Jixxerred filmat “qarrieqi” dwar il-Kap tal-PN

Fil-midja soċjali qed jixxerred filmat qarrieqi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li ħa d-droga. Il-filmat filli jġib lil Delia jwieġeb b’mod assertiv u fin-negattiv meta mistoqsi jekk pejjipx il-ħaxixa meta kien żgħir u filli tinbidel ix-xena u jinstema’ awdjo bil-vuċi ta’ Delia nnifsu jgħid li kieku ġie mistoqsi pejjipx joint meta kellu 16 jew 18-il sena huwa kien iwieġeb li pejjipha.

Għal dan il-filmat intużaw żewġ filmati differenti u awdjo separat li meta magħmulin flimkien juri stampa qarrieqa. Għall-ewwel parti jintuża l-filmat ta’ parti mill-programm Xarabank fejn il-preżentatur Peppi Azzopardi jistaqsih il-mistoqsija u anke jdum xi sekondi sakemm ikompli bil-mistoqsijiet.

Għat-tieni parti jintuża filmat ta’ Newsbook.com.mt li ttieħded fi Frar li għadda barra d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-Pietà, filwaqt li miegħu ġie ppubblikat awdjo li jidher li ġie rrekordjat bħala parti minn konversazzjoni. Newsbook.com.mt ma setax jikkonferma dak li jinstema’ u mhux eskluż li r-recording seta’ ttieħed bil-moħbi.

Adrian Delia fuq Facebook qal li din hija gidba kbira, fabbrikazzjoni u manipulazzjoni. Stqarr li “l-kampanja ta’ ħmieġ fil-konfront tiegħu għaddejja b’rankatura qawwija”. Huwa temm jgħid li min m’għandux x’jaħbi jibda jirbaħ u l-verità toħroġ.

Din mhix l-ewwel darba li xterdu filmati dwar l-aġir u l-komportament ta’ Adrian Delia.