“Il-PBS mhux noticeboard tal-Gvern” – Reno Bugeja

Reno Bugeja
Miguela Xuereb

Read in English.

Illum l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ssoktat bix-xhieda ta’ Reno Bugeja, l-eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services (PBS), u bix-xhieda wkoll ta’ Johann Galea, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena li jsir il-qtil tal-ġurnalista, u biex tiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

Xi spikka fis-seduta llum?

  • Reno Bugeja qal li l-PBS jagħmilha ta’ noticeboard, imma mhux noticeboard tal-Gvern
  • Mistoqsi fuq email li bagħat lil Joseph Muscat fl-2008 meta intervistah fuq Dissett u tah pariri fuq kif deher u wieġeb fl-intervista, Bugeja qal li ma fiha xejn ħażin
  • “Kont attakkat miż-żewġ naħat, u dan fisser li kont qed nagħmel xogħli sew” – Reno Bugeja

Minuta minuta mill-qorti…

15:47 Grazzi talli segwejtuna. Il-punti ewlenin intellgħuhom fl-artiklu dalwaqt. Saħħiet.
Sephora Francalanza
15:47 Is-seduta li jmiss hija l-Ġimgħa fid-9.30am meta se jixhed l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.
Sephora Francalanza
15:46 B'hekk intemmet ix-xhieda ta' Johann Galea, u s-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
15:46 Qal li peress li dawn jinsabu fid-dominju pubbliku, għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jinvestigaw allegazzjonijiet fuq il-korruzzjoni.
Sephora Francalanza
15:45 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk iċċekkjax jekk dawn ir-rapporti humiex veru fid-dominju pubbliku, u jgħid li din ma taqax taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu.
Sephora Francalanza
15:36 Lanqas ma jista' jgħid jekk każ ikunx inbeda mill-Kummissjoni jew minn xi individwu.
Sephora Francalanza
15:35 Il-Bord jistaqsi min jirreferi dawn il-każijiet lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.

Ix-xhud jgħid li jrid ikun hemm min iressaq ilment, imma li mhux fil-kompetenza tiegħu li jara fejn ikun oriġina każ.
Sephora Francalanza
15:34 Jippreżenta wkoll lista tal-każijiet pendenti li jinsabu fid-dominju pubbliku. Il-każijiet huma mill-2011 sal-2020.
Sephora Francalanza
15:31 Qed jippreżenta dawn iż-żewġ listi lill-Bord.
Sephora Francalanza
15:29 Ix-xhud ħejja żewġ listi: lista ta' rapporti aċċessibbli online u lista b'talba li tressqet ukoll fil-Parlament.
Sephora Francalanza
15:29 Il-Bord jistaqsi fuq rapporti mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.
Sephora Francalanza
15:28 Issa jmiss li jixhed Johann Galea, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja.
Sephora Francalanza
15:28 Ix-xhieda ta' Reno Bugeja tintemm hawn.
Sephora Francalanza
15:19 Reno Bugeja jgħid li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS tirrapporta kollox, imma m'għandhiex ir-riżorsi tinvestiga storja kif għandhom il-kmamar tal-aħbarijiet tal-partiti politiċi.
Sephora Francalanza
15:19 Issa jibda jistaqsi l-mistoqsijiet Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
15:18 "Kont attakkat miż-żewġ naħat, u dan fisser li kont qed nagħmel xogħli sew," jgħid Reno Bugeja, hu u jisħaq fuq il-ħtieġa f'Malta ta' aktar edukazzjoni fuq il-midja.
Sephora Francalanza
15:15 L-avukata parte civile issa tistaqsi fuq il-protesti organizzati mis-soċjetà ċivili wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Reno Bugeja jgħid li dawn sar rappurtaġġ fuqhom għax jixirqilhom jiġu rappurtati.
Sephora Francalanza
15:13 Rigward l-aġenda fuq vjaġġi tal-Gvern, Bugeja jgħid li normalment jirċievu l-aġenda, imma mhux id-dettalji ta' x'se jiġi diskuss fil-laqgħat.
Sephora Francalanza
15:09 L-avukata tistaqsih jekk il-filmati xxerrdux fuq bażi volontarja.

Bugeja jgħid li din hija proċedura addottata mill-PBS.
Sephora Francalanza
15:07 Dr Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud jekk jiftakarx stedina għal żjara lill-kumpanija Siemens fl-Iżvezja. L-istedina kienet mingħand l-Electrogas.

Bugeja jgħid li jiftakarha, jidhirlu li kien Mario Micallef il-ġurnalist li attenda.
Sephora Francalanza
14:58 Il-ġurnalist isemmi kif fil-każ tal-allegazzjonijiet tal-Acapulco, it-TVM ġab l-aħbar, u anke sar programm fuq it-televixin fuq il-kwistjoni, li Bugeja kien stieden lil Daphne Caruana Galizia tipparteċipa fih.

Il-ġurnalista kienet irrifjutat.
Sephora Francalanza
14:57 L-avukata tistaqsih jekk it-TVM iffukax fuq il-fatt li The Daphne Project żvela xi ħaġa ġdida minflok fuq il-konklużjoni tal-investigazzjoni nfisha.

Bugeja jistaqsi jekk il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni kinux inklużi fl-artiklu.

Dr Comodini Cachia tgħidlu li hi tagħmel il-mistoqsijiet, mhux hu.

Bugeja jgħid li l-aħbar ġiet rappurtata u aġġornata kif meħtieġ.
Sephora Francalanza
14:56 Jispjega li għas-sit elettroniku ta' TVM, hemm maniġer responsabbli.
Sephora Francalanza
14:55 Bugeja jgħid li jaf ikun hemm affarijiet li joħorġu online li jvarjaw minn dawk li jidhru fl-aħbarijiet fuq it-televixin, peress li dawn l-aħbarijiet jiġu ppubblikati xi t-8pm, li hu ħin kritiku għall-kamra tal-aħbarijiet għax tispiċċa x-xift, u fit-8pm joħroġ il-bulettin.
Sephora Francalanza
14:54 Dr Comodini Cachia tispjega għaliex l-aħbar ewlenija fuq dak li kien ġie żvelat fuq 17 Black kellha spunt differenti mill-ispunt ewlieni tal-istorja ta' The Daphne Project.
Sephora Francalanza
14:51 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk irrappurtawx l-allegazzjonijiet żvelati minn The Daphne Project. Tistaqsih x'kienu jkunu l-aħbarijiet ewlenin fil-bulettin meta jiġu żvelati aħbarijiet bħal dawn.

"Dejjem irrappurtajna dak rappurtat minn The Daphne Project," iwiġibha Bugeja.
Sephora Francalanza
14:49 "Konna noticeboard, imma mhux noticeboard tal-Gvern," jgħid l-eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS.
Sephora Francalanza
14:48 Reno Bugeja jgħid li għal kull allegazzjoni msemmija u żvelata, kienu jsiru rapporti u anke programmi tat-televixin.
Sephora Francalanza
14:47 L-avukata tistaqsih kemm-il talba għall-informazzjoni (FOI) bagħat il-PBS, u Bugeja jgħid li ma jiftakarx sewwasew.
Sephora Francalanza
14:46 "Imma kont tagħmel hekk mal-mistednin kollha?" tistaqsih l-Imħallef Lofaro.

"Ma' ħafna minnhom kont nagħmilha, iva," iwieġeb Bugeja.

Dr Therese Comodini Cachia ma taqbilx.
Sephora Francalanza
14:44 Ikompli jgħid li ma jara xejn ħażin fl-email imsemmi.
Sephora Francalanza
14:44 Reno Bugeja jgħid li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet blogg fuq dal-programm. Semmiet kif hu kien iebes ma' Joseph Muscat u Muscat mar tajjeb.
Sephora Francalanza
14:43 L-Imħallef Lofaro taqra emails bejn Reno Bugeja u Joseph Muscat, mibgħuta f'April tal-2008.

Fl-email tiegħu, Bugeja jagħti pariri lil Muscat wara li intervistah fuq Dissett.
Sephora Francalanza
14:40 Ix-xhud iwieġeb, "Le."

"Ċert?" tistaqsi l-Imħallef.

"Iva," iwiġibha.

"Lanqas meta kien MEP, fl-2008?"

"L-2008 ilu mhux ħażin," iwieġeb Bugeja.
Sephora Francalanza
14:40 L-Imħallef issa tistaqsih jekk qattx ikkomunika ma' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
14:38 Bugeja jgħid li iva. Kien staqsa lil Farrugia għal stqarrija fuq il-vjaġġ fl-Ażerbajġan, għax il-PBS tilef il-laqgħa minħabba l-kwistjoni tal-viżas.
Sephora Francalanza
14:38 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi lil Reno Bugeja jekk hu qattx ikkomunika ma' Kurt Farrugia meta dan kien kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM).
Sephora Francalanza
14:33 Jistqarr li taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ma kellhiex indħil mill-Gvern, anzi kellha aċċess għall-informazzjoni.
Sephora Francalanza
14:33 Skont Bugeja, l-istħarriġ li sar fuq il-mezzi tax-xandir juri li l-PBS dejjem qeda l-funzjoni tiegħu biex iservi l-interessi tal-pubbliku.
Sephora Francalanza
14:32 Iżid jgħid li normalment informazzjoni mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) tintbagħat lill-kmamar kollha tal-aħbarijiet. Jgħid li xi drabi l-partiti politiċi ma jsegwux din il-prattika.
Sephora Francalanza
14:30 Il-Bord isemmi feature partikolari li deher fl-aħbarijiet fuq il-ħajja abbord it-tanker LNG waqt il-Milied. Jistaqsi lix-xhud għaliex il-PBS talab għal informazzjoni u kuntatti mingħand il-kelliema tal-Ministeru tal-Enerġija.

Bugeja jgħid li dan kien feature ħafif, u li normalment, il-kelliema għall-Ministeri huma l-aktar mezz faċli biex wieħed jikseb l-informazzjoni.
Sephora Francalanza
14:28 Jgħid ukoll li l-PBS kellu diversi programmi fuqiex ġew diskussi kontroversji politiċi, bħal Dissett, Xtra u Xarabank, fost l-oħrajn.
Sephora Francalanza
14:27 Il-Bord jistaqsi issa fuq suġġetti serji dwar ftehimiet kbar bħal tal-Vitals u tal-Electrogas.

Reno Bugeja jgħid li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS kopriet l-aħħar żviluppi dwar dawn il-kwistjonijiet.
Sephora Francalanza
14:24 Rigward l-Att tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI), Bugeja jgħid li xi ġurnalisti jaħsbu li jistgħu jistaqsu għal kwalunkwe informazzjoni, pereżempju indirizzi elettroniċi personali.
Sephora Francalanza
14:21 Il-Bord jistaqsi fuq il-vjaġġ tal-Ażerbajġan.

Ix-xhud jgħid li biex jidħlu fil-pajjiż, kellhom bżonn viża. Huma ma kinux preżenti fil-laqgħat, imma kellhom biss iċ-ċans li jieħdu r-ritratti.
Sephora Francalanza
14:19 Jispjega li meta l-kamra tal-aħbarijiet tkun teħtieġ xi informazzjoni, il-ġurnalisti jikkomunikaw mal-kelliema għall-Ministeri varji permezz ta' emails jew telefonati.
Sephora Francalanza
14:18 Bugeja jgħid li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS hija bħal kull kamra tal-aħbarijiet oħra.
Sephora Francalanza
14:17 Il-Bord jistaqsi lix-xhud fuq id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
14:17 Irtira madwar sitt xhur ilu.
Sephora Francalanza
14:17 Jibda billi jgħid li ilu jaħdem bħala ġurnalist għal 44 sena, u dejjem ħadem mal-PBS.
Sephora Francalanza
14:16 Reno Bugeja jitla' jixhed.
Sephora Francalanza
14:09 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
14:05 Il-waranofsinhar it-tajjeb. Aħna ninsabu f'awla 20, nistennew li tibda s-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehdu Jonathan Cardona, li kien il-Kap Eżekuttiv tal-Iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment, u Herman Grech, l-Editur tat-Times of Malta.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Jonathan Cardona qal li meta Henley & Partners riedu jiftħu kawża kontra Daphne Caruana Galizia talli kienet qed tikteb fuqhom, il-Ministru Owen Bonnici, dak iż-żmien Ministru tal-Ġustizzja, qalilhom biex jibagħtu ittra legali qabel jiftħu kawża
  • L-Editur tat-Times Herman Grech qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien “daqqa ta’ ponn fl-istonku” għall-ġurnaliżmu Malti; qal, iżda, li l-ġurnalisti donnhom bdew jirsistu aktar biex toħroġ il-verità wara l-assassinju
  • Fuq theddid li jaffaċċjaw il-ġurnalisti, Grech qal li llum ħafna drabi meta aħbar ma ddoqqx għal xi nies, tiġi ttimbrata bħala fake news
  • “Qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-Istat jippretendi li l-midja ma teżistix jew jipprova jrendiha irrelevanti” – Grech