Jixtri passaport falz għal €500; Jinżamm arrestat

Raġel insista li ma għamel xejn ħażin meta nqabad jipprova jitlaq mill-pajjiż b’passaport falz u qal li mhux ħati għall-akkużi kontrih.

AQRA: Jipprova jitlaq minn Malta b’passaport falz; 6 xhur ħabs

Ir-raġel ta’ 30 sena mill-Pakistan deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud il-Ħamis filgħodu wara li kien arrestat mill-Pulizija hekk kif kien qed jipprova jitlaq minn Malta lejn l-Italja.

Abdur Rauf li huwa residenti f’Napli saħaq fil-Qorti li huwa ma jafx il-persuna mingħand min xtara d-dokument għal €500. Huwa sostna li ma jħoss li għamel xejn ħażin.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li r-raġel ġie Malta biex jaħdem qabel ma ddeċida li jerġa’ lura lejn l-Italja.

Ir-raġel inżamm taħt arrest u talba għall-ħelsien mill-arrest ma saritx hekk kif l-akkużat ma għandux indirizz f’Malta.