L-ewwel reazzjoni ta’ Konrad Mizzi dwar il-kumpaniji fil-Panama kienet “bluff” – Farrugia

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Illum xehed Kurt Farrugia fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Farrugia huwa s-CEO tal-Malta Enterprise, iżda qabel okkupa din il-kariga, huwa kien il-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u ħadem mill-qrib ta’ Joseph Muscat għal diversi snin.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Kurt Farrugia?

  • Meta jħares lura jemmen li l-Gvern missu stieden lill-midja Maltija għaż-żjara tad-delegazzjoni tal-Gvern fl-Ażerbajġan fl-2014
  • Meta kkonfronta lil Konrad Mizzi dwar li hu ssemma fuq il-blogg ta’ Daphne dwar il-Panama Papers, Mizzi qal li dan kien “bluff.”
  • Dwar stqarrijiet tal-Gvern fuq dak żvelat fil-Panama Papers, Farrugia jgħid li hu kien jivverifika l-istqarrija mal-eks Ministru Konrad Mizzi u ma’ Keith Schembri. L-istqarrijiet kienu jinkludu l-pożizzjoni tal-Gvern ibbażata fuq dettalji li jipprovdulu.
  • “Kien hemm ġurnalisti li kienu ebsin magħna u aħna konna iebsa magħhom”
  • Fl-2018, il-Gvern uża kumpanija tal-PR barranija, Chelgate, fejn Farrugia ltaqa’ ma’ wħud mar-rappreżentanti tagħha meta kienu jkunu Malta.
  • Corinne Vella tgħid li Kurt Farrugia bblokkja n-numru ta’ Daphne Caruana Galizia.
12:51 Grazzi talli segwejtuna. Nawgurawlkom il-bqija tal-ġurnata t-tajba.
Charmaine Attard
12:50 Nhar l-Erbgħa se jixhed il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo. Nhar il-Ġimgħa se jixhed David Casa u ġurnalist. Dr Azzopardi jitlob lill-bord biex nhar il-Erbgħa jibdew fid-9.15am. It-talba ġiet aċċettata.
Charmaine Attard
12:48 Vella tirreferi għall-istqarijja PR 115/17 fuq il-websajt tal-Pulizija dwar storja li kien hemm fuq in-Nazzjon li kienet tgħid li Mizzi u Schembri kienu se jiġu akkużati dwar il-Panama Papers, issa tneħħiet mill-websajt. Vella ttemm ix-xhieda tagħha.
Charmaine Attard
12:46 Vella tgħid li "l-assassinju ġie trattat bħala problema ta' PR mill-Gvern".

Żiedet tgħid li Glen Bedingfield u Neville Gafà u gazzetta li suppost hi indipendenti attakkawha b'mod koordinat biex iġibuha tidher bħala aġent tal-PN.
Charmaine Attard
12:44 Vella tgħid li kopja ta' dokument privat li hu disponibbli biss għall-Kumitat LIBE, wasal għand il-Gvern. Vella tinnota li l-gvern iddeċieda li jirribatti d-dokument punt wara ieħor, u pprovda dokument imbagħbas.
Charmaine Attard
12:43 L-Imħallef Lofaro tinnota li Farrugia jrid jerġa' jissejjaħ biex jixhed.
Charmaine Attard
12:42 Caruana Galizia kienet ir-raġuni għall-elezzjoni bikrija, qalet Corinne Vella. Saħqet li Farrugia kien ibblokkja n-numru ta' Daphne Caruana Galizia. Issemmi dan il-blog post partikolari: https://daphnecaruanagalizia.com/2017/04/governments-head-communications-woke-6-56am-today/
Charmaine Attard
12:36 Titla' fuq il-pedana tax-xhieda, Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia. Vella ssemma rikording ta' Daphne, waqt li Kurt Farrugia, Dr Lia u Dr Gouder jitilqu mill-awla.

Tispjega li Daphne kienet qed tiġi intervistata bħala parti minn proġett ta' riċerka għall-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti. Kienet qalet li hi spiċċat bħala scapegoat nazzjonali u li kienet għaddejja minn dan għall-aħħar 30 sena. Vella tgħid li traskrizzjoni tar-rikording se tiġi pprovduta lill-bord.

L-intervista kienet dwar it-theddid u saret ġimagħtejn qabel l-assassinju tagħha.
Charmaine Attard
12:33 Mistoqsi jekk qattx ra lil Brian Tonna f'Kastilja wara l-2017, Kurt Farrugia jgħid li ma jiftakarx. "Ma kontx nafu sew. Kien hemm għal audit li kienet qed tagħmel il-kumpanija tiegħu", żied jgħid. "M'għandix idea li Tonna kellu desk l-OPM", kompla jgħid.

Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino josserva nuqqas ta' informazzjoni u li kien hemm ċerti affarijiet li qanqlu suspetti.
Charmaine Attard
12:30 Azzopardi jistaqsi jekk għandux l-intenzjoni li jerġa' jmur lura fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jekk għadux jirċievi paga.

Dr Lia joġġezzjona u jgħid li dawn huma kollha soundbites. Il-Bord jgħid li l-mistoqsija mhix permessa. Farrugia jgħid li ma jarax għalfejn iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet.
Charmaine Attard
12:26 Farrugia qed jiġi mistoqsi dwar il-kumpanija tal-PR Chelgate and Sandstone. Jgħid li hu ma kienx jaf bl-involviment ta' Sandstone. L-EU Observer ippubblika artiklu dwar nuqqas ta' informazzjoni b'rabta mal-assassinju. Jgħid li hu qatt ma kien infurmat dwar dan. "Lanqas ma niftakar eżatt x'kienet l-istorja", jgħid Farrugia.
Charmaine Attard
12:24 Dr Azzopardi: Tiftakar tagħmel rapport mal-Pulizija flimkien ma' Ramona Attard, li wassal għall-arrest ta' Norman Vella, dwar allegat teħid ta' ritratti fl-ajruport?

Farrugia: Le, jien qatt m'għamilt dik it-talba. Sirna nafu wara li nżilna, u dħaqna.
Charmaine Attard
12:18 Stqarr li Muscat kien jiltaqa' regolarment ma' personalitajiet tal-midja. Kompla jgħid li hu kien preżenti għal kull laqgħa qabel l-elezzjoni tal-2013 sa meta rriżenja.

"Kien hemm ġurnalisti li kienu ebsin magħna u aħna konna iebsa magħhom", kompla jgħid.
Charmaine Attard
12:15 Dr Azzopardi jistaqsi lil Kurt Farrugia jekk Muscat qallux għaliex ma talabhomx jirriżenjaw.

Dr Lia jgħid b'leħen sod li l-avukati li qed jidhru għall-familja Caruana Galizia ma jistgħux jagħmlu mistoqsijiet. Jilmenta li l-mistoqsijiet huma "politiċi u partiġġjani".

Farrugia jwieġbu, imma ma jinstemax x'qal.
Charmaine Attard
12:13 Grazzi Sephora. Se nkomplu naġġornawkom minuta b'minuta dwar ix-xhieda ta' Kurt Farrugia, li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ta' Joseph Muscat bħala Prim Ministru.
Charmaine Attard
12:03 Dak iż-żmien xi membri tal-Kabinett bdew jagħmlu pressjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jirreżenjaw.
Sephora Francalanza
12:02 Jirrakkonta kif meta Mizzi fl-aħħar ittiħidlu l-portafoll ta' Ministru għall-Enerġija, kien diffiċli li jagħlqu ċerti proġetti. Keith Schembri kien jikkordina ċertu xogħol.
Sephora Francalanza
12:02 Iżid jgħid li sema' lil nies jgħidulhom biex jirreżenjaw.
Sephora Francalanza
12:00 L-eks Kap tal-Komunikazzjoni jgħid li hu kien tal-opinjoni li nies f'pożizzjoni bħal dik ma setgħux ikunu involuti f'kontroversji bħal dawn peress li l-pożizzjoni tagħhom ma tibqax tenibbli. Qalilhom hekk dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
11:59 Kurt Farrugia jikkonferma li diversi nies fil-Gvern appellaw għar-riżenja ta' Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:58 Farrugia jgħid li jaf sejħu lil Muscat, imma ma jiftakarx eżatt. Hu kien jiġbor it-tweġibiet u jlesti r-rispons għall-midja.
Sephora Francalanza
11:57 Dr Azzopardi jgħid li għal laqgħa bħal din fuq bomba hekk – magna tal-ħasil tal-flus li tinvolvi l-ogħla nies fil-Gvern – ma kienx hemm il-Prim Ministru biex jiddiskutiha ma' Farrugia u Schembri?
Sephora Francalanza
11:56 Mistoqsi jekk kellimx lil Muscat fuq is-sitwazzjoni, Farrugia qal li Muscat irreferieh għand Schembri.
Sephora Francalanza
11:55 Dr Azzopardi jistaqsi lil Farrugia jekk Schembri kienx sorpriż meta sar jaf li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech. Farrugia jgħid li ma jistax jgħid għax kienu qed iwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
11:55 Jiftakar lil Schembri jkun sorpriż bid-dettall li daħlu fih il-mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
11:53 Farrugia jgħid li staqsa speċifikament lil Schembri dwar 17 Black meta rċieva mistoqsijiet mingħand Reuters u t-Times of Malta. It-tweġibiet li ngħataw "ma kinux sodisfaċenti."
Sephora Francalanza
11:53 Ix-xhud hu mistoqsi fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
11:52 Azzopardi: "U llum?"
Farrugia: "Ma rridx nitkellem fuq li kieku, imma ħarġet informazzjoni ġdida li ma konniex nafu biha. L-istess għal Konrad Mizzi."
Sephora Francalanza
11:51 Jistaqsi lix-xhud jaħsibx li Schembri kien onest. "Dak iż-żmien, iva."
Sephora Francalanza
11:50 Issa l-avukat jistaqsi lix-xhud jekk dan kienx ikkonfronta lil Schembri fuq il-kumpaniji miftuħin b'mod sigriet il-Panama u l-effett ta' dan fuq il-Gvern u fuq il-pajjiż.

Farrugia jwieġeb, "Iva."
Sephora Francalanza
11:49 Azzopardi jissuġġerixxi li Farrugia kellu struzzjonijiet biex ma jwiġibx il-mistoqsijiet ta' Daphne Caruana Galizia fuq xi suġġetti. Ix-xhud jiċħad.
Sephora Francalanza
11:46 L-avukat iżid jgħid li l-pubbliku Malti sar jaf dwar il-vjaġġ mill-midja tal-Ażerbajġan. Farrugia jgħid li kiteb stqarrija.
Sephora Francalanza
11:46 L-avukat issa jistaqsi jekk id-DOI ħariġx stqarrija qabel iż-żjara biex jinforma lill-midja li Muscat se jkun imsiefer l-Ażerbajġan. Farrugia jgħid li le.
Sephora Francalanza
11:45 Farrugia: "Iddiskutejnieha u għidna li m'hemmx bżonn ikun hemm midja. Issa tgħallimna. Is-suspetti dwar din iż-żjara huma kollha duħħan fl-arja."
Sephora Francalanza
11:45 Azzopardi: "Ma ssibhiex stramba li ma kien hemm l-ebda midja preżenti fl-Ażerbajġan fl-2014?"
Sephora Francalanza
11:44 It-TVM u d-DOI kienu mistednin imma weħlu Franza minħabba problema bit-titjiriet.
Sephora Francalanza
11:43 Waqt dik iż-żjara, Muscat iltaqa' mal-President tal-Ażerbajġan. Kellu jitkellem f'konferenza organizzata minn NGO.
Sephora Francalanza
11:41 F'April tal-2015, Farrugia u Muscat marru l-Ażerbajġan flimkien, waħedhom.
Sephora Francalanza
11:41 Il-midja ma ġietx infurmata għax kien se jkun hemm tħabbira pubblika li riedet issir mill-Kap tal-Komunikazzjoni.
Sephora Francalanza
11:41 L-ewwel darba li mar l-Ażerbajġan mal-Gvern kien f'Diċembru tal-2014. Kien hemm hu, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:40 L-avukat jitolbu jippreżenta l-komunikazzjoni li kellu ma' Caruana Galizia b'mod formali f'seduta oħra.
Sephora Francalanza
11:39 Farrugia jgħid li xi drabi kien iwieġeb il-mistoqsijiet ta' Caruana Galizia fuq il-Panama Papers, u drabi oħra le. Ma jiftakarx sewwasew.
Sephora Francalanza
11:39 Ix-xhud huwa mitlub jgħaddi d-drabi fejn issemma. Azzopardi jargumenta li l-premju qatt ma reġa' ssemma, lanqas fil-Parlament.
Sephora Francalanza
11:38 Farrugia jgħid li dal-premju ssemma diversi drabi, anke f'ġurnali barranin.
Sephora Francalanza
11:38 Azzopardi issa jistaqsi fuq konferenza stampa li fiha l-Gvern offra €1 miljun fuq informazzjoni fuq il-qtil. Dan kien ftit wara li seħħ l-assassinju, jiġifieri s-16 t'Ottubru, 2017.
Sephora Francalanza
11:36 Azzopardi jistaqsih jew hu jew Muscat kinux jafu b'żewġ arresti partikolari. Farrugia jgħid li hu sar jaf mill-midja.
Sephora Francalanza
11:36 Il-briefing tal-OPM ġara madwar 24 siegħa qabel seħħu l-arresti t-Tnejn.
Sephora Francalanza
11:36 Farrugia jgħid li kien ikollu bejn tliet u ħames talbiet fil-ġimgħa għal intervista mal-Prim Ministru. "Dak iż-żmien fil-fehma tiegħi dan ma kienx ġurnalist minn The Economist," jgħid Farrugia.
Sephora Francalanza
11:35 Dr Jason Azzopardi għadu kemm ippreżenta lill-Qorti bl-artiklu fuq The Economist.
Sephora Francalanza
11:35 Jgħid li f'7 snin, qatt ma waqqfu lil xi ħadd milli jattendi f'konferenza stampa.
Sephora Francalanza
11:34 Kien ikollu kuntatt ma' Caroline Muscat regolarment, li dak iż-żmien kienet taħdem mat-Times of Malta, anke jekk din kienet kritika tal-Gvern.
Sephora Francalanza
11:33 Ix-xhud issa jsemmi r-reġistru ta' edituri tal-gazzetti u l-kreditu tagħhom skont l-Att tal-Midja. Caruana Galizia kienet kemm ġurnalista bħala ċittadina u ġurnalista fis-sens tradizzjonali.
Sephora Francalanza
11:30 Farrugia jiftakar li kien mingħalih li Clapp qallu li hu ġurnalist freelance li kien jikteb għal The Economist. Il-lingwaġġ użat minn Clapp ma kienx ta' ġurnalist minn The Economist, innota Farrugia. Semma xi portals tal-ġurnali barranin li ħadem magħhom fil-passat li m'użawx lingwaġġ ta' din ix-xorta.
Sephora Francalanza
11:28 Il-ġurnalist Alexander Clapp kien, fil-fatt, kiteb għal The Economist.
Sephora Francalanza
11:28 Lia jgħud li essenzjalment, li qed jgħid Azzopardi hu li se jġib evidenza biex igiddeb lix-xhud.
Sephora Francalanza
11:28 Kurt Farrugia u Dr Pawlu Lia joġġezzjonaw. Farrugia jgħid li għandu dritt ikun jaf x'inhi l-evidenza.
Sephora Francalanza
11:27 Dr Azzopardi qal li se jkun hemm evidenza li tikkontradixxi dan li qed jgħid ix-xhud wara li jtemm ix-xhieda tiegħu.
Sephora Francalanza
11:25 Lil Clapp wieġbu jgħidlu li jistgħu jiltaqgħu, imma l-ġurnalist ma setax jistaqsi fuq ċerti kwistjonijiet peress li kien hemm inkjesta maġisterjali għaddejja.
Sephora Francalanza
11:25 Ix-xhud jgħid li raha kemxejn stramba. Kellem lill-kuntatt tiegħu f'The Economist u staqsieh jekk Clapp kienx jaħdem għalihom. Dan qallu le.
Sephora Francalanza
11:24 Farrugia jirreferi għal żmien meta ġurnalist bagħatlu email minn fuq kont tal-Gmail allegatament ta' Alexander Clapp minn The Economist.
Sephora Francalanza
11:23 Dr Azzopardi jistaqsi jekk qalux lill-ġurnalisti barranin biex ma jistaqsux fuq l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:23 "X'istruzzjonijiet ingħataw biex jiġu rrifjutati l-intervisti?"
Farrugia jispjega li meta daħlu t-talbiet, kienu jassessjaw kull talba.
Sephora Francalanza
11:22 Wara l-intervista ta' Joseph Muscat ma' John Sweeney mill-BBC, is-CEO tal-Lovin Malta Chris Peregin kien kiteb intervista immaġinarja ma' Muscat.
Sephora Francalanza
11:21 Dr Pawlu Lia jittawwal minn fuq spallet Dr Jason Azzopardi biex jara minn fejn qed jaqra.
Sephora Francalanza
11:21 Farrugia jgħid li kienet l-opinjoni tagħhom li kienet ta' taħt fuq, dak li bdew jgħidu.
Sephora Francalanza
11:20 PEN International kienet akkużat lil Farrugia li dawwar ittra miftuħa li kitbet hi li fiha kkundannat l-aġir taċ-Chairman tal-V18 Jason Micallef.

Azzopardi jistaqsi min tah l-ordni li jdawwar il-kontenut ta' din l-ittra.
Sephora Francalanza
11:18 Azzopardi jirreferi għar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali fuq il-proġett tal-powerstation. Jistaqsi jekk Farrugia xorta jsostnix li ma rax lil Gasan, Fenech u Apap Bologna fil-Kwartieri tal-PL.

Farrugia jżomm ma' dak li qal, li ma rahomx.
Sephora Francalanza
11:07 Lil Farrugia jistaqsih jekk rax lil Mark Gasan, Peter Apap Bologna jew lil Yorgen Fenech fir-raba' sular qabel Jannar tal-2013. "Le," iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
11:06 Dr Azzopardi jibda billi jistaqsi fuq iż-żmien qabel l-elezzjoni tal-2013.
Sephora Francalanza
11:05 Jibda jistaqsi l-mistoqsijiet Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:04 Anke meta s-sitwazzjoni kienet waħda diffiċli, huwa kien jara li r-relazzjonijiet tagħhom mal-midja lokali u barranija kienu tajbin, jgħid Farrugia.
Sephora Francalanza
11:04 Mistoqsi jekk kinux konxji li xi ħadd kien qed isegwi lill-ġurnalista, Farrugia jgħid li ma kinux.
Sephora Francalanza
11:03 Jispjega li s-sigurtà f'Kastilja hija f'idejn il-Forzi Armati ta' Malta. Ma jiftakarx lil xi ħaddieħor jieħu ħsieb is-sigurtà. L-impjegati jippanċjaw meta jidħlu xogħol, xi wħud għandhom kards biex ikollhom aċċess.
Sephora Francalanza
11:02 "Jiddispjaċini, għax jien għext ukoll is-saga Egrant. Naf li dik l-informazzjoni kienet żbaljata. Kont konvint li kienu allegazzjonijiet bla bażi fuq Joseph u Michelle Muscat."
Sephora Francalanza
11:02 Dr Pawlu Lia, l-avukat ta' Farrugia, jidher ixengel rasu biex ifisser "le." Farrugia jgħid, "Le, ħafna drabi kellha żball."
Sephora Francalanza
11:01 Said Pullicino jistaqsi lil Farrugia jekk il-blogg ta' Daphne kienx sors miftuħ.
Sephora Francalanza
11:01 Farrugia jgħid li dan dejjem għamlu bħala uffiċjal tal-Gvern.
Sephora Francalanza
11:00 "Kont alleat mill-qrib ħafna ta' Muscat, mort miegħu l-Ażerbajġan," jikkummenta l-Imħallef Emeritu Said Pullicino.
Sephora Francalanza
10:57 Kurt Farrugia ta parir lil Konrad Mizzi biex ma joħroġx għall-elezzjoni ta' Deputat Mexxej jekk jaf li xi ħaġa mhix f'postha.
Sephora Francalanza
10:56 Jgħid li ma kienx jaf sa fejn kienu jaslu l-allegazzjonijiet li kienu ħarġu dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
10:55 Farrugia jkompli jgħid li mhuwiex konxju b'xi deċiżjoni biex issir aktar investigazzjoni dwar Konrad Mizzi wara li dan ittiħidlu l-portafoll tiegħu.
Sephora Francalanza
10:54 Kien hemm żewġ proposti fuq kif jiġi ġġenerat l-elettriku bi prezz irħas. Farrugia jiftakar li proġett minnhom kien jinvolvi l-użu tal-fdalijiet taż-żebbuġ.
Sephora Francalanza
10:53 Meta kkonfronta lil Konrad Mizzi dwar li hu ssemma fuq il-blogg ta' Daphne, Mizzi qal li dan kien "bluff."
Sephora Francalanza
10:52 Farrugia jgħid li l-ewwel darba li ssuspetta li xi ħaġa mhix f'postha kienet meta Caruana Galizia xerrdet ritratt ta' kappell tal-Panama u nagħġa ta' New Zealand.
Sephora Francalanza
10:52 Il-Bord isemmi kif il-kumpaniji fil-Panama twaqqfu tlett ijiem wara l-elezzjoni tal-2013.
Sephora Francalanza
10:52 Il-Bord jissuġġerixxi li l-elementi negattivi saru wara dahar Farrugia.
Sephora Francalanza
10:50 Iżid jgħid li ma jiftakarx laqgħa fejn issemmew interessi personali. "Qed tirreferi għal 17 Black?" tistaqsi l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
10:48 Farrugia jgħid li l-irwol tiegħu kien li jwassal il-messaġġ tal-Gvern permezz tal-PR u l-marketing. Jgħid li jiddejjaq għax kulma ra hu kien qed isir sew, b'intenzjonijiet tajbin.
Sephora Francalanza
10:45 Said Pullicino jgħid li tul l-inkjesta ħareġ li impjegati sa ċertu livell kienu onesti u beżlin u kienu ġew "traduti."
Sephora Francalanza
10:45 Farrugia jitlob lill-Bord jistaqsi mistoqsijiet aktar speċifiċi.
Sephora Francalanza
10:44 L-Imħallef Said Pullicino jirreferi għall-frażi li uża Muscat, li se jneħħi "ż-żrar miż-żarbun." Jgħid li l-pubbliku ma jafx x'jiġifieri.
Sephora Francalanza
10:43 Kurt Farrugia jesprimi kburija dwar xi rnexxielu jikseb il-Gvern f'setturi varji. Jgħid li xogħol il-Gvern ittebba'.
Sephora Francalanza
10:38 Farrugia jgħid li kienet tabù għall-Partit Laburista li jkollu xi tip ta' relazzjoni mad-dinja tan-negozju, u dan kien wieħed mill-punti li indirizzaw fl-2008. Riedu jagħmlu policies ibbażati fuq taħditiet mal-korpi kostitwiti u rappreżentanti tal-unjins u l-industrija.
Sephora Francalanza
10:38 Jistaqsi fuq ir-raba' sular tal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Farrugia jgħid li dan is-sular kien jintuża għall-ippjanar elettorali.
Sephora Francalanza
10:38 Jibda jistaqsi l-Imħallef Emeritu Said Pullicino.
Sephora Francalanza
10:37 Il-ġurnalist ġieli kien isemmi lil Farrugia fuq Twitter, u hu ġieli wieġbu.
Sephora Francalanza
10:37 Farrugia jgħid li ma kellux informazzjoni li m'għaddiex.
Sephora Francalanza
10:36 L-Imħallef Lofaro tgħid li hemm suspett li ostakolaw informazzjoni dwar il-Bank Pilatus.
Sephora Francalanza
10:36 Il-Bord jistaqsi jekk dan id-dokument kienx fih paragrafi neqsin. Farrugia jgħid li d-dokument ġie ppreparat minnhom.
Sephora Francalanza
10:34 Mistoqsi fuq il-portal tal-aħbarijiet Żvizzeru Republique, Farrugia jgħid li kien kellem lil ġurnalist minn hemm imma ma jiftakarx x'jismu. Kienu tawhom dokument.
Sephora Francalanza
10:33 Ikkomunika ma' Robert Winstanley. Dan ġieli ġie Malta.
Sephora Francalanza
10:32 Il-kumpanija hija waħda tar-relazzjonijiet pubbliċi, li Farrugia ġieli kkomunika magħha biex toħloq abbozz tal-messaġġ tal-Gvern, speċjalment fil-konfront tal-midja barranija.
Sephora Francalanza
10:32 Farrugia jgħid li sema' b'dil-kumpanija barranija. Kien hemm xi interazzjonijiet magħha fl-2018.
Sephora Francalanza
10:31 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jistaqsi dwar Chelgate.
Sephora Francalanza
10:29 Jgħid li Muscat talab lil dawk preżenti biex jagħtuh id-dettalji fuq is-suspettati fuq bażi ta' x'jeħtieġ li jkun jaf, mingħajr ma jsemmu ismijiet.
Sephora Francalanza
10:28 Kien hemm preżenti żgur il-Brigadier, Joseph Muscat, Keith Schembri, Keith Arnaud u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
10:28 Farrugia jgħid li ssejjaħ għal laqgħa li wara sar jaf li kienet wieħed minn dawn l-aġġornamenti fuq il-qtil, din id-darba fuq l-azzjoni li kienet beħsiebha tieħu l-Pulizija kontra xi suspettati.
Sephora Francalanza
10:27 L-Imħallef Mallia jistaqsi fuq il-laqgħat li kienu jsiru mal-OPM biex il-PM jiġi aġġornat fuq l-andament tal-investigazzjoni fuq l-assassinju.
Sephora Francalanza
10:27 Dwar 17 Black staqsiehom ukoll lil Schembri u Mizzi, u huma ċaħdu li kellhom konnessjoni mal-kumpanija. Qal li hu waqaf hemm.
Sephora Francalanza
10:26 Reġa' spjega li l-istqarrijiet kien joħroġhom wara li kien ikellem lil dawk konċernati. L-istqarrija kienet tirrifletti l-pożizzjoni tal-Gvern.
Sephora Francalanza
10:25 Rigward il-Panama Papers, Farrugia jgħid li talab spjegazzjoni mingħand Mizzi u Schembri fuq il-kumpaniji tagħhom f'Panama. Huma kienu jgħidu li l-informazzjoni ma kinitx vera.
Sephora Francalanza
10:23 Lil Yorgen Fenech rah darbtejn: darba waqt attività għall-powerstation, fejn kien fost in-nies li kien hemm, u darb'oħra Kastilja, possibbilment biex jiltaqa' ma' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:22 Farrugia jgħid li ma kienx jaf. Sar jaf bil-ħbiberija tagħhom mill-midja waqt l-arresti.
Sephora Francalanza
10:22 L-Imħallef Lofaro tikkummenta li "kienu qishom aħwa."
Sephora Francalanza
10:21 Kurt Farrugia jgħid li ma kellux idea ta' kemm kienu ħbieb Keith Schembri u Yorgen Fenech. Jgħid li kien xogħol Schembri li jiltaqa' ma' nies minn sfond soċjali differenti f'Kastilja.
Sephora Francalanza
10:20 Dwar Bedingfield, jgħid li kien ġurnalist imma kellu aspirazzjonijiet politiċi. Ħadem miegħu għal diversi snin.
Sephora Francalanza
10:19 Isemmi kif kien hemm Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni li kien il-qorti bi problemi tal-familja, u qatt ma ppubblikaw stejjer dwar dan.
Sephora Francalanza
10:19 Xi drabi, Farrugia kien ikellem lil Muscat dwar stejjer li dehru fuq il-midja tal-Partit Laburista. Uħud waqqfuhom għax kienu personali żżejjed.
Sephora Francalanza
10:18 "Xi kultant kont naqbel mal-istil tiegħu, xi kultant le… konna niddiskutu l-istil tiegħu." Farrugia jgħid li ġieli ssuġġerielu li jikkalma ftit ("to tone it down"), imma dan kien aktar suġġeriment ta' ħabib milli ordni.
Sephora Francalanza
10:17 Mistoqsi fuq il-blogg ta' Glenn Bedingfield, Farrugia qal li kien involut u kien jaħdem fl-istess uffiċċju ma' Bedingfield.
Sephora Francalanza
10:16 Farrugia jgħid li ma kellhom l-ebda sorsi, imma ġeneralment il-ġurnalisti kienu javviċinawh għall-informazzjoni.
Sephora Francalanza
10:16 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi fuq informazzjoni ħażina fil-midja fuq motivi possibbli għall-assassinju tal-ġurnalista, fosthom iż-żejt.
Sephora Francalanza
10:15 Farrugia jgħid li l-prezz tal-elettriku diġà kien kwistjoni. Konrad Mizzi kien ħa interess fis-settur. Skont Farrugia, Mizzi minn jeddu ddeċieda li se jibda jiddiskuti l-enerġija u l-elettriku.
Sephora Francalanza
10:14 Lil Konrad Mizzi sar jafu fl-2010, meta Muscat stiednu fl-uffiċċju tiegħu. Muscat introduċa lil Mizzi bħala xi ħadd li joqgħod barra minn Malta, u wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Muscat kien talab lil Farrugia biex jibda jesponi lil Mizzi.
Sephora Francalanza
10:12 Isemmi li lil Fenech ġieli rah f'okkażjonijiet pubbliċi xi kultant.
Sephora Francalanza
10:11 "Lanqas biss kont naf min hu Yorgen Fenech dak iż-żmien. Kont naf bit-Tumas Group imma qatt ma kelli xi interazzjoni miegħu."
Sephora Francalanza
10:11 Mistoqsi x'kienet ir-relazzjoni tiegħu ma' Schembri, Farrugia jgħid li lil Schembri ma tantx kien jafu, imma kien jaf li hu ħabib ta' Muscat. Sar jafu huma u jaħdmu fuq l-elezzjoni tal-2013.
Sephora Francalanza
10:10 Keith Schembri ma kienx ma' Kurt Farrugia u ma' Joseph Muscat dak il-ħin.
Sephora Francalanza
10:10 Sadattant, il-ġurnalisti bdew jikkuntattjawh biex jikkonfermalhom x'ġara. Hu beda jgħidilhom imorru Kastilja għal konferenza stampa. Jgħid li ma kkonfermalhomx x'ġara.
Sephora Francalanza
10:09 Imbagħad Muscat ċempel lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Jiftakar lil Muscat jikteb li jrid isejjaħ konferenza stampa, qabel il-Kummissarju kkonferma li kienet Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:09 "Ħassejtni bħallikieku d-dinja kkrollat fuqi," jgħid Farrugia.
Sephora Francalanza
10:08 Farrugia jgħid li ċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kummissarju ma wiġbux mill-ewwel, u ċempillu aktar tard, jinfurmah li x'aktarx il-bomba tqiegħdet taħt il-karozza ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:07 Jiftakar lil Muscat jgħid li martu Michelle tgħaddi minn dik it-triq biex tieħu lil uliedhom l-iskola. Muscat talab lil Farrugia jċempel lill-Brigadier u jinfurmah.
Sephora Francalanza
10:07 L-eks Kap tal-Komunikazzjoni jgħid li kienu kważi waslu l-Belt Valletta meta l-Prim Ministru Joseph Muscat irċieva messaġġ li kien hemm bomba xi mkien il-Mosta.
Sephora Francalanza
10:06 Isemmi kif Caruana Galizia kienet qed tiffoka fuq il-Partit Laburista dak iż-żmien u fuq it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Sephora Francalanza
10:05 Kellhom attività ma' kumpaniji barranin f'Tas-Sliema li għaliha kien preżenti l-Ministru tal-Ekonomija mad-delegazzjoni, imma Keith Schembri ma kienx preżenti.

"Keith Schembri ma kienx magħna Tas-Sliema. Nassumi li kien Kastilja."
Sephora Francalanza
10:04 Kurt Farrugia jsemmi kif dakinhar tal-assassinju, kien imiss lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iwieġeb fuq il-baġit fil-Parlament.
Sephora Francalanza
10:04 Il-mistoqsijiet issa se jiffukaw fuq l-assassinju.
Sephora Francalanza
09:59 Jgħid li qatt ma kellu kopji tal-FIAU u kien jaqra dawn id-dokumenti minn fuq il-midja. "Kienu f'idejn kulħadd, ħlief għandi."
Sephora Francalanza
09:58 L-uffiċċju ta' Kurt Farrugia kien fl-ewwel sular u mbagħad tela' għat-tielet sular, imma qatt ma kellu uffiċċju fit-tieni sular.
Sephora Francalanza
09:58 Jgħid li lil Brian Tonna kien rah Kastilja. Jispjega li jekk jiftakar sew, fil-bidu, Tonna u Cini kienu jagħmlu xi audits. Jgħid li ma kellhomx uffiċċju speċifiku.
Sephora Francalanza
09:57 "Żgur ma kellhomx uffiċċju f'Kastilja," jikkummenta Farrugia.
Sephora Francalanza
09:56 Farrugia jgħid li ma jħossx li kien fl-inkarigu tiegħu li jkellem lil nies parti minn strutturi li ma kinux parti mill-Gvern. Ma kienx l-irwol tiegħu li jinvestiga, jgħid Farrugia.
Sephora Francalanza
09:55 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lix-xhud jekk kienx kellem lil Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT dwar il-Panama Papers. L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi dwar l-uffiċċju tagħhom fl-OPM.
Sephora Francalanza
09:53 Mistoqsi jekk kellhomx sors indipendenti ta' informazzjoni fuq il-Panama Papers, Farrugia jgħid li kien ikellem direttament lil Mizzi u lil Schembri u joqgħod fuq li jgħidu huma. "Kont immur f'ras il-għajn," qal Farrugia.
Sephora Francalanza
09:53 L-Avukat Charles Mercieca mit-tim legali ta' Yorgen Fenech jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:53 Meta mistoqsi fuq hekk, Farrugia jgħid li lil Joseph Muscat kien kellmu dwar il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
09:52 Carbone kien jipprepara abbozzi tal-istqarrijiet għall-midja wara li jkellem lil dawk involuti.
Sephora Francalanza
09:52 L-assistent ta' Farrugia kien Matthew Carbone. Carbone huwa l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-OPM kurrenti.
Sephora Francalanza
09:52 Mistoqsi x'kienet ir-reazzjoni tagħhom, Farrugia jgħid li ma jiftakarx sewwasew, imma qalu li kien hemm allegazzjonijiet skorretti.
Sephora Francalanza
09:51 Iżid li meta ġew żvelati l-Panama Papers, huwa segwa mill-qrib x'kienu qed jirrappurtaw il-ġurnalisti biex ikun jista' joħroġ reazzjoni. Tkellem mal-Ministru Konrad Mizzi u maċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri biex jippubblikaw ir-reazzjoni tagħhom.
Sephora Francalanza
09:51 "Ma jidhirlix li qatt staqsiet dwar il-Panama Papers," jgħid Farrugia.
Sephora Francalanza
09:50 Farrugia jgħid li ma kellimhiex dwar il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
09:50 L-Imħallef Mallia jistaqsi lix-xhud x'kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-Panama Papers, u jekk kellimx lil Caruana Galizia wara li żvelat dan.
Sephora Francalanza
09:49 Maż-żmien, skont ix-xhud, saret aktar aggressiva, u kien hemm għadd ta' stejjer minn tagħha li bdew jagħmlu sezzjonijiet oħra tal-midja.
Sephora Francalanza
09:49 Farrugia jgħid li kien iqis lil Caruana Galizia bħala xi ħadd li jaħdem fil-qasam tal-gossip, tal-għajdut.
Sephora Francalanza
09:48 Ix-xhud jgħid li għandu relazzjoni tajba mal-ġurnalisti kollha. Jisħaq li Daphne akkużatu b'affarijiet ta' kull xorta, anke affarijiet personali ħafna, bl-intenzjoni li tweġġgħu. "Kienet issejjaħli qasir, oħxon, stupidu, minn kollox."
Sephora Francalanza
09:47 Jgħid li fuq il-Maltastar għamlu storja li Daphne kienet preżenti għal dan id-dibattitu. Bdew jiċċajtaw fuq il-parrokki. Kien hemm inċident żgħir bejn iben Caruana Galizia u cameraman tal-ONE.
Sephora Francalanza
09:46 Dan ħlief darba ftit wara l-elezzjonijiet tal-2008, meta kien ġurnalist tal-Maltastar. Isemmi dibattitu fl-Università fejn kienet preżenti Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:45 Ix-xhud jissokta jgħid li ma kellux wisq interazzjonijiet ma' Caruana Galizia, u l-ftit li kellu kienu ta' "kortesija."
Sephora Francalanza
09:44 Farrugia jgħid li xogħolha ma bediex fl-2013, imma ħafna qabel. Jiddeskrivi l-pinna tagħha bħala waħda kritika ħafna tal-Partit Laburista. Jgħid li dak iż-żmien hu kien ġurnalist mal-maltastar.com, portal online tal-Partit Laburista. Skont Farrugia, Caruana Galizia kienet kritika tal-midja tal-PL jew tal-ġurnalisti indipendenti li kellhom simpatija lejn il-PL.
Sephora Francalanza
09:43 L-Imħallef Michael Mallia staqsa lix-xhud kif kien jirreaġixxi għall-kritika ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:38 Kellu ħames impjegati li kienu jiktbu l-istqarrijiet, jirrappurtaw u jikkordinaw. Oħrajn kienu jaħdmu fil-marketing u fir-riċerka. L-impjegati żdiedu tul is-snin.
Sephora Francalanza
09:38 Jgħid li kien hemm struttura politika li ried iwieġeb għaliha, apparti dik tas-servizz ċivili.
Sephora Francalanza
09:37 Farrugia jibda jispjega fiex kien jikkonsisti l-irwol tiegħu.
Sephora Francalanza
09:37 Qabel l-2013, Farrugia kien id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista. Jispjega li ġie appuntata Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern bħala person of trust. Kellu kuntratt ta' sena, li kien jiġġedded kull sena.
Sephora Francalanza
09:35 Kurt Farrugia jintalab jitla' jixhed.
Sephora Francalanza
09:34 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:28 Jidħol fl-awla l-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:22 Ninsabu f'awla 20. Ix-xhud tal-lum, Kurt Farrugia, diġà jinsab fl-awla flimkien mal-avukati tiegħu, Pawlu Lia u Charlon Gouder.
Sephora Francalanza
09:22 Bonġu, nilqgħukom għar-rappurtaġġ live tagħna mill-qorti fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Xehed il-ġurnalist indipendenti Victor Paul Borg
  • Borg qal li daħal iktar fil-ġurnaliżmu investigattiv wara l-qtil ta’ Caruana Galizia
  • Borg qal li jiġri li meta ma jkunx hemm investigazzjonijiet dwar affarijiet li jsibu l-ġurnalisti, jispiċċa l-ġurnalist waħdu jinvestiga; qal li mbagħad, wieħed kulma jkollu jelimina biex iwaqqaf investigazzjoni huwa l-ġurnalist
  • Hu rrimarka li l-ħajja ta’ ġurnalist hija diffiċli għax hemm riskju li wieħed ikun iżolat, jinqatagħlu l-aċċess, bilkemm jitħallas
  • Qal li Daphne Caruana Galizia qatt ma lmentat miegħu li kienet tinsab f’periklu.

L-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-istat u l-awtoritajiet setgħux jagħmlu iktar biex il-ġurnalista ma tinqatilx.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.