Jixorbu u jsuqu u jiltaqgħu ma’ vittma ta’ inċident

Il-vittma li spiċċa paralizzat fl-inċident tat-traffiku

Read in English.

Żagħżagħ li ammettew li jsuqu wara li jkunu xorbu l-alkoħol sabu ruħhom wiċċ imb’wiċċ ma’ missier żagħżugħ li spiċċa paralizzat f’inċident bil-karozza li kien riekeb fiha wara li x-xufier kien xorob.

Jack, Sindy u Nick ilkoll ammettew li jsuqu bl-addoċċ u b’veloċità qawwija wara li jixorbu l-alkoħol. Huma tkellmu fil-programm Face the Consequences fuq BBC Three, programm maħsub biex iż-żagħżagħ jerġgħu jaħsbuha dwar l-għażliet li jagħmlu f’ħajjithom.

Fl-istudjo, mingħajr ma jafu, wara l-kwinti kien hemm jismagħhom Greg Summer ta’ 26 sena li hu missier ta’ tifel ta’ sitt snin. Huwa spiċċa f’siġġu tar-roti wara ħabta bil-karozza minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Sieħbu u x-xufier tal-karozza l-oħra mietu mal-ħabta.

Ir-raġel jaffronta t-tliet żagħżagħ dwar għalfejn ipoġġu ħajjithom u l-ħajja tal-oħrajn f’riskju għall-gost biex itellgħu veloċità qawwija.

Sema’ lil Jack ta’ 19 il-sena jirrakkonta kif huwa komuni fost sħabu li jixorbu u wara jsuqu. Jgħid li ma jieħux gost jekk ma jixrobx u ġieli ħa seba’ birra u saq lejn id-dar. Jgħid li hu perikoluż fis-sewqan u l-adrenalina teċitah biex ikompli jagħfas il-pedala.

Iż-żagħżugħa Sindy tistqarr li mhux l-ewwel darba li tuża l-mowbajl waqt li qed issuq għax temmen li waqt li qed tħares lejn it-triq m’għandekx bżonn tuża widnejk ukoll.

Ixxukjati quddiem il-konsegwenzi tal-inċident

Iż-żagħżagħ dehru xxukjati meta Greg ħareġ fl-istudjo u spjega kif ħajtu inqalbet ta’ taħt fuq, riżultat tas-sewqan bl-addoċċ taħt l-effett tal-alkoħol.

Huwa qatta’ ħames xhur f’koma wara l-ħabta head-on f’Weston-super-Mare, Somerset, ir-Renju Unit fl-2012. Darbtejn, it-tobba qalu lill-qraba tiegħu li ma kienx se jsalva.

Wara li reġa’ kiseb il-vuċi, Greg iffoka l-ħajja mfarrka tiegħu biex iħeġġeġ nies oħra biex ma jixorbux u jsuqu. Huwa jmur jitkellem fi skejjel, universitajiet u kwartieri tas-suldati.

Jispjega li l-uġigħ li għadda lil qraba tiegħu minnu seta’ ġie evitat. “Il-liġi qiegħda hemm għal raġuni. Tixrobx u ssuq.”

Iż-żewġ żagħżagħ li ħadu sehem fil-programm stqarrew li l-ħsibijiet tagħhom inbidlu dwar l-alkoħol u l-użu tal-mowbajl u se joqogħdu attenti biex jieħdu ħsieb ħajjithom.