Jixhed l-Isqof “li għatta xtur saċerdot li wettaq abbuż sesswali”

L-Isqof Ċilen Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid, akkużat li ħeba abbuż sesswali li twettaq minn saċerdot fiċ-Ċilì, kien wieħed mix-xhieda fl-investigazzjoni msejħa mill-Papa Franġisku u li qed titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-Papa fada din il-missjoni lill-Arċisqof Charles Scicluna, li kellu jieqaf ftit mill-ħidma fiċ-Ċilì, minħabba intervent mediku li sarlu b’urġenza nhar l-Erbgħa fejn tneħħietlu l-marrara.  Sakemm Mons. Scicluna joħroġ mill-konvalaxxenza, qed jisma’ lill-vittmi tal-abbuż sesswali, l-Isqof Jordi Bertomeu, li kien qed jakkumpanja lill-Arċisqof bħala nutar.
Is-sit Cruxnow.com ikkwota lill-Isqof Bertomeu jgħid li l-Isqof Barros kien wieħed minn dawk li tkellmu magħhom. Madanakollu ma qalx meta saret il-laqgħa, u jekk marx jixhed minn jeddu jew għax kien imġiegħel.
L-Isqof Barros jinsab akkużat li ra l-abbuż li wettaq Dun Fernando Karadima, u baqa’ fommu sieket. Iżda Barros dejjem ċaħad li kien jaf b’dan l-abbuż.
Cruxnow.com jgħid ukoll li l-Konferenza Episkopali Ċilena qalet li Mons. Scicluna se jtawwal iż-żjara tiegħu sa nhar l-Erbgħa, u li se jkompli jagħmel l-intervisti ma’ Bertomeu.
Ir-ritratt meħud fl-20 ta' Frar juri lill-Arċisqof Scicluna, akkumpanjat mill-Isqof Jordi Beromeu u l-Arċisqof Ivo Scapolo.