“L-analiżi tad-data mill-apparat ta’ Fenech qed tieħu x-xhur għax voluminuża” – Arnaud

Miguela Xuereb

Read in English.

Illum miss lill-Ispettur Keith Arnaud li jixhed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax ipprevjena li tinqatel il-ġurnalista, u li tiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

L-Ispettur Arnaud qed imexxi l-investigazzjoni fuq il-qtil tal-ġurnalista.

Huwa ta sommarju ta’ fiex waslet l-investigazzjoni – qal li għadha għaddejja u li fil-jiem li ġejjin se jiġu uffiċjali mill-Europol Malta biex jippreżentaw dak li analizzaw. Stqarr li l-analiżi tad-data elevata mill-apparat ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, qed tieħu x-xhur għax hija voluminuża.

Is-seduta damet madwar 10 minuti, għaliex imbagħad kompliet bil-magħluq.

Mill-qorti minuta minuta…

09:49 Grazzi talli segwejtuna. Il-jum it-tajjeb!
Sephora Francalanza
09:49 L-inkjesta tkompli l-Ġimgħa fid-9.30am bix-xhieda ta' Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
09:47 Il-midja tintalab toħroġ barra mill-awla biex is-seduta tkompli fil-magħluq.
Sephora Francalanza
09:46 Iżid jgħid li, pereżempju, kien hemm xi ħaġa żgħira li ma kinitx ta' interess għall-investigazzjoni fuq il-qtil.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Bord jistaqsi jekk hemmx leads oħrajn apparti mill-erba' persuni li hemm arrestati.

Arnaud jgħid li l-Pulizija tara kollox – anke tħares lejn nies li qatt ma ġew arrestati. Jispjega li kien għalhekk li nqasmu f'żewġ timijiet: dawk li jħarsu lejn l-aspett finanzjarju u dawk li qegħdin jaraw l-istess informazzjoni imma jħarsu lejn il-każ mil-lat ta' omiċidju.
Sephora Francalanza
09:44 L-Ispettur jgħid li jaħseb li jaf hemm xi ħaġa fid-data li tkun utli għall-Bord.
Sephora Francalanza
09:43 "Il-problema li d-data voluminuża, mhux ftit, u għalhekk qed tieħu x-xhur," jgħid Arnaud.
Sephora Francalanza
09:42 Il-ħaddiema tal-Europol jinqasmu fi tnejn: dawk esperti tal-Qorti, u dawk li janalizzaw id-data misjuba.
Sephora Francalanza
09:42 Il-Europol mistennija jiġu Malta fil-jiem li ġejjin biex jippreżentaw l-apparat elevat minn Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
09:42 Id-data għadha ma ġietx analizzata kollha – il-Pulizija qed ikellmu lil xi nies li jħossu li għandhom ikellmu vis-à-vis id-data li qed tinstab.
Sephora Francalanza
09:42 Il-Europol għadha involuta. Qabel il-pandemija kienu jkunu Malta, iżda mindu faqqgħet il-pandemija, ikollhom kuntatt online biex jagħtu aġġornamenti lil xulxin. Xi uffiċjali Maltin marru jżuru lill-Europol barra minn Malta biex jgħinu lil xulxin fl-analiżi tal-informazzjoni, anke permezz tat-traduzzjoni ta' xi messaġġi.
Sephora Francalanza
09:39 Ix-xhud jgħid li l-investigazzjoni fuq il-qtil għadha għaddejja bl-istess ritmu li kienet għaddejja bih, it-task force għadha f'postha bl-istess nies. Min-naħa tal-FCID żdiedu n-nies minħabba l-aspett finanzjarju.
Sephora Francalanza
09:38 Arnaud jikkjarifika li mit-2 t'Ottubru 'l hawn, huwa laħaq Supretendent. Il-Bord jawguralu.
Sephora Francalanza
09:37 Jintlaħaq qbil li l-Ispettur Arnaud l-ewwel iwieġeb xi mistoqsijiet ġenerali li jistgħu jinstemgħu fil-pubbliku. Imbagħad is-seduta tkompli fil-magħluq.
Sephora Francalanza
09:37 Il-Bord jissuġġerixxi li s-seduta ssir bil-magħluq.
Sephora Francalanza
09:36 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:32 L-Ispettur Arnaud qed jitkellem mal-avukati.
Sephora Francalanza
09:32 Għadha kemm daħlet ukoll l-Avukata Therese Comodini Cachia mill-parte civile.
Sephora Francalanza
09:31 Fl-awla diġà hawn il-ġurnalisti, l-uffiċjali tal-qorti, l-Ispettur Keith Arnaud li se jixhed illum u l-Avukat Jason Azzopardi mill-parte civile.
Sephora Francalanza
09:31 Bonġu! Insellmulkom minn awla 20.
Sephora Francalanza

Ilbieraħ xehed Sandro Craus, li hu l-Kap tat-Taqsima tal-Customer Care tal-Gvern. Fix-xhieda tiegħu, huwa qal li ma jiftakarx jekk kienx Keith Schembri, meta kien Chief of Staff tal-Prim Ministru, li qabbdu jċempel lil Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju.

Theuma kien ingħata xogħol fantażma f’ministeru.

Xehdet ukoll Sylvana Debono, il-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt. Hija tkellmet fuq il-protezzjoni tal-ġurnalisti u x’diffikultajiet jaffaċċjaw il-ġurnalisti.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.