“Jien qatt ma pproteġejt lil ħadd” – L-eks Kummissarju tal-Pulizija

Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Fis-seduta tal-lum tal-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia xehdu l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u s-Supretendent Antonovich Muscat.

L-inkjesta pubblika għandha l-għan li tiddetermina jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Lawrence Cutajar?

  • Jien nista’ ma nafdax lil Silvio Valletta meta balla kriminalità kienet qiegħda tissolva?
  • Qatt ma kellimt lil Joseph Muscat dwar il-Panama Papers
  • M’iniex ċert jekk inġabrux dokumenti minn Nexia BT
  • Kont nieħu pass lura u nħalli lill-investigaturi jaħdmu
  • Kont nibża’ li waqt il-konferenzi jingħadu affarijiet li jippreġudikaw il-każ
  • Jekk Daphne kienet tħoss periklu setgħet titkellem mal-Pulizija, anke jekk ma kellhiex grazzja miegħi
  • Qatt ma kont għall-briefings f’Kastilja fuq l-aħwa Degiorgio; kont immur għall-briefings fuq il-proklama
  • Keith Schembri qatt ma kien persuna ta’ interess fl-investigazzjoni
  • L-Emirati Għarab Magħquda ma kkoperawx fuq 17 Black
  • Il-proklama ta’ Theuma ma ndħaltx fiha; ma nafx kif Keith Schembri bagħat it-termini tagħha lil Yorgen Fenech fuq WhatsApp

Segwi l-blogg minuta b’minuta:

12:13 Grazzi talli segwejtuna. Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
12:13 Is-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa fid-9.30am.
Sephora Francalanza
12:11 Is-seduta se tkompli fil-magħluq u huma permessi li jibqgħu fl-awla biss il-qraba ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
12:11 Tintemm hawn ix-xhieda tas-Supretendent Muscat.
Sephora Francalanza
12:09 Jikkonferma li l-ECU għamlet investigazzjoni dwar dan. Jgħid li dak iż-żmien kienu hu u Raymond Aquilina, u jekk ma kienx hu, 99% wettaq l-investigazzjoni Aquilina.
Sephora Francalanza
12:09 Jikkjarifika li ma jiftakarx din id-domanda.
Sephora Francalanza
12:08 Jistaqsi kienx hemm investigazzjoni mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi dwar rapport li kitbet Caruana Galizia fuq il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud, b'allegazzjoni ta' Lm50,000 li tħallsu lilu.
Sephora Francalanza
12:08 L-Avukat Jason Azzopardi jgħid li Muscat issejjaħ għax kien hemm parti mix-xhieda tiegħu li ma ġietx traskritta.
Sephora Francalanza
12:06 Imissu jixhed is-Supretendent Antonovich Muscat.
Sephora Francalanza
12:05 Ix-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:04 M'hemmx domandi għal Lawrence Cutajar dwar il-Bank Pilatus. Huwa għandu jerġa' jixhed fit-2 ta' Settembru fid-9.30am.
Sephora Francalanza
12:04 Azzopardi jsemmi li Muscat qal li ngħata parir mis-Servizzi Sigrieti biex jistieden lil Yorgen Fenech xorta waħda. Jistaqsi lix-xhud jekk huwa kienx intalab xi parir jew kienx involut f'dil-biċċa. Jgħid li le.
Sephora Francalanza
12:03 Il-mistoqsija issa hija dwar il-festin tal-eks PM Joseph Muscat fil-Girgenti fi Frar tal-2019.
Sephora Francalanza
12:02 L-avukat issa jistaqsi dwar laqgħat bejn Ian Abdilla u Keith Schembri f'Kastilja. Jgħid li mhux infurmat bihom u jistaqsi fuqiex kienu. Azzopardi jgħid li dan wara l-ħruġ tal-Panama Papers.
Sephora Francalanza
12:01 Cutajar jgħid li deher darba fuq il-portal tal-Pulizija, iżda ma rċivew l-ebda tfakkira biex huma jirriklamawha.
Sephora Francalanza
12:01 Jistaqsi jekk il-Korp kienx ġie avviċinat mill-Ministeru jew mill-Gvern biex jirriklama dan il-premju.
Sephora Francalanza
12:00 Lura għall-ġranet ta' wara l-omiċidju ta' Caruana Galizia. L-avukat jistaqsi dwar il-premju ta' €1 miljun li l-Gvern kien wiegħed lil min jista' jgħin fl-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:59 Jgħid li qatt ma daħal fir-rapport biex jingħata proklama Melvin Theuma, imma dan ħallieh f'idejn l-investigaturi. Tah biss daqqa t'għajn u ffirmah.
Sephora Francalanza
11:59 Cutajar jgħid li huwa qatt ma ndaħal fil-proklama ta' Theuma, "Mela jien il-President ta' Malta jew il-Prim Ministru?"
Sephora Francalanza
11:58 Azzopardi jistaqsi fuq kif it-termini tal-proklama ta' Melvin Theuma waslu b'messaġġ fuq il-mowbajl ta' Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri. L-avukat jgħid lix-xhud jgħin lill-Bord jifhem kif dawn waslu għand Schembri.
Sephora Francalanza
11:56 "Għandek persuna li talbet proklama fuq delitt, għandek verżjonijiet li nbidlu mal-ħin, il-Pulizija li qed tilgħab mal-ħin (xi 3/4 police bails, l-investigaturi ħadu nota ta' li ried ikellimna fuqhom is-Sur Fenech, imma ma nistgħux ninsew l-investigazzjoni tad-delitt, f'ġieħ kemm hemm, imma l-prijorità dakinhar kienet l-investigazzjoni tad-delitt."
Sephora Francalanza
11:56 Cutajar jgħid li wieħed irid ikollu kuntest.
Sephora Francalanza
11:55 L-avukat jistaqsi lix-xhud x'żamm lill-Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi milli jipproċedi.
Sephora Francalanza
11:54 L-eks Kummissarju jgħid li huwa minnu li qed jistaqsi l-Avukat Azzopardi li meta Fenech ġie arrestat, huwa qal lill-Pulizija li għandu informazzjoni fuq korruzzjoni b'rabta ma' Keith Schembri. Semma lil Nexia BT, Macbridge, eċċ.
Sephora Francalanza
11:54 L-Avukat Azzopardi jistaqsi jekk ix-xhud irċeviex telefonati b'mistoqsijiet fuq l-interrogazzjoni ta' Melvin Theuma u Yorgen Fenech. Iwieġeb le.
Sephora Francalanza
11:53 Lawrence Cutajar jgħid li r-rikordings instabu, u b'hekk it-tfittxija kienet ta' suċċess, iżda għax kien qed imexxi hu bħala Kummissarju, in-nies kienu preġudikati.
Sephora Francalanza
11:53 Jisħaq li l-objettiv tagħhom laħquh u anke tal-Europol kienu kważi kważi sorpriżi.
Sephora Francalanza
11:52 Pjan B: jekk ir-rikordings ma jinstabux, it-tfittxija ssir taħt il-kappa ta' ħasil tal-flus mhux taħt il-kappa tad-delitt, u dak li jkun jeħel il-ħabs u jilħqu jressquh il-qorti fuq dan.
Sephora Francalanza
11:52 Jistqarr li kienu l-investigaturi li tawh l-indikazzjoni li għandhom jimxu bi Pjan B.
Sephora Francalanza
11:51 Cutajar jaqbeż għal-leaks imsemmijin fl-investigazzjoni tal-FIAU. Jgħid, "Bir-rispett kollu, x'leaks huma? L-evidenza f'idejn il-Pulizija qiegħda," allura l-leaks ma jagħmlux differenza.
Sephora Francalanza
11:50 L-eks Kummissarju qal li hawn hu ħareġ bi Pjan B, u mhux kulħadd qabel miegħu. Kien jaf li bi Pjan B kienu se jaslu.
Sephora Francalanza
11:49 Cutajar jgħid li darba kien hemm telefonata li tindika b'mod ċar li jeżistu rikordings. Jinsisti li dejjem ħadu mal-Europol u mas-Servizzi Sigrieti. Bdew jikkunsidraw jistennewx ir-rikordings jew jimxux b'xi ħaġa parallela. Hawn tfaċċat dilemma.
Sephora Francalanza
11:48 Dwar l-arrest ta' Melvin Theuma f'Novembru li għadda, l-Avukat Azzopardi jistaqsi kienx hemm diverġenza fil-mod kif xtaq jipproċedi Cutajar u fil-mod kif xtaq jipproċedi l-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
11:47 L-avukat jistaqsih meta sar jaf l-ewwel darba li d-Deputat Kummissarju Valletta kellu ħbiberija ma' Yorgen Fenech. Jgħid "kien ġa telaq," jiġifieri sar jaf riċentament, is-sena li għaddiet. Ma kienx infurmat b'dil-ħbiberija meta Valletta kien għadu fil-Korp.
Sephora Francalanza
11:46 Jistaqsi issa l-Avukat Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:46 Mill-ġdid, Cutajar jgħid li komplew għaddejjin l-investigazzjonijiet. Jinsisti li ma bdewx f'Jannar tal-2020 meta spiċċa hu mill-kariga.
Sephora Francalanza
11:45 "Fuq rapport ta' gazzetta?" jistaqsi Cutajar. Jgħid li l-Pulizija ma bagħtitx għal Fenech.
Sephora Francalanza
11:45 L-avukata tistaqsi jekk il-Pulizija bdietx tinvestiga meta t-Times of Malta u Reuters żvelaw li Fenech kien il-kumpanija ta' 17 Black.
Sephora Francalanza
11:44 Cutajar jgħidilha ma tagħmillux din il-mistoqsija, iżda l-Bord jordnalha tkompli tistaqsi.
Sephora Francalanza
11:43 L-Avukata Comodini Cachia terġa' tistaqsi dwar meta l-Pulizija saret taf li Yorgen Fenech kien sid tal-kumpanija 17 Black, ibbażata f'Dubaj.
Sephora Francalanza
11:43 "Qatt ma ndħalt jien!" jerġa' jgħid l-eks Kummissarju.
Sephora Francalanza
11:41 Ix-xhud jgħolli leħnu u jgħid li biex tinvestiga, l-ewwel irid ikun hemm prova li għaddew il-flus.
Sephora Francalanza
11:40 L-eks Kummissarju jgħid mill-ġdid li tweġġgħu ħafna l-perċezzjoni li huwa kien jinjora l-fajls tal-FIAU.
Sephora Francalanza
11:39 Il-Bord jistaqsi meta Yorgen Fenech ġie identifikat bħala sid il-kumpanija 17 Black. Cutajar jgħid li sakemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, ma jistax jikkummenta.
Sephora Francalanza
11:39 Dwar 17 Black, Cutajar jgħid li għandu l-impressjoni li wkoll kien hemm problemi mal-Emirati Għarab Magħquda. Jispjega li delegazzjoni tal-Pulizija telgħet wara li l-ewwel laqgħa kienet tħassret.
Sephora Francalanza
11:37 Ħaduh f'idejhom l-Ispettur Raymond Aquilina u s-Supretendent Antonvich Muscat.
Sephora Francalanza
11:37 Il-Prim Imħallef Said Pullicino jirrimarka li xahar qabel il-Prim Ministru qal li ma kienx jaf b'dan ir-rapport. Cutajar jgħid li ma jafx.
Sephora Francalanza
11:36 Jgħid li meta kellem lill-investigaturi, mill-ewwel għamlu l-almu tagħhom biex l-informazzjoni tibda tinġabar. L-aktar li kien jitkellem kien ma' Ian Abdilla.
Sephora Francalanza
11:35 Ir-rapport fuq 17 Black irċevieh l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla fis-27 ta' Marzu tal-2018.
Sephora Francalanza
11:35 "Inti għalfejn taħseb li nqatlet Daphne?" tinsisti l-Imħallef Lofaro meta Cutajar jgħid li fuq l-assassinju qed iwieġeb bħalissa.
Sephora Francalanza
11:34 Cutajar jgħid li sar jaf li Yorgen Fenech huwa involut fl-assassinju meta bdew jissemmew ir-rikordings. Madankollu, jgħid li peress li għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta' Fenech, ma jixtieqx jagħti wisq dettalji dwar dan.
Sephora Francalanza
11:33 Jgħid li qatt ma bagħtu għal Keith Schembri u Konrad Mizzi. Lil Karl Cini jidhirlu li bagħtu għalih imma mhux ċert mill-kuntest.
Sephora Francalanza
11:33 L-eks Kummissarju jtenni mill-ġdid li huwa ma kien jipproteġi lil ħadd.
Sephora Francalanza
11:33 Meta ssemma ismu fil-Panama Papers, Cutajar ma jidhirlux li kienet saret tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
11:32 Il-Bord jistaqsi lill-eks Kummissarju dwar jekk saritx tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri meta beda jissemma f'Novembru tal-2019. Cutajar jgħid li saret.
Sephora Francalanza
11:32 Il-Bord ifakkru li Schembri diġà kien issemma fil-Panama Papers. Cutajar jgħid li hu qed jitkellem speċifikament fuq l-assassinju ta' Daphne.
Sephora Francalanza
11:31 "Sakemm attendejt dawn il-laqgħat, Schembri qatt ma kien persuna ta' interess fl-investigazzjoni," jisħaq Cutajar. Jgħid li Schembri qatt ma ssemma mis-Servizz Sigriet.
Sephora Francalanza
11:30 Jgħid li normalment kien ikun hemm preżenti l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, f'laqgħa minnhom kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja ta' dak iż-żmien Owen Bonnici.
Sephora Francalanza
11:29 Cutajar jgħid li qatt ma kien preżenti għall-briefings f'Kastilja fuq l-aħwa Degiorgio, imma kien imur biss għall-briefings fuq il-proklama.
Sephora Francalanza
11:28 Il-Bord jistaqsi lil Cutajar dwar il-Gvern kienx infurmat, u jgħid li iva.
Sephora Francalanza
11:28 Mistoqsi kienx hemm il-Prim Ministru fil-control room, Cutajar jiċħad, "Le, le, le."
Sephora Francalanza
11:27 Fil-jiem ta' wara assista għall-arresti fil-control room wara li ġew arrestati fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Jgħid li ma mhuwiex ċert dwar tibdil fid-dati tal-arresti.
Sephora Francalanza
11:27 Jgħid li lil Valletta qallu li importanti li għandhom evidenza f'idejhom biex iressquhom.
Sephora Francalanza
11:26 Isemmi li jumejn/3 ijiem qabel l-arresti tal-aħwa Degiorgio, Silvio Valletta infurmah li se jsiru l-arresti tagħhom, tal-Koħħu, u ta' oħrajn. "Kien hemm xi 10," jgħid Cutajar.
Sephora Francalanza
11:25 Jgħid li fl-investigazzjoni tal-aħwa Degiorgio, ma kien involut xejn, "żero, qatt ma rajthom f'ħajti lil dawn in-nies." L-aktar li kien jitkellem fuq dal-każ kien ma' Silvio Valletta.
Sephora Francalanza
11:25 L-Imħallef Michael Mallia issa jistaqsi dwar l-investigaturi tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:23 Jgħid li jemmen li għandu jkun hemm bord tal-Pulizija li jevalwa r-riskju, peress li l-Korp m'għandux ir-riżorsi biex jipproteġi lil 200 ġurnalist.
Sephora Francalanza
11:23 "Min-naħa tiegħi għamiltu l-irwol tiegħi" jgħid Cutajar, għaliex taħtu, bdiet issir fixed point anke f'ħinijiet barra mill-ħin tax-xogħol tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:21 Cutajar jgħid li jaqbel li l-ġurnalisti għandu jkollhom is-sigurtà, "imma trid iżżomm f'moħħok il-personnel tal-Korp."
Sephora Francalanza
11:21 L-Avukata Comodini Cachia tikkjarifika li staqsiet dwar il-ġurnalisti għax parti mill-irwol tal-Bord huwa biex joħroġ proposti ta' x'jista' jsir biex titjieb il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
11:20 Il-Bord jinsisti li l-punt tiegħu huwa li dan mhux każ bħall-oħrajn.
Sephora Francalanza
11:19 L-eks Kummissarju jinsisti li kellha tiġi minn Caruana Galizia nfisha biex tingħata protezzjoni, anke jekk ma kellhiex relazzjoni tajba miegħu. Jgħid li setgħet kellmet lin-nies ta' taħtu minflok.
Sephora Francalanza
11:19 "Il-Pulizija, wara 17 Black, ma ħasbitx li Caruana Galizia kellha tingħatalha protezzjoni meta hi stess qalet fil-blogg li s-sitwazzjoni saret perikoluża?" jistaqsi Said Pullicino.
Sephora Francalanza
11:18 Il-Prim Imħallef Said Pullicino jsemmi li ftit xhur qabel inqatlet il-ġurnalista, qajmet il-kwistjoni ta' 17 Black li kienet tinvolvi negozjant Malti, iżda mhux mill-ewwel kien issemma ismu.
Sephora Francalanza
11:16 L-eks Kummissarju jgħid li r-risk assessments jagħmluhom mis-Servizz tas-Sigurtà f'każijiet high-profile, mhux mill-Pulizija, iżda jkun hemm konsultazzjoni bejniethom.
Sephora Francalanza
11:16 Cutajar jikkjarifika li huma stess iridu jitolbu s-sigurtà, dik hi l-proċedura.
Sephora Francalanza
11:15 Comodini Cachia tistaqsih jekk għandhomx proċedura interna li jevalwaw liema ġurnalisti jkunu qed jinvestigaw korruzzjoni biex jagħtuhom is-sigurtà.
Sephora Francalanza
11:15 Jinsisti li l-proċedura hija li jekk il-persuna ma titlobx sigurtà, din ma tingħatalhiex. "X'kien qed iżommha milli tiltaqa' magħna?"
Sephora Francalanza
11:14 Tistaqsih jekk il-Pulizija kinux iħossu, allura, li Caruana Galizia kienet f'periklu.
Sephora Francalanza
11:14 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsi jekk il-press cuttings li kienu jipprovdulu s-CMRU kinux jinkludu l-blogg ta' Daphne. Jgħid li iva.
Sephora Francalanza
11:13 Jumejn wara d-delitt fl-2017, l-Avukat Peter Caruana Galizia qal lill-eks Kummissarju li kien qed iħossu mhedded, u Cutajar ħa ħsieb jistazzjona żewġ uffiċjali barra r-residenza, li sa meta baqa' Kummissarju hu, kienu għadhom hemm.
Sephora Francalanza
11:11 Cutajar jgħid li hemm madwar 100 persuna li għandhom is-sigurtà tal-Pulizija. Jisħaq li anke fejn tidħol protezzjoni f'ċerti ċirkustanzi, huwa rranġaha bħala Kummissarju.
Sephora Francalanza
11:11 Jisħaq li jekk Caruana Galizia kienet tħossha f'periklu, setgħet titkellem mal-Pulizija, anke jekk ma kellhiex grazzja miegħu.
Sephora Francalanza
11:10 Cutajar jgħid li ma staqsihiex jekk riditx sigurtà.
Sephora Francalanza
11:09 "Ma tħossx il-bżonn li tagħmel upgrading tas-sigurtà?" jistaqsi Said Pullicino.
Sephora Francalanza
11:09 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jikkummenta li fl-2010, ma kienx hemm Panama Papers, u bil-kitba tagħha, Caruana Galizia kienet tniggeż in-nies.
Sephora Francalanza
11:08 Cutajar jgħid li ma nbidel xejn meta laħaq hu Kummissarju rigward l-għassa mad-dar ta' Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:05 – Bejn it-8 u l-10 ta' Marzu 2008 – kien hemm elezzjoni
– Bejn is-6 ta' Settembru sat-3 t'Ottubru 2010

L-għassa nqatgħet fit-3 t'Ottubru tal-2010, iżda m'hemmx raġuni għaliex fil-fajl. Is-sigurtà nbidlet f'għassa frekwenti.

– Bejn id-9 u l-11 ta' Marzu 2013 – fl-elezzjoni
– Bejn l-4 ta' Ġunju u s-6 ta' Ġunju 2017 – fl-elezzjoni
Sephora Francalanza
11:05 Ix-xhud jgħid li għassa mar-residenza ta' Caruana Galizia kien hemm erba' darbiet, skont dan il-fajl. Mar lura sal-2008.
Sephora Francalanza
11:04 Jgħid li dal-fajl għadda kemm-il darba minn quddiemu u ħa n-noti fejn tidħol Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:04 Fil-każ ta' għassa mad-dar, id-Depot hemm fajl li jiġi aġġornat kull xahar/xahrejn u jingħata lill-Kummissarju.
Sephora Francalanza
11:03 Mistoqsi fuq il-protezzjoni ta' Daphne Caruana Galizia, huwa jgħid li hemm diversi proċeduri ta' kif tingħata protezzjoni, pereżempju ta' ftit ħin bħal f'każ ta' vjolenza domestika, għassa mad-dar f'sigħat partikolari jew fuq bażi ta' 24 siegħa, ta' għassa frekwenti, jew li jkun hemm uffiċjal idur mal-persuna inkwistjoni.
Sephora Francalanza
11:02 Il-mistoqsijiet issa se jkunu fuq l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:02 Jgħid li għalih huwa kriminal min żvela lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat li kienu se jiġu arrestati.
Sephora Francalanza
11:01 "Biex issolvi d-delitti, trid tiltaqa' ma' dawn in-nies u tkellimhom lil dawn in-nies. Id-delitti ma ssolvihomx bilqiegħda mal-iskrivanija."
Sephora Francalanza
10:59 "Inweġġa'," jinsisti Cutajar. Jgħid li taħtu, il-Korp kellu s-suċċessi tiegħu wkoll.
Sephora Francalanza
10:58 "Qalbi kienet dejjem man-nies, dejjem maż-żgħir," jistqarr Cutajar.
Sephora Francalanza
10:58 Jinsisti, iżda, li sakemm dam Kummissarju hu, ir-rata ta' kriminalità f'Malta naqset b'10%.
Sephora Francalanza
10:57 Jammetti li dejjem żamm pass lura, għax beża' li waqt il-konferenzi stampa jistgħu jingħadu affarijiet li jippreġudikaw il-każ.
Sephora Francalanza
10:56 "Jien nista' nitkellem fuq il-way tiegħi, mhux fuq il-way tal-Prim Ministru," jgħid Cutajar.
Sephora Francalanza
10:55 L-Avukat Peter Caruana Galizia jitlaq mill-awla.
Sephora Francalanza
10:55 Jgħid li saret investigazzjoni fuq individwi, iżda mhux fuq madwar 200 persuna kollha.
Sephora Francalanza
10:54 Mistoqsi minn Comodini Cachia, Cutajar jgħid li ma jidhirlux li saret investigazzjoni ħolistika mill-Pulizija fuq il-Panama Papers sakemm kien għadu Kummissarju hu.
Sephora Francalanza
10:52 Ix-xhud iżid li rapport ħolistiku fuq il-Panama Papers kollha sas-6 ta' Jannar, 2020, meta kien għadu Kummissarju hu, ma rċivewx mill-FIAU.
Sephora Francalanza
10:50 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsi lil Cutajar minn mindu bdew l-inkjesti maġisterjali, jekk il-Pulizija għamlitx investigazzjoni.

Ittenni li d-dokumenti ta' Nexia BT ma nġabrux.
Sephora Francalanza
10:49 L-eks Kummissarju jidher imbaqbaq hu u jinsisti li lil Joseph Muscat qatt ma tkellem miegħu fuq il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
10:48 "Lill-PM fuq il-Panama Papers qatt ma kellimtu," jinsisti Cutajar. Lanqas mhu infurmat jekk ta' taħtu tkellmux mal-PM fuq il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
10:48 Jispjega li l-aktar li kellu kuntatt mal-PM kien fuq l-immigrazzjoni, u fuq il-kriminalità fil-Ħamrun u l-Marsa.
Sephora Francalanza
10:47 Ix-xhud isemmi perċezzjoni oħra fis-soċjetà, li kellu relazzjoni mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan mhux minnu, skont ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:47 Cutajar jisħaq li ta l-għajnuna loġistika kollha lill-iskwadra, tahom in-nies biex jaħdmu, jgħid li l-irwol ta' Kummissarju ssodisfah.
Sephora Francalanza
10:46 Il-Bord jidher irritat max-xhud. L-Avukat Peter Caruana Galizia jidher ixengel rasu, u l-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata huma viżibbilment urtati.
Sephora Francalanza
10:45 Jinsisti li kellu fiduċja fihom. "Jien nista' ma nafdax lil Silvio Valletta meta balla kriminalità kienet qiegħda tissolva, meta tressqu 3 persuni l-qorti fuq il-karozza bomba?" jistaqsi Cutajar.
Sephora Francalanza
10:44 L-Imħallef Lofaro tistaqsih jekk jaħsibx li missu investiga aktar u ħa rwol aktar attiv.
Sephora Francalanza
10:44 "Meta bdejtu tirċievu informazzjoni mill-erba' rjiħat tad-dinja, il-prova li kellkom taħt imneħirkom skartajtuha," jisħaq l-Imħallef Michael Mallia.
Sephora Francalanza
10:43 L-eks Kummissarju jgħid li qatt ma ra emails bħal dawn.
Sephora Francalanza
10:43 "Żgur li f'idejkom kellkom emails li bagħtu Nexia BT il-Panama," jgħid l-Imħallef Michael Mallia.
Sephora Francalanza
10:41 "It-8 xhur li ilni barra jikkonfermaw li dejjem għidt jien, l-investigazzjonijiet baqgħu għaddejjin bl-istess ritmu," jinsisti Cutajar b'leħnu mgħolli.
Sephora Francalanza
10:41 Ix-xhud jgħid li mexa fuq il-pariri li ngħata, qabel magħhom.
Sephora Francalanza
10:40 L-Imħallef Lofaro tgħid li kellha tiġi mill-Ministru li jibgħat għalih għal aġġornamenti dwar dan il-każ. L-eks Kummissarju qal li qatt ma bagħtu għalih.
Sephora Francalanza
10:39 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsi lix-xhud jekk iddiskutiex dan is-suġġett mal-Ministru tal-Intern ta' dak iż-żmien. Cutajar jgħid li ma jidhirlux.
Sephora Francalanza
10:39 L-eks Kummissarju jgħid li sar jaf bl-allegazzjoni li Nexia BT kellhom uffiċċju Kastilja mill-aħbarijiet.
Sephora Francalanza
10:38 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsi jekk qablux mal-parir tal-AĠ dakinhar, jew jekk straħux fuqu għax hu l-Avukat Ġenerali. Cutajar jgħid li ma ħax deċiżjoni waħdu – tkellem mal-investigaturi li infurmawh li fiċ-ċirkustanzi, aħjar ikollhom it-tliet rapporti f'idejhom.
Sephora Francalanza
10:37 L-Imħallef Michael Mallia jitlob lill-eks Kummissarju jikkonferma li ż-żmien kien kontra tagħhom. Aktar kemm damu ma jiġbru s-servers, aktar agħar. Hemm nota fil-fajl dwar dan minn Ian Abdilla, billi l-informazzjoni tista' tiġi corrupted u encrypted.
Sephora Francalanza
10:36 Karl Cini ġie mitkellem mill-Pulizija f'Awwissu tal-2018, jgħid Cutajar. "Aktar minn sentejn wara," tgħid Lofaro.
Sephora Francalanza
10:36 Lofaro tgħid li l-fatt li hemm inkjesta ma jeżonorax lill-Pulizija milli tinvestiga.
Sephora Francalanza
10:35 "Bħala Kummissarju kif ma tafx?" tinsisti l-Imħallef Lofaro, urtata.
Sephora Francalanza
10:35 L-Imħallef Lofaro ssostni li dwar il-Panama Papers kien hemm furur mad-dinja kollha, imma tistaqsih Malta kienx l-istess każ.
Sephora Francalanza
10:34 Wara li rċivew ir-rapporti, infetħet inkjesta maġisterjali. Sakemm telaq hu mill-Korp, l-inkjesta kienet għadha għaddejja.
Sephora Francalanza
10:31 "Jien jidhirli li nġabru," jgħid Cutajar dwar is-servers ta' Nexia BT, iżda jirrepeti li mhux f'pożizzjoni li jikkonferma.
Sephora Francalanza
10:31 L-eks Kummissarju jgħid li ma jistax jikkonferma.
Sephora Francalanza
10:30 Comodini Cachia tistaqsi, "Tista' tispjegalna għalfejn informazzjoni mingħand Nexia BT ma nġabritx?"
Sephora Francalanza
10:30 Jgħid li darba għamel rakkomandazzjonijiet biex jinħatar il-Bord, u Valletta ma kienx fosthom, "jew għax spiċċa jew għax kien bil-leave għal barra."
Sephora Francalanza
10:30 In-nomina għall-Bord tal-FIAU ssir kull tliet snin. Meta sar Kummissarju hu, fl-2016, dak il-bord diġà kien magħmul, u fih kien hemm Silvio Valletta.
Sephora Francalanza
10:27 Cutajar issa mistoqsi mill-Avukata Comodini Cachia fuq il-Bord tal-FIAU.
Sephora Francalanza
10:27 Cutajar jgħid li sar konxju bir-rapporti tal-FIAU meta sar Kummissarju fl-2016. Ir-rapporti kienu jmorru direttament għand Ian Abdilla u Silvio Valletta, responsabbli mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
Sephora Francalanza
10:23 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jistaqsih mill-ġdid fuq meta saru jafu bil-Panama Papers. Cutajar jgħid li mhux ċert eżatti x'passi ttieħdu minnufih u ma jixtieqx jixhed dwar xi ħaġa li mhux ċert dwarha.
Sephora Francalanza
10:22 8 xhur wara li telaq, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. "Jien qatt ma pproteġejt lil ħadd, għaliex kienu jgħidu li qed nipproteġi lil xi ħadd?" jinsisti Cutajar.
Sephora Francalanza
10:21 "Hemm barra kien hemm il-perċezzjoni li l-Kummissarju Cutajar qed jipproteġi lil xi ħadd. Ilni 8 xhur barra, dejjem għidt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin."
Sephora Francalanza
10:20 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jinsisti li l-iskandlu tal-Panama Papers tant kien ħaġa kbira, li jistenna li l-Kummissarju intervjena.
Sephora Francalanza
10:19 Cutajar jgħid li lit-Taqsima tal-Frodi, dak iż-żmien Ian Abdilla u Silvio Valletta, ħalla f'idejhom.
Sephora Francalanza
10:19 "Jien ma rrid nitfa' dell fuq ħadd, ir-responsabbiltajiet tiegħi rrid nerfagħhom jien."
Sephora Francalanza
10:18 L-eks Kummissarju jgħid li d-Depot hemm proċedura li anke jekk ma ssegwix il-bloggs jew artikli marbutin mal-Korp, hemm Uffiċċju tal-Komunikazzjoni (CMRU) li jgħaddi l-artikli fil-midja fejn jissemma l-Korp.
Sephora Francalanza
10:17 Ma jafx id-data eżatta ta' meta sar jaf bil-Panama Papers. L-ewwel li sema' bihom kien mill-midja.
Sephora Francalanza
10:16 Cutajar jgħid li bħala Kummissarju kien ikellem lill-investigaturi, meta mistoqsi jekk kienx jagħmel crime conferences.
Sephora Francalanza
10:16 "Jien qgħadt pass lura."
Sephora Francalanza
10:14 Ġabru wkoll informazzjoni mill-Europol Channel: mir-Renju Unit, mil-Latvja u mill-Olanda. Dawn ikkoperaw, b'kuntrast ma' Montenegro u l-Emirati Għarab Magħquda, ngħidu aħna.
Sephora Francalanza
10:14 Mill-informazzjoni li għandu, Cutajar jgħid li Dubaj kienu diffiċli ħafna. F'seduta preċedenti, David Casa qal li mhux minnu li Dubaj kienu diffiċli, iżda kkoperaw mal-awtoritajiet Maltin.
Sephora Francalanza
10:13 Huma u jiddiskutu t-tliet rapporti, bdiet tisħon daqsxejn il-qiegħa bejn ix-xhud u l-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
10:12 Ġabru wkoll informazzjoni minn Dubaj.
Sephora Francalanza
10:12 L-investigazzjoni bdiet billi bdew jiġbru informazzjoni mill-banek.
Sephora Francalanza
10:11 Dan il-Pulizija għamlitu bil-parir tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
10:11 Ix-xhud jgħid li meta kellhom 3 rapporti, bdew jiġbru d-dokumentazzjoni. Stennew li jkollhom dawn it-3 rapporti biex jibdew jinvestigaw.
Sephora Francalanza
10:10 Cutajar jgħid li l-perċezzjoni kienet li ma sar xejn mill-Pulizija, imma mhux minnu ġara hekk.
Sephora Francalanza
10:10 Minkejja li kellhom jirċievu 3 rapporti, l-FIAU għaddewlhom rapport preliminari biex il-Pulizija tinvestiga wkoll. Cutajar jgħid li meta rċivew dan l-ewwel rapport, marru għall-parir tal-AĠ, iżda l-feedback li kellu mingħand l-investigaturi li kellu fiduċja fihom, kien li kien hemm 3 rapporti li biex issir investigazzjoni, aħjar jistennew aktar dettalji mingħand l-FIAU.
Sephora Francalanza
10:09 It-tielet rapport, li m'għandux data tiegħu, dwar ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:09 2 ta' Novembru, 2016: it-tieni rapport dwar ir-relazzjoni ta' Keith Schembri ma' Adrian Hillman.
Sephora Francalanza
10:09 Dan ir-rapport kien jindika pagamenti depożitati fil-kont tal-kumpanija Willerby; pagamenti ta' €50,000 bħala parti minn ħlas ta' loan li kellu ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:07 Kellhom jirċievu 3 rapporti fuq das-suġġett partikolari mingħand l-FIAU: l-ewwel fuq ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Brian Tonna li rċivietu l-Pulizija fit-12 ta' Lulju 2016.
Sephora Francalanza
10:02 Fit-23 ta' Mejju, kellu laqgħa ma' Silvio Valletta u Ian Abdilla fuq il-każ.
Sephora Francalanza
09:59 Il-parir tal-AĠ kien li l-Pulizija timxi b'kawtela, billi hemm suspett raġonevoli.
Sephora Francalanza
09:58 Jgħid li qed jitkellem fuq il-Panama Papers, ma jidhirlux li dak iż-żmien kien għadu beda jissemma l-Bank Pilatus.
Sephora Francalanza
09:57 Jistqarr li billi ssemmew ċertu nies, ħass li dan ma kienx każ tas-soltu. "F'każ bħal dan żgur irid ikollok il-konfort tal-Avukat Ġenerali."
Sephora Francalanza
09:56 F'rimarka fil-fajl, Abdilla kien kellem lil Galdes. Jgħid li għal din il-laqgħa hu ma kienx preżenti, u avżahom li f'kull laqgħa li jagħmlu jieħdu parir bil-miktub tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
09:55 Fit-18 t'April, imbagħad, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta għamel rimarka fil-fajl li dan ma kienx rapport tas-soltu. L-FIAU kienu diġà kellmu diversi persuni – Valletta kien ta struzzjonijiet biex jibdew l-investigazzjonijiet.
Sephora Francalanza
09:54 Jibda jaqra min-noti tiegħu.

Fis-7 t'April tal-2016, il-Kummissarju ta' dak iż-żmien, Michael Cassar, irċieva rapport mingħand Manfed Galdes u Alfred Zammit mingħand l-FIAU u fih kien hemm informazzjoni fil-qosor dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna.

Dan il-fajl kien Operation Green.
Sephora Francalanza
09:54 L-eks Kummissarju għandu xi karti ta' noti personali tiegħu li għamilhom għax issopona li xi darba għad jiġi bżonnhom.
Sephora Francalanza
09:54 L-Imħallef Abigail Lofaro tgħid lix-xhud biex jiffoka fuq dan il-każ.
Sephora Francalanza
09:53 Huwa mistoqsi jekk kienx jieħu interess meta jissemma Ministru u Chief of Staff.
Sephora Francalanza
09:52 Cutajar jgħid li kien hemm min prova jagħti l-impressjoni li kien jirċievi l-fajls tal-FIAU u jitfagħhom fil-kexxun. Jispjega li ma kinux jgħaddu mingħandu, kienu jmorru għand Ian Abdilla jew Silvio Valletta dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
09:50 Cutajar jgħid li meta ħalla l-kariga ta' Assistent Kummissarju, ħalla warajh diversi suċċessi. Isemmi xi affarijiet li introduċa hu, bħal speċjalisti fil-finanzi li huma pajżana. L-irwol prinċipali tiegħu kien li jara li t-taqsima jkollha biex taħdem.
Sephora Francalanza
09:50 Jgħid li fiż-żmien li għamel hu Kummissarju, kien hemm bosta suċċessi fejn tidħol droga, pickpocketing, eċċ.
Sephora Francalanza
09:50 L-eks Kummissarju jgħid li kull Kummissarju għandu l-mod tiegħu kif jaħdem. Jgħid li l-maġġoranza l-kbira tal-investigazzjonijiet ħalliehom f'idejn l-investigaturi.
Sephora Francalanza
09:49 Jgħid li ħadd ma ġibidlu l-attenzjoni li kien aħjar jekk ma jgħaddix dak il-kumment. "Ta' dak il-ħin," jgħid Cutajar.
Sephora Francalanza
09:48 Il-Bord jgħid lil Cutajar li Caruana Galizia kienet tal-fehma li bħala uffiċjal imlaħħaq fil-Korp, ma kellux jgħaddi kummenti bħal dawn. Dak iż-żmien kien Assistent Kummissarju tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
09:48 Jispjega li qabbel lill-PM mat-tim tal-futbol li jżomm miegħu hu.
Sephora Francalanza
09:48 Cutajar jgħid li fuq Facebook dejjem kiteb fuq sport, iżda veru li darba kiteb dwar Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
09:47 Ix-xhud huwa mistoqsi jekk kienx kiteb xi ħaġa fuq Facebook dwar l-eks PM Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
09:47 Mistoqsi jekk kellux simpatiji mal-Partit Laburista, huwa jgħid li qatt ma involva ruħu f'politika, lanqas biss isegwi programmi tal-partiti politiċi.
Sephora Francalanza
09:46 Cutajar jgħid li l-ewwel darba li kellmu meta bagħat għalih għall-kariga.
Sephora Francalanza
09:46 Mistoqsi jekk kienx viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Bord issa jibda jistaqsi fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:45 Jgħid li huma "ta' żmienu" u kellu relazzjoni tajba ma' kulħadd.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Bord jistaqsih jekk kienx jaħdem magħhom mill-qrib l-eks Kummissarji tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
09:44 Il-ħatra ta' Kummissarju tahielu l-Ministru tal-Intern, jidhirlu l-eks Kummissarju.
Sephora Francalanza
09:44 Ħass li kellu l-opportunità li jirranġa ħafna affarijiet li kien ilu jitkellem fuqhom għal snin twal fejn jidħlu kundizzjonijiet tal-pulizija, pereżempju l-għases u l-vetturi tal-pulizija.
Sephora Francalanza
09:44 Jgħid li qatt ma kellu ħsieb li jsir Kummissarju.
Sephora Francalanza
09:43 Biex laħaq Aġent Kummissarju bagħat għalih il-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
09:42 Jidhirlu li l-Korp u l-Ministeru tal-Intern organizzaw l-intervisti, iżda jgħid li mill-memorja qed jitkellem. Kien preżenti s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Intern żgur.
Sephora Francalanza
09:41 Biex sar spettur sarlu eżami, biex jingħata t-tieni stilla għamel kors universitarju. Biex sar supretendent laħaq bis-senjorità, u bħala Assistent Kummissarju laħqu 5 oħra miegħu, ġie r-raba' bi proċess ta' intervisti.
Sephora Francalanza
09:41 Fl-2014 inħatar Assistent Kummissarju fejn kien jieħu ħsieb taqsima speċjalizzata. F'Mejju tal-2016, inħatar Aġent Kummissarju u f'Awwissu tal-istess sena nħatar Kummissarju.
Sephora Francalanza
09:40 Fl-1984 sar Spettur u għamel 14-il sena ż-Żejtun. Fl-2000 sar Supretendent u għamel 14-il sena, li minnhom, 4 snin kienu Bormla, 8 snin Ħal Qormi.
Sephora Francalanza
09:39 Beda jservi fil-Korp tal-Pulizija fil-5 ta' Frar, 1979, u dam fil-Korp tal-2019.
Sephora Francalanza
09:36 Cutajar jgħid, "Nixtieq inserraħ rasi li jekk ikun hemm mistoqsijiet fuq rapporti tal-FIAU li mhux se ninkrimina ruħi." Il-Bord jeżentah skont Kapitlu 373 mill-Kostituzzjoni.
Sephora Francalanza
09:36 S'issa għadhom ma bagħtux għalih.
Sephora Francalanza
09:35 Il-Prim Imħallef Emeritu jsemmi li bħalissa għaddejja inkjesta fuq Cutajar, u jwissih li jekk isirulu xi domandi li jaf itellfu l-inkjesta jista' ma jwiġibhomx.
Sephora Francalanza
09:35 L-eks Kummissarju jgħid li l-avukat tiegħu, Ezekiel Psaila, għadu ma wasalx.
Sephora Francalanza
09:34 L-ewwel xhud tal-lum huwa l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Sephora Francalanza
09:33 L-Avukata Therese Comodini Cachia tippreżenta lista ta' persuni marbutin mal-Panama Papers, kif wiegħdet fl-aħħar seduta.
Sephora Francalanza
09:33 Jidħol fl-awla l-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
09:30 Il-ġurnalisti wkoll lesti fl-awla, u hawn anke oħt Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:29 Għadu kemm daħal ukoll fl-awla l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li mistenni jixhed illum.
Sephora Francalanza
09:28 Is-seduta għadha ma bdietx iżda preżenti fl-awla hawn l-avukati parte civile Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. Hawn ukoll l-armel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:27 L-għodwa t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 20 fil-qorti.
Sephora Francalanza

Is-Supretendent Muscat kien diġà xehed fl-inkjesta, u qal li teknikament, il-Pulizija setgħet tinvestiga l-Panama Papers, iżda dan m’għamlitux.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty kien isegwi l-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia biex iżomm ruħu aġġornat bl-iskandlu tal-Panama Papers
  • Gaerty qal li r-rapport tal-Moneyval kien korrett, wara li ġie ppubblikat is-sitwazzjoni bdiet titjieb
  • Gaerty kien maħtur fuq il-bord biex janalizza l-proġett tal-Enemalta fuq il-powerstation il-ġdida, li eventwalment mar f’idejn l-Electrogas; ma kienx involut fl-għoti tal-kuntratt u bilkemm jiftakar x’kien l-irwol tiegħu
  • L-eks Kap Eżekuttiv tal-PA Johann Buttigieg qal li l-pressjoni mill-iżviluppaturi fuq il-bord tal-PA hija daqs dik li jagħmlu l-NGOs
  • Buttigieg qal li mentalità Maltija li tmur lura għat-80ijiet li hawn sistema li tippermetti li jiġu injorati permessi u policies tal-ippjanar
  • Iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech l-ewwel darba fl-2013
  • Fenech kien interessat jixtri Manoel Island u ried jibni lukanda meta ġie propost ir-riklamazzjoni tal-art.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.