“Qatt ma għedt lil Schembri li ltqajt ma’ Melvin Theuma” – Camilleri

Kenneth Camilleri ltaqa' ma' Melvin Theuma 4 darbiet

Read in English.

Illum l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompliet bix-xhieda ta’ Kenneth Camilleri, li kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Is-sensar fl-assassinju, Melvin Theuma, irrefera għal Kenneth bħala “ta’ Kastilja” f’xhieda preċedenti. Camilleri ssemma b’rabta ma’ €3 miljun għal talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil. L-eks uffiċjal tas-sigurtà allegatament informa wkoll lil Theuma li l-Gvern identifika tliet numri tal-mowbajl ta’ nies involuti fl-assassinju. Wieħed minn dawn in-numri kien ta’ Theuma.

Xhud ieħor fis-seduta tal-lum kien Ray Barbara.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • “Sirt naf dwar Yorgen Fenech mill-gazzetti” – Ray Barbara, assistent tal-Prim Ministru
  • Barbara jgħid li Joseph Muscat kien ixxukkjat bl-aħbar tal-Panama Papers u rrabjat bl-allegazzjoni tal-kumpanija Egrant
  • Kenneth Camilleri jgħid li mar ma’ Neville Gafà l-Libja 4 darbiet
  • Qatt ma ra lil Yorgen Fenech Kastilja
  • Ilu żmien ma jkellem lil Keith Schembri; wara li rreżenja ma kellmux
  • Kien ixerred artikli ta’ mibegħda lejn Daphne fuq Facebook avolja ‘ma jifhimx’; ma jiddispjaċihx
  • Camilleri ltaqa’ ma’ Melvin Theuma 4 darbiet
  • Ma riedx jitkellem iżjed fuq Theuma peress li se jixhed fi proċeduri kriminali dwar Theuma x-xahar id-dieħel
12:53 Grazzi talli segwejtu dan il-live blogg. Se nelenkaw il-punti ewlenin li ħarġu mis-seduta tal-lum fil-ħin li ġej.
Sephora Francalanza
12:53 Is-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa li ġej.
Sephora Francalanza
12:52 Il-Bord tal-Inkjesta laqa' t-talba ta' Kurt Farrugia, l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, biex ma jixhidx nhar it-Tnejn li ġej, peress li se jkun imsiefer.

Għalhekk is-seduta tat-Tnejn li ġej tħassret.
Sephora Francalanza
12:49 Camilleri jgħid li ltaqa' ma' Melvin Theuma erba' darbiet.

Mhux se jiġi mistoqsi aktar fuq is-suġġett peress li se jixhed fuq hekk ix-xahar id-dieħel.
Sephora Francalanza
12:47 L-Avukat Jason Azzopardi staqsieh min ħallas għall-vjaġġi l-Libja. Camilleri qal li żgur mhux hu. Kien jagħti l-passaport tiegħu lil Gafà, "u daqshekk."

Qal li ma jafx lil min kien jirrapporta Gafà.
Sephora Francalanza
12:46 Kenneth Camilleri jgħid li ma tkellimx ma' Keith Schembri wara li dan irreżenja minn Chief of Staff.
Sephora Francalanza
12:45 L-aħħar darba li Kenneth Camilleri tkellem ma' Neville Gafà kienet l-għada li Gafà xehed fl-inkjesta pubblika, jiġifieri l-ġimgħa li għaddiet.
Sephora Francalanza
12:44 Camilleri kien maniġer tal-infurzar ma' Transport Malta, meta ma kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijiet.

Huwa spjega li meta temm il-25 sena tiegħu fis-servizz, ikkuntattjah Ronnie Pellegrini minn Transport Malta u staqsieh riedx jgħinu, peress li kien jaf li kellu l-esperjenza fil-qasam tat-traffiku.
Sephora Francalanza
12:41 Camilleri jgħid li ma ltaqax jew ma tkellimx ma' Schembri wara li temm xogħlu f'Kastilja. Qal li ilu żmien ma jkellmu issa.

Ix-xhud jistqarr li l-Ispettur Arnaud staqsieh fuq hekk ukoll.
Sephora Francalanza
12:40 L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud bagħat għal Kenneth Camilleri darbtejn.

Il-Bord tal-Inkjesta jwissi lix-xhud li jista' jgħid xi ħaġa li tinkriminah, u li għandu dritt ma jwiġibx.

Camilleri jgħid li se jixhed fil-proċeduri kriminali fis-27 ta' Marzu, u li jippreferi ma jixhidx illum fuq il-konnessjoni tiegħu ma' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
12:39 Jgħid li siefer darba biss ma' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
12:38 Ix-xhud jgħid li jaf lil Matthew Fenech mit-Tumas Group.

Mistoqsi fuq Yorgen Fenech, Camilleri jgħid li qatt ma rah Kastilja.

Said Pullicino jwissih u jfakkru li ħa l-ġurament.
Sephora Francalanza
12:37 Kenneth Camilleri jgħid li ma ddispjaċiehx ixerred dawn il-posts, għax xerridhom bi spirtu partiġġjan.
Sephora Francalanza
12:37 L-Imħallef Emeritu Mallia mhuwiex konvint: "Qed tgħidilna li xerridt posts fuq is-suġġett u ma taf xejn dwarhom jew ma kellimt lil ħadd dwarhom. Kif tagħmel post jekk ma tifhimx?"
Sephora Francalanza
12:37 Jiċħad li hu qatt segwa lil Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
12:36 Camilleri jidentifika lil Ronnie Vella. Mistoqsi x'kien l-irwol tiegħu, jgħid li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-komunikazzjoni.
Sephora Francalanza
12:32 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsih qarax il-posts qabel xerridhom. Tgħidlu li ma jistax jgħid li ma fehemx x'ġara fil-każ tal-Panama Papers, imbagħad xerred affarijiet fuq il-Panama Papers.

Camilleri jgħid li qatt ma tkellem ma' Keith Schembri fuq il-Panama Papers. Jista' jkun, skontu, li sab xi artiklu fuq Facebook jew li xi ħadd xerred xi ħaġa u hu reġa' xerridha.
Sephora Francalanza
12:31 Ix-xhud jgħid li hu ma fehemx x'ġara fil-Panama Papers u ma jiftakrux jiddiskutihom.

Mistoqsi fuq x'kiteb fuq il-midja soċjali fuq Daphne Caruana Galizia, jgħid, "Ktibt xi ħaġa?" Imbagħad jgħid, "Iva, possibbli li xxerjajt xi posts b'mibegħda lejha."
Sephora Francalanza
12:30 Iżid jgħid li normalment hu kien jieħu ħsieb is-sigurtà.

L-uffiċċju ta' Gafà kien qrib dak taċ-Chief of Staff.

"Konna nitkellmu fuq kollox, imma mhux fuq il-laqgħat tiegħu," jgħid Camilleri fuq Gafà.
Sephora Francalanza
12:26 "Darba fil-Libja, fi pjazza, xi ħadd ġie jkellmu u kien liebes kit tal-Juventus," jispjega Camilleri.

Azzopardi jissuġġerixxi li isem dil-persuna hu Tajouri. Camilleri jgħid li dak hu.

Ix-xhud ikompli jgħid li darba kien preżenti waqt laqgħa. Id-diskussjonijiet kienu jkunu bl-Għarbi, imma hu ma jifhmux. Mistoqsi Gafà jafx jitkellem bl-Għarbi, jgħid, "Iva, ġieli kien iħarbex."
Sephora Francalanza
12:25 Said Pullicino jistqarr li jsibha diffiċli jemmen li Camilleri ma jafx x'kien jiġi diskuss peress li hu kollega u ħabib sew ta' Gafà.
Sephora Francalanza
12:24 Ix-xhud jispjega li għalkemm ma tantx jafha l-Libja, jaf lil nies hemmhekk li jgħinuhom. Qal li Gafà kien imur fil-ministeri fil-Libja, imma hu ma jafx x'kien jiġi diskuss.
Sephora Francalanza
12:22 Camilleri jgħid li mar il-Libja ma' Neville Gafà erba' darbiet b'kollox.

Iż-żjara uffiċjali kienet meta kienu akkumpanjati mill-ambaxxatur ta' Malta fil-Libja, meta Arthur Gerard mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien ikkuntattjah direttament u staqsieh riedx imur magħhom barra minn Malta.

Dwar it-tliet drabi l-oħra, Camilleri qal li Gafà kien jgħidlu jmur miegħu għal iżjed protezzjoni. "Qatt ma kont armat meta sifirt ma' Gafà," iwieġeb Camilleri.
Sephora Francalanza
12:21 Camilleri ġie mistoqsi jekk Keith Schembri kienx iqabbadhom jagħmlu xi qadi, u jgħid li le.

Jispjega li l-uffiċjali tas-sigurtà joqogħdu fil-kuritur. Persuna tirreġistra isfel meta tasal Kastilja, titla' fuq, tgħaddi minn quddiem l-uffiċjali, u mbagħad tiltaqa' ma' Ray Barbara qabel ma tiltaqa' mal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
12:20 Jgħid li s-superjuri tagħhom kien Ray Barbara u kienu jieħdu struzzjonijiet mingħandu.
Sephora Francalanza
12:19 Jitla' jixhed Kenneth Camilleri.

Jgħid li kien kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija, u mbagħad fl-2013 tpoġġa uffiċjal tas-sigurtà ma' Joseph muscat mis-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta. Qal li spiċċa s-servizz tiegħu bħala pulizija fit-22 ta' Jannar tal-2019.

Camilleri qal li mbagħad mar jaħdem ma' Transport Malta, imma rċieva telefonata jgħidulu li ġie sospiż wara li ssemma mis-sensar Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
12:15 Skont l-avukat, il-kummenti huma indikazzjoni li l-Istat qed ikompli bil-kampanja tiegħu kontra l-familja tal-ġurnalista u l-ġurnalista nfisha.

L-imħallfin, li m'għandhomx Facebook, huma sorpriżi b'dan.
Sephora Francalanza
12:14 L-Avukat Borg Cardona jgħid li fuq il-paġna fuq Facebook tal-PBS hemm ħafna kummenti fuq il-proċeduri ta' din l-inkjesta li juru ċerta malizzja. Iżid jgħid li l-PBS jiffunzjona bit-taxxi tal-poplu.

"Qed jippermettu li ssir iżjed ħsara lil isem il-persuna, anke issa, wara mewtha," stqarr Borg Cardona.
Sephora Francalanza
12:10 Tidħol fl-awla Dr Kathleen Grima, l-avukatessa ta' Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju.
Sephora Francalanza
12:10 Mistoqsi fuq l-arrest tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil, Barbara jgħid li sar jaf mill-gazzetti.

Azzopardi jistaqsih jekk l-isem Turab Musayev qattx deher fid-djarju ta' Muscat, u Barbara jgħid li ma jafx.
Sephora Francalanza
12:08 L-avukat jistaqsi fuq meta l-ġurnalisti ssakkru f'kamra ġo Kastilja f'Novembru li għadda.

Barbara jgħid li ma ra xejn minn dan peress li kien fl-uffiċċju tiegħu. Il-konferenza stampa, skont Barbara, kienet in-naħa l-oħra ta' Kastilja.
Sephora Francalanza
12:07 Dr Azzopardi jistaqsi fuq kif persuna normali, li mhix ambaxxatur, ministru jew xi VIP barrani, tidħol mill-bieb ewlieni ta' Kastilja.

Barbara jgħid li ma jafx, imma jżid li, "Ċikku l-Poplu ma jidħolx minn hemm."
Sephora Francalanza
12:05 Ix-xhud iżid jgħid li Socar u Electrogas qatt ma kienu fid-djarju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Mistoqsi fuq Mark Gasan u Paul Apap Bologna, jekk dawn kinux fid-djarju, Barbara jgħid li mhuwiex ċert, ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
12:04 L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi jekk Barbara kienx preżenti għal-laqgħat bejn Socar u Electrogas li kienu saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Barbara jistqarr li ħejja xi laqgħa jew tnejn ma' Gasan, imma ma jiftakarx meta.
Sephora Francalanza
12:03 Mistoqsi fuq min hu l-assistent personali ta' Keith Schembri, Barbara jgħid li kien hemm għadd ta' persuni jaħdmu fis-segretarjat.
Sephora Francalanza
12:02 Mistoqsi fuq ir-reazzjoni ta' Keith Schembri, Barbara qal li ma kienx rah lil Schembri dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
12:01 Barbara huwa mistoqsi fuq ir-reazzjoni ta' Muscat meta ħarġu l-istejjer tal-Panama Papers u tal-Egrant.

Jgħid li fil-każ tal-Panama Papers, Muscat kien ixxukkjat. Meta ħarġet l-allegazzjoni fuq Egrant u Michelle Muscat, Joseph Muscat kien irrabjat ħafna.
Sephora Francalanza
11:59 L-Imħallef Lofaro tistaqsih jekk xerridx xi messaġġi li ngħataw spin, li l-assassinju hu marbut mal-kuntrabandu tal-fjuwil. Barbara jiċħad li qatt xerred kitbiet ta' din ix-xorta.
Sephora Francalanza
11:58 Ix-xhud jgħid li jaf għamel xi retweets fuq Twitter, imma mhuwiex attiv ħafna fuq il-midja soċjali.
Sephora Francalanza
11:57 Ray Barbara hu muri ritratt. Jidentifika lil Ronnie Vella. Vella kien jaħdem l-uffiċċju tal-komunikazzjoni f'Kastilja fi żmien Muscat, jispjega Barbara.

Skont ix-xhud, Ronnie Vella m'għadux jaħdem Kastilja, imma ma jafx jekk tkeċċiex jew irreżenjax meta Muscat ma baqax Prim Ministru.
Sephora Francalanza
11:53 Barbara jżid jgħid li mhux lilu jinfurmaw jekk ikunu ma jifilħux jew jekk ikunu jridu ġurnata frank. Ix-xufier mhux parti minn dan il-grupp.
Sephora Francalanza
11:51 L-Imħallef Lofaro tistaqsih jekk jiħdux struzzjonijiet mingħand ħaddieħor l-uffiċjali tas-sigurtà, u hu jgħid li jekk ma jkunx hemm, ma jkunx jaf.
Sephora Francalanza
11:50 Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino jistaqsi fuq is-sigurtà tal-Prim Ministru.

Barbara jgħid li hemm grupp ta' sitt persuni li jaħdmu ġurnata iva, ġurnata le. L-irwol tiegħu jirrikjedi li jgħidilhom fejn imorru.
Sephora Francalanza
11:47 Ix-xhud jispjega l-proċedura meta xi ħadd jidħol fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Jgħid li hu jidħol mill-bieb prinċipali u mhuwiex konxju tal-proċedura meta xi ħadd jidħol mill-bieb tal-ġenb fi Triq San Pawl.
Sephora Francalanza
11:46 Mistoqsi jekk qattx ġew diskussi l-blogg jew l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, Barbara jwieġeb le.
Sephora Francalanza
11:45 Ix-xhud ma jiftakarx jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat kienx qatt iltaqa' ma' nies kontroversjali. Imma mistoqsi jekk Muscat kienx iltaqa' ma' Joe Gasan, Barbara jwieġeb iva.

"Żgur qatt ma bgħatt għal Yorgen Fenech. Sirt naf dwaru mill-gazzetta," jistqarr Barbara.
Sephora Francalanza
11:44 Ray Barbara, li għadu l-assistent tal-Prim Ministru Robert Abela, jgħid li l-uffiċċju tiegħu f'Kastilja huwa bieb ma' bieb mal-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Iż-żewġ uffiċċji huma maqtugħin mill-uffiċċji tal-bqija tas-segretarjat.
Sephora Francalanza
11:43 Barbara jgħid li ma jafx min kien jieħu l-minuti tal-laqgħat tal-Prim Ministru. Jassumi li xi ħadd mis-segretarjat.
Sephora Francalanza
11:43 Jgħid li l-irwol tiegħu jinvolvi li jieħu ħsieb id-djarju tal-Prim Ministru, jiskeda laqgħat u appuntamenti. Jistqarr li qatt ma daħal għal-laqgħat.
Sephora Francalanza
11:41 L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi lil Barbara huwiex impjegat fis-servizz pubbliku.

Barbara jgħid li qabel ma sar person of trust, kien technician tal-kompjuters mal-GO.

Barbara kien jaħdem ma' Joseph Muscat meta dan kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Beda jaħdem miegħu bħala assistent personali tiegħu fl-2011, imbagħad sar assistent tiegħu bħala person of trust.

"Ma nitqiesx impjegat tal-Gvern," spjega Barbara.
Sephora Francalanza
11:41 Jitla' jixhed Ray Barbara, assistit mill-Avukat Jonathan Attard.
Sephora Francalanza
11:39 Hija ppreżentat ukoll għadd ta' posts fuq il-midja soċjali li kienu fuq il-profil ta' Kenneth Camilleri, li jattakkaw lill-familja ta' Daphne Caruana Galizia.

Kien hemm posts li rringrazzjaw lill-ġurnalista għar-rebħa elettorali tal-2017, posts li pinġewha bħala propagandista tal-partit u oħrajn li insinwaw li hi kkontrollat il-Partit Nazzjonalista.
Sephora Francalanza
11:39 Dwar Kenneth Camilleri, Vella tgħid li ġurnata wara l-assassinju, Camilleri xerred artiklu fuq Il Messaggero li kien insinwa li Caruana Galizia nqatlet mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Sephora Francalanza
11:37 Vella tispjega li għalkemm wieħed jaf ma jkollux intenzjonijiet ħżiena, l-użu ta' indirizzi elettroniċi privati ma jagħtix aċċess lill-imgħallmin għall-informazzjoni meta l-ħaddiema ma jkunux għadhom impjegati miegħu.
Sephora Francalanza
11:35 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi jekk meta wieħed ikunx jaħdem fl-OPM ikollux aċċess għal indirizz elettroniku privat.

Vella tgħid li le sakemm ma jingħatax permess.

Iżżid li l-indirizzi joseph@josephmuscat.com u keith@josephmuscat.com intużaw biex jippjanaw kawżi l-Qorti ta' SLAPP kontra Daphne Caruana Galizia.

L-indirizzi josephmuscat.com jużaw il-pjattaforma tal-Gmail.
Sephora Francalanza
11:30 Vella tgħid li Barbara jidher li għandu indirizz elettroniku reġistrat fuq id-domain joseph muscat.com. Dan l-indirizz intuża biex jikkonferma laqgħa ma' Occupy Justice meta l-attivisti kienu qegħdin jikkampjaw barra Kastilja.

Hija tispjega li emails mibgħuta mhux bl-indirizz elettroniku tal-Gvern ma jkollux aċċess għalihom l-Uffiċċju tal-Awditur.
Sephora Francalanza
11:27 Oħt Daphne Caruana Galizia tgħid li Ray Barbara għadu l-assistent tal-Prim Ministru Robert Abela, wara li kien l-assistent ta' Joseph Muscat minn mindu dan sar Prim Ministru fl-2013.
Sephora Francalanza
11:26 Dwar Ray Barbara tgħid li dan kien fid-dell tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat għal snin twal, anke qabel l-elezzjoni tal-2013. Skontha, jidher li dejjem ikun preżenti u huwa dedikat ħafna u fdat.
Sephora Francalanza
11:25 Corinne Vella titla' tixhed.

Tgħid li ħejjiet fajl b'fatti disponibbli għall-pubbliku relevanti għall-inkjesta u relevanti għax-xhieda tal-lum, ta' Kenneth Camilleri u Ray Barbara.
Sephora Francalanza
11:24 Dr Jason Azzopardi jinforma lill-Bord li Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, trid tippreżenta fajl ieħor lill-Qorti.
Sephora Francalanza
11:23 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
11:00 L-għodwa t-tajba. Nilqgħukom għal dan ir-rappurtaġġ live minn awla 20.

L-avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona diġà qegħdin fl-awla, u anke l-avukati Christian Falzon Scerri u Maurizio Cordina mill-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, sabiex isegwu l-proċedimenti.
Sephora Francalanza

Intant, b’reazzjoni għal dak li ntqal fil-Qorti llum, Joe Gasan qal li jixtieq jiċċara li għalkemm hu ltaqa’ mal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat (u anke ma’ eks Prim Ministri oħra), hu qatt ma ltaqa’ ma’ Muscat b’rabta mal-ElectroGas Ltd.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Fl-2016, l-attakki fuq Daphne saru aktar personali – Petra Caruana Dingli, ħabiba ta’ Daphne
  • Caruana Dingli tgħid li Joseph Muscat bħala Prim Ministru kien jissapportja l-kontenut fuq il-blogg ta’ Glenn Bedingfield għax ħallieh online
  • Glorya Beacom, ħabiba ta’ Daphne tirrakkonta minn xiex kienet tgħaddi l-ġurnalista: “Iġbduha minn xagħarha, dik mara ħażina”
  • Dr Andre Camilleri, li kien jaħdem l-MFSA, qal li “ma kienx hemm raġuni għaliex Ali Sadr ma jingħatax liċenzja għall-Bank Pilatus”
  • Il-Bord tal-Inkjesta jilqa’ t-talba tal-Avukat tal-Istat biex ikun preżenti waqt l-inkjesta pubblika. Il-Bord jista’ ma jippermettix il-preżenza tal-Avukat tal-Istat meta s-smigħ ikun fil-magħluq.

Il-Bord tal-Inkjesta huwa kompost mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li qed imexxi l-Bord, u mill-Kap Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Andrew Borg Cardona qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.