Il-parir tiegħi fuq il-Panama Papers iddawwar b’mod li għamilli ħsara – L-eks AĠ

Read in English.

L-eks Avukat Ġenerali Dr Peter Grech illum xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u biex tiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Dr Peter Grech?

  • Qal li l-parir li ta dwar il-Panama Papers ġie kkwotat bħala “go slow” fil-midja, mentri dan mhu minnu xejn.
  • Qal li ta parir li l-pulizija ma jmorrux il-Bank Pilatus jekk li kellhom f’idejhom “sempliċiment blogg”
  • Insista kemm-il darba li hu kien jagħti parir meta jiġi mitlub biss
  • Qal li kien lest jiddiskuti l-pariri li kien ta lill-Gvern mal-Bord tal-Inkjesta

Ir-riżenja ta’ Dr Peter Grech tħabbret fil-15 t’Awwissu li għadda, wara li okkupa l-kariga għal 10 snin. Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu, huwa ddeskriva żmienu fil-kariga bħala “Vjaġġ iebes u qalil iżda xorta ta’ sodisfazzjon.”

Segwi xi ntqal fil-qorti minuta b’minuta:

11:55 Grazzi talli segwejtuna. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
11:50 Is-seduta li jmiss hija nhar it-Tnejn li ġej iżda se ssir fil-magħluq. Kellu jixhed Dr Chris Cardona, iżda ma jistax nhar it-Tnejn. Hu mistenni jixhed nhar il-Ġimgħa.

L-Erbgħa se tixhed l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg fis-2pm.
Sephora Francalanza
11:50 Ix-xhieda tal-eks AĠ tintemm hawn.
Sephora Francalanza
11:49 Dr Grech iwieġeb li kiteb ittra ta' riżenja fejn spjega d-deċiżjoni tiegħu. "Naf li l-attitudni kienet li l-affarijiet kellhom jinbidlu," jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
11:49 Il-Bord joġġezzjona għax jgħid li ma jsibx relevanza.
Sephora Francalanza
11:48 L-aħħar mistoqsija ta' Dr Comodini Cachia hi dwar ir-riżenja ta' Dr Grech.

Tistaqsih jekk huwiex minnu li qabel irriżenja ġiex mitkellem mill-Ministru Zammit Lewis u mill-Prim Ministru Abela.
Sephora Francalanza
11:47 Dr Grech jgħid li laqgħat ras imb ras mad-diretturi qatt ma kellu, imma meta kienu jiġu l-bankiera minn barra, Yorgen Fenech kien ikun hemm.

Kien ikun hemm hu u Dr Victoria Buttigieg, Alfred Camilleri mill-Ministeru tal-Finanzi, Catherine Halpin u Yorgen Fenech mill-Electrogas.
Sephora Francalanza
11:45 Tikkwota email indirizzat lil Yorgen Fenech li fih jingħad li l-Gvern għadu qed jittrateni.

L-email jgħid: "Have you had a chance to discuss with the respective people within the government of Malta?"

"Marcus I am working on it, I am confident it will be solved today," wieġeb Yorgen.
Sephora Francalanza
11:44 L-avukata issa tistaqsi lix-xhud jekk hu kellux laqgħat mad-diretturi tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
11:44 Dr Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud jekk hu kitibx il-liġi tal-IIP, iżda l-Bord jgħid li ma tantx jara relevanza.
Sephora Francalanza
11:43 Jgħid li l-parir li hu ta lil John Rizzo kien li kien hemm ċans raġonevoli li tittieħed azzjoni kontra John Dalli. Imbagħad kien f'idejn il-pulizija tiħux passi jew le.
Sephora Francalanza
11:37 L-eks AĠ jgħid li meta titkellem fuq dawn l-affarijiet, l-opinjoni tista' tvarja.
Sephora Francalanza
11:35 L-avukata tgħid li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta li flimkien mal-AĠ, kienu ddeċidew li jieħdu passi kontra John Dalli.

L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit, imbagħad, iddeċieda li m'għandhomx jittieħdu passi.

Tistaqsi lix-xhud jekk hu kienx involut fid-deċiżjoni ta' Zammit li ma jittiħdux passi.
Sephora Francalanza
11:34 Dr Grech jgħid li ma jafx saritx l-emenda mitluba fl-email ikkwotat minn Dr Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
11:34 Jistqarr li normali li jinqalgħu kwistjonijiet meta jkun hemm ħafna avukati involuti, peress li kulħadd bl-opinjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
11:33 Jgħid li l-kwistjoni tal-Electrogas damet sejra s-snin u involviet kwistjonijiet numerużi.
Sephora Francalanza
11:31 Dr Comodini Cachia tiġbed l-attenzjoni għall-kliem użat fis-suġġett tal-email: Government Deal. Tistaqsih dwar kwistjoni li kien hemm li tinvoli l-Awtorità tal-Artijiet, iżda Dr Grech ma jiftakarhiex.
Sephora Francalanza
11:28 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lix-xhud kienx hemm indħil, billi hu ntalab jibdel l-opinjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
11:27 Jistqarr li din hi prattika komuni, billi dan kien abbozz tal-parir, mhux il-parir finali.
Sephora Francalanza
11:27 Fis-6 ta' Diċembru, Steven Jorgenson wieġbu li l-abbozz ma speċifikax li kien hemm laqgħa tal-Kabinett u li jemmnu li għandu jsemmih dan id-dettall.

L-avukata tistaqsih huwiex normali li dan jaffettwa l-opinjoni tiegħu, li hu jibdel il-parir tiegħu.
Sephora Francalanza
11:26 Steven Jorgenson kien qed jikkorrispondi ma' Ron Galea Cavallazzi minn Camilleri Preziosi.
Sephora Francalanza
11:21 Dr Grech jgħid li jridu jsiru l-affarijiet skont il-liġi biex jevitaw sitwazzjoni fejn iqumu ħafna eċċezzjonijiet. Iżid jgħid li normali li l-opinjonijiet jiġu vvettjati.
Sephora Francalanza
11:21 L-avukata tikkwota mill-email: "Attached please find an updated opinion from the Attorney General."
Sephora Francalanza
11:20 Ix-xhud jgħid li mhux hu kkupjah fl-email, imma jifhem li l-Ministeru kkonċernat għandu jkun inkluż.
Sephora Francalanza
11:19 Tirreferi għal email li fih hu kkupjat Ronald Mizzi, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta' Konrad Mizzi. Tistaqsih x'kien l-irwol tiegħu.
Sephora Francalanza
11:17 Dr Comodini Cachia tirreferi għal xi emails.

Tibda ssemmi xi avukati u tistaqsih lil min kienu qed jagħtu parir, u hu jwieġeb li mhux ċert imma x'aktarx lil min kien qed isellef il-flus.
Sephora Francalanza
11:16 L-Imħallef Lofaro tgħid, "Ma kellhomx l-avukati tagħhom dawn?"

Jgħid li l-avukat tal-Gvern ma setax jgħid le, u kienu hu u Dr Victoria Buttigieg, li llum hi l-Avukat Ġenerali li kienu jirrappreżentaw lill-Gvern.
Sephora Francalanza
11:16 Il-kumpanija l-oħra li kienet tirrappreżenta lill-Gvern kienet Camilleri Preziosi.
Sephora Francalanza
11:14 Billi l-ftehim kien kumplikat sew, u jinvolvi ħafna kumpaniji u banek, il-Gvern kien iqabbad ukoll avukati fil-privat, li kienu jikkorrispondu magħhom imma jikkupjaw lill-avukati tal-AĠ.

Iżid jgħid li dan mhuwiex settur li normalment jaħdem fuqu l-Uffiċċju tal-AĠ.
Sephora Francalanza
11:14 Jispjega li l-Uffiċċju tal-AĠ kien qed jaġixxi bħala avukat tal-Ministeru tal-Finanzi.
Sephora Francalanza
11:11 Dr Comodini Cachia tgħid li meta xehdu fuq il-kuntratt tal-Electrogas, ukoll qalu li kienu qed jiddependu fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali. Tistaqsi lil min kien qed jagħti parir l-AĠ.
Sephora Francalanza
11:08 L-eks AĠ jiddiskuti t-talba tal-familja Caruana Galizia għal inkjesta pubblika u l-bażi legali fuqiex inhi msejsa.
Sephora Francalanza
11:06 Dan il-parir bil-miktub kellu jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Inkjesta imma għadu ma ngħatax.
Sephora Francalanza
11:05 Dr Grech jgħid li l-problema f'dik il-kawża kienet li jekk tiġi dikjarata nulla l-investigazzjoni, kienx jibqa' validu xogħol Valletta. Jgħid li l-Qorti kienet qalet li jibqa' validu.

Jistqarr li hemm differenza bejn is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u s-sentenza tal-ewwel Qorti.
Sephora Francalanza
11:04 Jiddiskutu issa l-irwol ta' Silvio Valletta fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:02 Jirreferu issa għall-parir li l-AĠ ta lill-Bord tal-Accountancy, skont ma xehdu l-uffiċjali mill-Bord fl-inkjesta, li fl-2017, il-Bord ma ħax azzjoni kontra Brian Tonna u Nexia BT għax l-AĠ tahom parir jistennew li jintemmu l-proċeduri kriminali.
Sephora Francalanza
11:01 Dr Grech jgħid li hu qatt ma rrifjuta lil xi ħadd li mar għandu għal parir.
Sephora Francalanza
11:00 Dr Comodini Cachia tistaqsi li allura, mhijiex stramba li marru għandu għall-parir fuq is-servers ta' Nexia BT.
Sephora Francalanza
11:00 Jgħid li le, normalment rapporti tal-FIAU jmorru għand avukat ieħor fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mhux għand l-AĠ innifsu. Jaslu għandu imma mingħand avukati oħra fl-uffiċċju tiegħu.
Sephora Francalanza
10:59 L-avukata tistaqsih jekk qattx iddiskutew rapporti tal-FIAU flimkien.
Sephora Francalanza
10:59 Dr Comodini Cachia tistaqsi lil Dr Grech kif kien jaf lil Silvio Valletta.

Jgħid li qatt ma kellu ħbiberija personali miegħu, imma kien ilu jafu fuq xogħol, peress li t-tnejn kienu ilhom fil-kariga.
Sephora Francalanza
10:57 Iżid jgħid li din kienet aktar konverżazzjoni milli forma ta' parir, imma tista' ssejjaħlu parir.
Sephora Francalanza
10:56 Jistqarr li lilu ħadd ma tah id-dettalji ta' x'kien għaddej il-Bank Pilatus dak il-ħin, li kien hemm Ali Sadr ħiereġ mill-bank bil-bagalji.
Sephora Francalanza
10:56 Aktar tard, wara li wasal id-dar, għal xi d-9pm, irċieva telefonata mingħand Valletta meta qallu, "Int kont kontra li niftħu inkjesta maġisterjali, hux?" Hu kkonfermalu li kien qallu waranofsinhar.
Sephora Francalanza
10:53 Dr Peter Grech jgħid li dakinhar Silvio Valletta avviċinah u qallu li kienu qed jaħsbu li jiftħu inkjesta maġisterjali. Dr Grech qallu li abbażi biss ta' blogg, ma jaqbilx li jiftħu inkjesta maġisterjali.
Sephora Francalanza
10:51 Dr Comodini Cachia tgħid li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal fl-inkjesta li hu kien lest jibgħat lill-pulizija fil-Bank Pilatus biex jagħmlu tfittxija, li ċempel lil Silvio Valletta li qallu li kien għadu kemm kellem lill-AĠ, u li l-AĠ tah parir li "dak li għandna f'idejna hu sempliċiment blogg," allura m'hemmx biżżejjed evidenza li tiġġustifika rejd fuq il-bank.
Sephora Francalanza
10:51 L-Imħallef Lofaro tgħid li mhux dejjem kien hekk, għax il-Prim Ministru Duminku Mintoff kellu kuntatt kontinwu mal-AĠ Edgar Mizzi, kienu jaħdmu id f'id.

Dr Grech jgħid li l-affarijiet inbidlu.
Sephora Francalanza
10:50 L-eks AĠ jgħid li l-laqgħat mal-Prim Ministru huma ftit, aktar kien ikollu kuntatt mal-Ministru tal-Ġustizzja.
Sephora Francalanza
10:49 Dr Grech jgħid li mhux ċert din tidħolx fil-kwistjoni tas-sigriet tal-professjonalità.

"Mhux iva jew le?" tgħid l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
10:49 Il-Prim Imħallef Emeritu jistaqsi lix-xhud jekk l-eks PM Joseph Muscat kienx staqsieh għal parir.
Sephora Francalanza
10:48 L-eks AĠ jgħid li l-parir ġie kkwotat bħala "go slow" fil-midja mentri dan mhu minnu xejn.
Sephora Francalanza
10:47 Lofaro tgħidlu li allura, ladarba ċ-ċirkustanzi nbidlu, għaliex ma ssuġġerilhomx li jieħdu azzjoni.

Dr Grech jibda jwieġeb billi jirrepeti dak li diġà qal, u l-Imħallef tgħidlu, "M'intix twiġibni, jiddispjaċini."
Sephora Francalanza
10:47 L-eks AĠ jgħid li l-parir hu flessibbli fih innifsu, għax hu ssuġġerixxa li jaraw li għandhom suspett sod qabel jieħdu azzjoni.
Sephora Francalanza
10:46 L-Imħallef Lofaro tgħidlu li ġew għandu għal parir, imma tistaqsi għaliex dak il-parir ma tvarjax, baqa' l-istess wieħed, minkejja li ċ-ċirkustanzi nbidlu għall-agħar.
Sephora Francalanza
10:46 Jistaqsi tistax tieħu passi fuq rapporti li ġew żvelati.
Sephora Francalanza
10:45 Jisħaq li l-Uffiċċju tal-AĠ dejjem mexa bil-premessa li jagħti parir meta hu mitlub.
Sephora Francalanza
10:45 Hija tgħidlu li tifhem li ma kellux il-funzjoni li jinvestiga hu, imma li jkun l-Avukat tal-Istat, l-ewwel obbligu tiegħu hu li jħares l-interess pubbliku, l-interess tal-pajjiż.
Sephora Francalanza
10:42 Dr Comodini Cachia tfakkru li kellu l-klijenti msemmijin fil-Panama Papers, peress li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu parti mill-Gvern, u lill-pulizija li għandhom il-fakultà jitolbuh il-pariri.
Sephora Francalanza
10:41 Sa fejn jaf hu, fir-rigward tal-aċċess tal-Panama Papers minn Malta, ftit wara li seħħ l-assassinju fl-2017, kien kitiblu uffiċjal mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ġermaniż li qallu jekk jistax ikun li r-reat hu konness mal-Panama Papers. Qallu jekk għandkom bżonn aċċess għall-Panama Papers, jistgħu jipprovduhom.

Hu għadda dan lill-maġistrat inkwirenti, u saru arranġamenti biex marru l-Ġermanja.
Sephora Francalanza
10:35 Dr Grech jgħid li l-Panama Papers qatt ma ġew fl-uffiċċju tal-AĠ.
Sephora Francalanza
10:33 Rigward l-elevar tas-servers, Dr Grech jistqarr, "M'għidtilhomx ma tistgħux tagħmluha, imma nifhmu li hi azzjoni daqsxejn skabruża. Naħseb ma nafx b'każ preċedenti lokalment fejn accountancy firm kienet akkużata b'ħasil tal-flus."

Dr Comodini Cachia tgħid li l-Prosekutur tal-Panama hekk għamel.

Dr Grech jgħid li għandu jitqies il-kuntest lokali, mentri l-Bord tal-Inkjesta jgħidlu li f'dal-każ, trid tara x'ġara fil-kumplament tal-pajjiżi.

L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid li Malta biss baqgħet lura.
Sephora Francalanza
10:33 L-eks AĠ jgħid li wieħed irid jeżamina l-pariri fihom infushom, u jgħid li hu lest jiddiskuti l-pariri li ta mal-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
10:31 Said Pullicino jgħid li l-parir jista' jittieħed b'diversi modi. Jikkjarifika li mbilli Dr Grech qalilhom biex ma jiħdux is-servers, ma jfissirx li kien qed jgħidilhom biex ma jsegwux il-passi tan-nies involuti.
Sephora Francalanza
10:30 Dr Grech jgħid li l-argument donnu hu li kieku kulħadd kien ikun il-ħabs sal-2017 u l-assassinju ma kienx jiġri.

"Le, le, le," jgħidu l-membri tal-Bord.
Sephora Francalanza
10:30 Ix-xhud jispjega mill-ġdid, "Meta tagħti parir qed tafda li l-klijent ġie għandek in good faith. Ma tistenniex li r-responsabbiltà se tintefa' fuq l-avukat. Parir dejjem jibqa' parir, mhux għax m'għandux valur… Li tmur titlob parir biex tistaħba wara dak il-parir, ma naħsibx li hija ta' suffraġju."
Sephora Francalanza
10:28 Said Pullicino jikkummenta li kull min ġie jixhed qal li qagħdu fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali. Jgħidlu, allura, biex jispjega għaliex ta dan il-parir.
Sephora Francalanza
10:27 "Parir tagħtih meta inti mitlub, l-ebda avukat ma jmur jagħti parir mingħajr ma xi ħadd jitolbu."

Dr Comodini Cachia tibda titbissem għal dan il-kumment.
Sephora Francalanza
10:27 L-eks AĠ itenni li l-investigazzjoni hi f'idejn il-Pulizija, mhux f'idejn l-AĠ.
Sephora Francalanza
10:26 "Għalina inspjegabbli," itemm jgħid Said Pullicino.
Sephora Francalanza
10:26 Jistaqsi lix-xhud kellux kuntatt mal-Ministru f'dawn iċ-ċirkustanzi. L-eks AĠ jgħid li ma kellux.
Sephora Francalanza
10:24 Jisħaq li meta ma jsir xejn tinħoloq sistema ta' impunità.
Sephora Francalanza
10:24 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jgħid li issa jixtieq li jiffukaw fuq il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
10:23 Jgħid li ma jidhirlux li ntwera xi fajl mill-investigazzjoni qabel ta l-parir tiegħu.
Sephora Francalanza
10:23 Dr Comodini Cachia tistaqsih qiesx l-aħbarijiet li diġà kienu żvelati fuq il-Panama Papers meta ta l-parir tiegħu.
Sephora Francalanza
10:22 Ix-xhud jissokta jgħid, "Ma nafx x'kellhom u ma kellhomx, imma dettalji tal-investigazzjoni… ħafna dettalji ħarġu sena, sentejn wara."
Sephora Francalanza
10:21 L-Imħallef Lofaro tibqa' tinsisti li l-kwistjoni hi x'seta' nstab jekk inġabru s-servers ta' Nexia BT mill-ewwel.
Sephora Francalanza
10:21 Wara s-16 ta' Mejju tal-2016, ma reġgħux talbuh parir, jerġa' jgħid l-AĠ ta' dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
10:21 Fit-22 t'April, Nexia BT irrispondiet lill-FIAU billi qaltilha li m'għandhiex aktar dokumenti għax il-ftehimiet mal-klijent kienu kollha verbali, jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:19 Dr Grech jgħid li fit-2 ta' Marzu tal-2016, l-FIAU talbet id-dokumenti mingħand Nexia BT.

Fl-10 ta' Marzu saret talba oħra.

L-FIAU kienet donnha qed tissuspetta li hemm iżjed dokumenti, jispekula Dr Grech.

Jgħid li dan qed jgħidu mil-leaked reports.
Sephora Francalanza
10:19 L-Imħallef Lofaro tfakkru li għadda ż-żmien bejn li ħareġ dwar 17 Black u l-inkjesta fuq Egrant.
Sephora Francalanza
10:19 Jgħid mill-ġdid li fis-16 ta' Mejju tal-2016 ma kellux stampa ċara.
Sephora Francalanza
10:18 Dr Peter Grech jgħid li hu importanti li l-Bord tal-Inkjesta jara l-inkjesta Egrant għax dan jaf jagħti perspettiva.
Sephora Francalanza
10:18 Lofaro tisħaq, "Il-parir ma jiġix rivedut skont iċ-ċirkustanzi?" Tkompli tgħid li ħadd baqa' ma mar għas-servers ta' Nexia BT.
Sephora Francalanza
10:17 Jistqarr li, "Irridu naraw x'kien hemm available dak iż-żmien."
Sephora Francalanza
10:16 Dr Grech jgħid li ma jidhirlux li l-pulizija qatt irrikorrew lura għalih fuq din il-kwistjoni.
Sephora Francalanza
10:15 "Il-parir huwa purament fuq binarji legali, ma sarx eżerċizzju ta' x'hemm u x'm'hemmx eżatt," jgħid Dr Grech.

Lofaro tgħidlu, "Forsi missu sar dan l-eżami?"

Ix-xhud iwieġeb li ma jidhirlux li kellu jispiċċa jagħmel l-investigazzjoni hu.
Sephora Francalanza
10:15 Ix-xhud jissokta jgħid li hu jiftakar laqgħa waħda mal-pulizija. L-Imħallef Lofaro tgħidlu li l-pulizija qalulhom li kien hemm aktar minn laqgħa waħda.
Sephora Francalanza
10:14 L-Imħallef Lofaro twiddbu, "Dawn ġew għandek biex tiggwidahom. Ma tistaqsihomx lill-pulizija eżattament x'għandhom, bħala l-avukat tagħhom?"
Sephora Francalanza
10:13 B'referenza għar-rapport li jissemma fil-parir, l-eks AĠ jispjega li kien ra l-konklużjoni tar-rapport, jew daru ta' fuq fuq, u mhux daru fid-dettall. Jgħid li ma jaħsibx li hu fid-dmir tal-Uffiċċju tal-AĠ li jiskrutinja r-rapporti tal-pulizija.
Sephora Francalanza
10:12 Dr Comodini Cachia tikkwota mill-parir li ta Dr Grech fl-2016.
Sephora Francalanza
10:12 L-eks AĠ iżid jgħid li ma jafx il-Pulizija x'kellha.
Sephora Francalanza
10:12 Tistaqsih is-servers setgħux inġabru għal ġimgħa biex jiġu analizzati u biex Nexia BT ma tagħlaqx.
Sephora Francalanza
10:11 L-Imħallef Lofaro tindika li Dr Grech diġà uża t-terminu "suspett raġonevoli" biex jirreferi għall-FIAU. Tistaqsi x'inhi d-differenza bejn dak il-każ u dan.
Sephora Francalanza
10:11 Jidħol fl-awla Dr Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista assassinata, u jpoġġi ħdejn il-parte civile.
Sephora Francalanza
10:10 Jissokta jgħid, "Li tieħu pass serju hekk, li twaqqaf accountancy firm li qed topera, ma nafx kienx hemm pass drastiku hekk. Forsi kont kawt. Ikollok elementi ta' prova li jiġġustifikaw jekk int tiġi sfidat għaliex ikkaġunajt dawn l-affarijiet."
Sephora Francalanza
10:10 "Jekk hemm suspett raġonevoli, mhux eskluż li toħodha l-azzjoni, imma l-parir jgħid li peress li din hi miżura drastika, allura ara li għandek livell ta' suspett raġonevoli li hu sod."
Sephora Francalanza
10:10 Jispjega li uża l-kelma "intrusive" għax qed jirreferi biex ma jindaħlux fil-privatezza tal-ħajja normali ta' dak li jkun.

"Li tmur ġo accountancy firm li qed topera u tiħdilha s-servers, ovvjament hi intrusive measure."
Sephora Francalanza
10:08 "Il-parir li tajthom jien ġie spun b'mod li għamilli ħsara kbira."
Sephora Francalanza
10:08 Jgħid li għalhekk, ma jafx jekk it-talba għall-parir kinitx influwenzata minn dak li nkiteb fil-blogg.
Sephora Francalanza
10:06 Jgħid li fit-2 ta' Marzu, 2016, kien hemm bloggata ta' Daphne Caruana Galizia li l-Kummissarju tal-Pulizija missu ordna investigazzjoni l-ġimgħa preċedenti. Hi kienet indikat li d-dokumenti żgur kienu sparixxew kollha u l-Pulizija missha tiġbor is-servers ta' Nexia BT illum qabel għada u żżommhom sakemm tintemm l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
10:05 Dr Grech jibda jispjega, "Dak il-parir kien rigward azzjoni partikolari fil-kors ta' investigazzjoni, is-seizure of servers."
Sephora Francalanza
10:05 Għaldaqstant, il-mistoqsijiet għalissa se jiffukaw biss fuq il-parir ta' Dr Grech bħala AĠ li ssemma diġà fil-pubbliku.
Sephora Francalanza
10:04 Dr Comodini Cachia tissuġġerixxi li d-domandi jsiru xorta u Dr Grech jgħid fuqiex jista' jwieġeb jew le.
Sephora Francalanza
10:03 L-Imħallef Lofaro tgħidilhom, "Issa twaħħlux fina li qed intawlu."
Sephora Francalanza
10:02 L-avukat li qed jidher għall-Avukat tal-Istat, jitkellem fin-nom ta' Dr Grech u jargumenta li huwa ma ntalabx jitlob eżenzjoni biex ikun jista' jixhed.
Sephora Francalanza
10:02 L-Imħallef Abigail Lofaro taqbel ma' Dr Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
10:01 Dr Comodini Cachia tistqarr li, "Ix-xhud kellu jinfurmana li hu mar għand il-Prim Ministru biex jeżentah mill-privileġġ legali." Tistaqsi jekk marx għand il-PM biex jeżentah.
Sephora Francalanza
10:01 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino jfakkru li l-Bord tal-Inkjesta ngħata l-privileġġi kollha biex jindaga mill-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
09:58 Ix-xhud jgħid li m'għandu l-ebda problema jagħti informazzjoni, madankollu jrid il-permess tal-klijenti tiegħu li jikkummenta fuq dan.
Sephora Francalanza
09:58 Il-Bord jgħid lil Dr Grech li qed jagħtih l-opportunità jiġġustifika dan il-parir.
Sephora Francalanza
09:58 Mallia jgħid lix-xhud, "Tirrealizza li b'dak il-parir, il-pulizija m'għamlu xejn. Intilfet minn tal-inqas sena li fiha setgħet tittieħed azzjoni. F'din is-sena setgħu ġew imbagħbsa s-servers ta' Nexia BT."
Sephora Francalanza
09:57 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jaqra l-parir ta' Dr Peter Grech bħala AĠ tas-16 ta' Mejju, 2016, li li jinġabru s-servers ta' Nexia BT tkun "highly intrusive."
Sephora Francalanza
09:56 L-avukat li qed jirrappreżenta lil Dr Grech iqum biex jgħid li l-klijent tiegħu ma jistax jiġi mistoqsi fuq pariri li hu ta lill-Gvern bħala AĠ.

Il-Bord tal-Inkjesta jagħmilha ċara li mhux se jistaqsi fuq hekk.
Sephora Francalanza
09:56 Dr Grech jgħid li jista' jixhed fuq hekk fil-magħluq.
Sephora Francalanza
09:54 Dr Comodini Cachia tgħid lix-xhud li jrid jgħid meta l-bord beda jinvestiga lil Keith Schembri u lil Adrian Hillman.
Sephora Francalanza
09:54 Tgħid li ma taħsibx li dan hu sigriet statali u li x-xhud jista' jitkellem fuq affarijiet li hemm fid-dominju pubbliku.
Sephora Francalanza
09:54 "Ma nafx hux se nidħlu fuq is-sigriet tal-FIAU jekk nidħlu fuq inkjesti," jgħid Dr Grech u Dr Comodini Cachia taqleb għajnejha.
Sephora Francalanza
09:53 Said Pullicino jgħid li hi kruċjali li l-Bord tal-Inkjesta jkun jaf jekk l-FIAU kinitx għaddejja b'investigazzjonijiet fuq ċerti persuni.
Sephora Francalanza
09:53 L-FIAU kien jitmexxa minn Manfred Galdes u llum jitmexxa minn Kenneth Farrugia.
Sephora Francalanza
09:53 Dr Grech jgħid li dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq kwistjoni ta' apparenza. Fil-verità, il-Bord ma jkunx involut f'li tagħmel l-FIAU sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet.
Sephora Francalanza
09:50 L-Uffiċċju tal-AĠ m'għadux jipparteċipa fil-bord tal-FIAU skont emendi li saru riċentament, fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Sephora Francalanza
09:48 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi fuq l-impożizzjoni tal-multi.

Dr Grech jgħid li dak iż-żmien ma kienx hemm appell mill-multi li twaħħal l-FIAU, imma jidhirlu li llum hemm il-Qorti tal-Appell inferjuri.

Dawn ikunu multi amministrattivi u mhux ta' natura kriminali, iżid jgħid Grech.
Sephora Francalanza
09:47 Dr Grech jgħid li l-FIAU tagħmel l-investigazzjonijiet, tara hemmx suspett raġonevoli u tgħaddi r-rapport lill-Pulizija. Jgħid li ġieli sar l-argument li billi r-rapport jista' jispiċċa għand l-AĠ, jaf tkun problema billi l-AĠ parti mill-FIAU.
Sephora Francalanza
09:47 "Hi sistema unika naħseb bħala korporazzjoni pubblika," jikkummenta l-eks AĠ.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Bord tal-FIAU jiġi nominat billi l-AĠ, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, iċ-Chairman tal-MFSA u l-Kummissarju tal-Pulizija jagħmlu n-nomini tagħhom u jissottomettuhom lill-Ministru tal-Finanzi u dan jagħżel wieħed minn kull lista. Iċ-Chairman u d-Deputat Chairman jintgħażlu mill-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
09:45 Jikkonferma li hu ma kienx ikun jaf bl-investigazzjonijiet għaddejjin bihom l-FIAU.
Sephora Francalanza
09:44 Il-bord jiltaqa' darba fix-xahar u jiddetermina policy u affarijiet li jiġu riferuti lilu, bħal jekk xi kumpanija għandhiex teħel xi multa, jinvestiga azzjonijiet, jispjega Dr Grech.
Sephora Francalanza
09:43 Il-predeċessur tiegħu Silvio Camilleri kien Chairman tal-Bord tal-Governanza tal-FIAU, allura hu ħa postu f'dan il-bord ukoll.
Sephora Francalanza
09:43 Jgħid li sar Avukat Ġenerali fid-9 ta' Settembru tal-2010.
Sephora Francalanza
09:40 Il-Bord tal-Inkjesta jgħid lix-xhud li ma jistax jistaqsih fuq xogħlu bħala AĠ għaliex ċerta informazzjoni hija protetta.
Sephora Francalanza
09:40 Dr Peter Grech jissejjaħ fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:40 Aqraw aktar fuq dan ir-rikors hawnhekk:

newsbook.com.mt/il-bord-tal-inkjesta-jghid-lil-fenech-li-hu-konxju-tal-obbligi-tieghu/
Sephora Francalanza
09:40 Tgħid li, "Dawn it-tip ta' rikorsi jsiru biex ibeżżgħu" lin-nies li qed jgħinu lill-Bord bl-informazzjoni.
Sephora Francalanza
09:38 Dr Therese Comodini Cachia tgħid li l-parte civile għandhom tweġiba għar-rikors li ressaq Yorgen Fenech sabiex ismu jitneħħa mix-xhieda tal-inkjesta.
Sephora Francalanza
09:37 Bonġu, nilqgħukom minn awla 20 għall-blogg live tal-lum.
Sephora Francalanza

Dr Grech kien kritikat bil-qawwi, u ismu kemm-il darba ssemma f’din l-inkjesta, b’rabta mal-investigazzjonijiet tal-Panama Papers. L-eks Kap tad-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji Ian Abdilla xehed f’Lulju li l-Pulizija ma investigatx il-Panama Papers fuq parir tal-AĠ, għaliex dan qalilhom biex jiħduha bil-kalma.

Dr Grech kien ċaħad li dan hu minnu.

Fl-aħħar seduta xehdet l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, li tmexxi d-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-inkjesta l-oħra fuq il-Panama Papers waslet fi stadju kruċjali
  • “Minn sbieħ filgħodu sa tard billejl naħdmu fuq l-inkjesta” li wasslet għall-arrest ta’ Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT
  • Infetħu għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali miċ-chats ta’ Yorgen Fenech
  • Taħseb li l-informazzjoni mill-apparat ta’ Fenech se tkun utli għall-Bord tal-Inkjesta
  • L-Assistent Kummissarju ltaqgħet mal-familja Caruana Galizia għax temmen li l-vittma ħaqqha tkun taf fiex waslu l-investigazzjonijiet
  • Meta bdiet tmexxi d-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji, ħasset li kellha tlaqqa’ lill-ispetturi kollha biex tgħidilhom li ma jridu jħarsu lejn wiċċ ħadd
  • Issib sapport mingħand il-Kummissarju Gafà; ma jindaħallhiex f’xogħolha

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.