda fid-domanda għall-maskri tal-wiċċ skont diversi spiżeriji, hekk kif mistenni jkun hemm bidla fl-opinjoni ta’ l-awtoritajiet li s’issa, dejjem urew xettiċiżmu dwar kemm dawn il-maskri jistgħu jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-firxa tal-coronavirus.

B’differenza għal pajjiżi oħra Ewropej, l-Iżvezja żammet ħafna minn negozji, ristoranti u skejjel tagħha miftuħa, filwaqt li żammet lura milli tirrakkomanda l-użu tal-maskri tal-wiċċ. Fil-fatt, ftit jidhru maskri – b’kuntrarju għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien fosthom id-Danimarka, in-Norveġja u l-Finlandja. 

Iżda wara li ġimgħatejn ilu, l-aġenzija dwar is-saħħa pubblika ħabbret li hemm mnejn tniedi rakkomandazzjonijiet ġodda, l-Iżvediżi jidher li bdew jaħsbulu u bdew jixtru.

Il-bejgħ tal-maskri mill-ispiżerija virtwali Apotea żdied b’madwar 400,000 unit fil-ġimgħa matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat meta mqabbla mal-150,000 li kienu qed jinbigħu matul il-ġimgħat ta’ qabel, skont il-Kap Eżekuttiv Par Svardson. 

Spiżerija oħra – Apoteket – li fis-sena jkollha il-bejgħ ilaħħaq l-20 biljun crown (1.73 biljun sterlina), il-bejgħ tal-maskri tal-wiċċ żdied bi 30% matul dawn l-aħħar ġimgħat, fejn il-livell tal-bejgħ kull ġimgħa huwa ekwivalenti għall-bejgħ ta’ sena sħiħa skont kelliem. 

“Jidher li l-aġenzija dwar is-saħħa pubblika, fejn qabel kienet determinata li tgħid ‘le’, issa jidher li lesta tgħid ‘iva’,” qal Svardson filwaqt li tenna li qed jistenna żieda ta’ bejn ħames darbiet jew għaxar darbiet ikbar fil-bejgħ ta’ maskri tal-wiċċ f’każ li tinħareġ rakkomandazzjoni favur l-użu tagħhom.

S’issa l-Isvezja żammet lura milli tirrakkomanda jew timponi l-użu tal-maskri tal-wiċċ fi spazji pubbliċi bil-mod kif għamlu pajjiżi oħra madwar l-Ewropa. L-epidemioloġista ewlieni tal-aġenzija dwar is-saħħa pubblika Anders Tegnell qal li ftit hemm provi dwar l-effett tagħhom u li dawn kapaċi jagħtu sens falz ta’ sigurtà fost min jilbishom.

Iżda d-direttur ġenerali tal-aġenzija dwar is-saħħa pubblika Johan Carlson, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet nhar it-18 ta’ Awissu qal li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fosthom żjajjar għand it-tabib u d-dentist, u abbord it-trasport pubbliku – fejn jistgħu jinħarġu rakkomandazzjonijiet għall-użu tal-maskri.

L-għadd ta’ mwiet fl-Iżvezja, relattiv mal-popolazzjoni tal-pajjiż, kien ferm ogħla minn dak fil-pajjiżi ġirien, iżda baqa’ ferm baxx meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej li adottaw lockdowns, fosthom ir-Renju Unit u Spanja.