Jiżdied għall-ewwel darba l-baġit għall-Malta Film Fund

Għall-ewwel darba minn mindu twaqqaf, il-Malta Film Fund se jiżdiedlu l-baġit biex issa se jkun ilaħħaq €300,000.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li spjega li dan se jkun ta’ għajnuna għall-industrija lokali tal-films biex ikompli jifjorixxi.
Il-Ministru qal li l-industrija tal-films f’Malta qed tikber u qed toħloq aktar impjiegi.
L-għan huwa li Malta żżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ films Maltin u Għawdxin.
Apparti miż-żieda fl-ammont ta’ fondi allokati għall-iżvilupp u produzzjoni ta’ films Maltin, se tkun introdotta skema ġdida għad-distribuzzjoni ta’ films fuq livell internazzjonali. 
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal li Malta qed tattira ħafna films internazzjonali, u issa qed isir investiment kbir fit-talent lokali sabiex tinħoloq industrija tal-films sostenibbli.

Ritratt – DOI: Clifton Fenech