Jiżdied id-defiċit bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni, iktar investiment fir-riċerka u żvilupp

Bejn Jannar u Awwissu, Malta esportat b’27% inqas minn dak li bagħtet ’il barra mill-pajjiż fl-istess 8 xhur tal-2013. Fl-istess ħin, naqqset l-importazzjoni b’5%.
Ċifri tal-Eurostat għat-28 pajjiż tal-UE juru li fl-2014, id-defiċit bejn dak li Malta tbiegħ barra l-pajjiż u dak li tixtri minn barra, kiber €1.7 biljun.
It-28 pajjiż tal-UE flimkien raw bilanċ pożittiv l-iktar minħabba li l-Ġermanja, l-Olanda, l-Italja, l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka marru tajjeb.
L-agħar li mar kien ir-Renju Unit, imbagħad Franza, Spanja u l-Greċja.
L-ikbar importatur ta’ prodotti maħduma fl-UE kienu għal darb’oħra l-Istati Uniti għalkemm iċ-Ċina l-iktar li żied ix-xiri mill-UE. Min-naħa l-oħra, il-pajjiż li l-iktar li żied il-bejgħ tiegħu lejn l-UE kien il-Korea t’Isfel.
Il-Eurostat ippubblikat ukoll statistika marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp tal-pajjiżi membri tal-UE.
Waqt li l-pajjiżi flimkien jinvestu medja ta’ ftit iktar minn 2% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż, għal riċerka u żvilupp, Malta tinvesti biss 0.85%. Ċifra li hi madankollu ftit inqas mid-doppju ta’ dak li l-pajjiż kien jinvesti f’dan il-qasam fl-2004.
Mill-pajjiżi tal-UE, l-ikbar investiment fir-riċerka fl-2013 sar fil-Fillandja, l-Isvezja u d-Danimarka segwiti mill-Ġermanja u l-Awstrija.
Madankollu pajjiżi bħall-Korea t’Isfel u l-Ġappun jgħaddu anke lill-ikbar investitur Ewropew u jaslu biex  jiddedikaw anke sa 4% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż biex iwettqu riċerka u żvilupp.