“Ma qtajtx il-kuntatt ma’ Fenech għax ma tellifnix minn xogħli” – Il-Ministru

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis illum xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u tanalizza l-aġir tiegħu wara li seħħ il-qtil.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • “Joseph Muscat ma jħallatx il-ħbiberija mal-politika”
  • “Konrad Mizzi m’għandux 100% l-istil tiegħi; jieħu deċiżjonijiet b’mod unilaterali.”
  • Il-Ministru qal li ma jafx b’kitchen cabinet.
  • Panama Papers: “Iddistingwejt bejn Keith Schembri u Konrad Mizzi – Konrad Mizzi kellu jirriżenja minn jeddu; dwar Keith Schembri kienet id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat.”
  • “Kemm ili Ministru tal-Ġustizzja ma ltqajtx ma’ Paul Apap Bologna biex ma nippreġudikax xogħli.”
  • “Żammejt kuntatt ma’ Yorgen Fenech għax dak iż-żmien ma ħassejtx li qed itellifni minn xogħli.”
  • “Ma ridtx nemmen meta ħarġu l-allegazzjonijiet fuq l-involviment ta’ Yorgen Fenech fl-assassinju.”
  • “Il-fatt li qegħdin f’inkjesta pubblika huwa dell ikrah fuq pajjiżna.”
  • “Joseph Muscat qatt ma kellu jispiċċa l-karriera tiegħu b’dak il-mod.”

Mill-qorti minuta b’minuta…

11:23 Il-kumplament tal-jum it-tajjeb!
Sephora Francalanza
11:23 Grazzi talli qrajtu dan il-blogg! Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu.
Sephora Francalanza
11:20 Is-seduta li jmiss se ssir it-Tnejn fis-2pm u se jixhed Apap Bologna.

L-Erbgħa fis-2pm se jixhdu Mark u Joe Gasan.
Sephora Francalanza
11:20 Ix-xhieda ta' Edward Zammit Lewis tintemm hawn. Hu kien l-uniku xhud illum.
Sephora Francalanza
11:20 "Il-Panama Papers dejqitni u baqgħet iddejjaqni sal-ġurnata tal-lum."
Sephora Francalanza
11:19 Hu jwieġeb li aktar kien joħroġ soċjalment ma' Joseph Muscat. Iżda meta kien barra soċjalment ma' Schembri jew Fenech, ma kienx jistaqsihom fuq dawn l-affarijiet.
Sephora Francalanza
11:18 Dr Comodini Cachia tistaqsi lill-Ministru jekk f'dawn l-attivitajiet soċjali ma' Fenech u Schembri, kienx ikellimhom fuq il-Panama Papers u 17 Black.
Sephora Francalanza
11:16 Kien ikollu ikliet ma' Yorgen Fenech f'postijiet pubbliċi. "Kieku kelli xi riżerva ma kontx immur niekol miegħu."
Sephora Francalanza
11:15 Qatt ma siefer ma' Keith Schembri waħedhom, dejjem f'koppji jew grupp.
Sephora Francalanza
11:14 Jgħid li nduna li kienu ħbieb għax ġieli semmew lil xulxin fil-konverżazzjonijiet miegħu.
Sephora Francalanza
11:14 Ix-xhud jgħid ukoll li kien jaf bil-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri miċ-ċirkostanzi, mhux għax qallu.
Sephora Francalanza
11:14 Zammit Lewis jgħid li qatt ma ddiskuta ma' Fenech dawn l-allegazzjonijiet fuqu.
Sephora Francalanza
11:13 "Kont incredulous meta waslitli l-informazzjoni, kienet sitwazzjoni xokkanti, għax jien dejjem ikkomunikajt in good faith ma' Yorgen Fenech."
Sephora Francalanza
11:13 Jgħid li ma kellux informazzjoni uffiċjali bħala Ministru li Fenech hu involut fl-assassinju.
Sephora Francalanza
11:12 Jgħid li hu rrispetta d-deċiżjoni ta' Joseph Muscat dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
11:12 Il-Ministru jikkjarifika li l-btajjel tiegħu kienu aktar ma' Muscat milli ma' Schembri.
Sephora Francalanza
11:11 Hu mistoqsi ħassux skomdu jżomm din il-kumpanija minħabba l-kontroversja bil-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:11 Jikkonferma li kellu diversi btajjel ma' Joseph Muscat u Keith Schembri.
Sephora Francalanza
11:10 Il-Ministru jgħid li jidhirlu li waqqaf il-komunikazzjoni "qabel sew" ġie arrestat Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:09 Dr Jason Azzopardi issa jistaqsi meta waqfet il-komunikazzjoni bejn Edward Zammit Lewis u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:08 "Fil-mument li rajt li Muscat ħa jitlaq b'dak il-mod, ħassejt li spiċċa kapitlu u hu qatt ma kellu jispiċċa l-karriera tiegħu b'dak il-mod."
Sephora Francalanza
11:07 "Kont kommoss meta telaq Muscat; nemmen li mill-2013 'l hawn, saru affarijiet tajbin, saru żbalji wkoll, u li qegħdin f'inkjesta pubblika llum huwa dell ikrah fuq pajjiżna li se nibqa' nġorrha ħajti kollha."
Sephora Francalanza
11:06 Fil-fehma ta' Zammit Lewis, id-deċiżjoni ta' Joseph Muscat li jitlaq u jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni kienet tajba għax issa bdiet tittaffa t-tensjoni fis-soċjetà, għalkemm jgħid li fadal xi jsir.
Sephora Francalanza
11:03 "Dejjem inħossni tradut għax dħalt fil-politika biex nagħmel l-affarijiet sew, nipprova nagħmel l-affarijiet mill-aħjar, imma tħoss tradiment jekk ikun hemm ħaddieħor li m'għandux l-istess valuri."
Sephora Francalanza
11:01 Itenni mill-ġdid li fil-politika Maltija wieħed ikun marbut bid-deċiżjoni kollettiva.
Sephora Francalanza
10:57 Mistoqsi fuq il-pożizzjoni tiegħu issa li ħareġ dan ir-rapport, il-Ministru jgħid li jemmen fil-verifiki li tagħmel l-NAO, ma jiddubitax ix-xogħol li sar min-naħa tal-NAO.
Sephora Francalanza
10:56 Jgħid li dak iż-żmien kien għadu ma ħariġx ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq dan il-proġett.
Sephora Francalanza
10:55 Il-Bord tal-Inkjesta jikkwota artiklu tal-MataToday li fih Zammit Lewis qal li dan il-proġett huwa ftehim tajjeb għal Malta.
Sephora Francalanza
10:54 Il-Ministru jgħid li ma kellux involviment fl-għoti tal-art tal-ITS f'Pembroke lil Silvio Debono mid-db group, billi dan kien f'idejn Projects Malta, li kienet taqa' taħt il-ministeru ta' Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
10:54 Zammit Lewis jgħid li ma kienx hemm laqgħat ma' Yorgen Fenech f'Kastilja li kien preżenti għalihom hu.
Sephora Francalanza
10:53 Id-differenza bejn iż-żewġ relazzjonijiet, jgħid il-Ministru, hi li qata' l-kuntatt ma' Apap Bologna meta sar Ministru tal-Ġustizzja. Jinsisti li ma tistax tikkumpara dan ma' meta kien MP.
Sephora Francalanza
10:52 Il-Ministru jgħid li ġab miegħu l-irċevuti biex juri li ħallas kull darba li uża s-servizzi ta' Fenech, billi organizza xi riċeviment fil-lukanda ta' Fenech.
Sephora Francalanza
10:52 Ma qatax mill-ewwel minn ma' Fenech għax ma ħassx li se jtellfu f'xogħlu, dak iż-żmien membru parlamentari.
Sephora Francalanza
10:52 Lil Fenech qatt ma siefer miegħu, darba kien fuq id-dgħajsa ta' Yorgen Fenech madwar erba' snin ilu.
Sephora Francalanza
10:50 Dr Comodini Cachia tistaqsi lill-Ministru kif jiddistingwi bejn ir-relazzjoni tiegħu ma' Apap Bologna u ma' Fenech, billi lil wieħed qatgħu ħesrem u lill-ieħor le minkejja li kien jaf li huwa sid 17 Black.
Sephora Francalanza
10:50 Jgħid li kemm-il darba kien hemm nies li ppruvaw jibbenefikaw mingħandu minħabba l-pożizzjoni tiegħu, pereżempju nies ikellmuh fuq xi kawża peress li hu Ministru tal-Ġustizzja, imma hu jaqtgħalhom.
Sephora Francalanza
10:48 Il-Ministru jgħid mill-ġdid li hu jirċievi eluf ta' messaġġi fuq WhatsApp kuljum billi hu fil-politika.
Sephora Francalanza
10:47 Zammit Lewis jgħid li kien mistieden u Yorgen Fenech kien hemm.
Sephora Francalanza
10:47 Il-mistoqsijiet issa huma dwar il-festin ta' Joseph Muscat fil-Girgenti.
Sephora Francalanza
10:46 "Il-volum u n-natura tal-messaġġi kienet biss fuq it-turiżmu jew żviluppat ħbiberija ma' Yorgen Fenech?" tistaqsi l-avukata.

"Kien hemm livell ta' ħbiberija, ħaġa minn ewl id-dinja li tiżviluppa ħbiberija," jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
10:43 Zammit Lewis jgħid li tul il-karriera tiegħu, kull meta ħass li xi relazzjoni jew ħbiberija tiegħu jaf tippreġudikalu xogħlu, lil din il-persuna qata' l-kuntatt minn magħha.
Sephora Francalanza
10:42 "Żammejt kuntatt għax dak iż-żmien ma ħassejtx li qed niġi preġudikat fix-xogħol tiegħi."
Sephora Francalanza
10:42 Il-Ministru jikkjarifika li dak iż-żmien ma kienx fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
10:41 Dr Comodini Cachia issa tistaqsi lill-Ministru jekk iltaqax ma' Yorgen Fenech wara li ġie żvelat f'Novembru tal-2018 li hu sid il-kumpanija 17 Black.
Sephora Francalanza
10:41 Għamel żmien responsabbli mill-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) allura kellu jikkomunika magħhom fuq il-casinos. Bħala Ministru tat-Turiżmu wkoll iltaqa' ħafna mal-familja Fenech billi "l-industrija kważi jmexxuha aktar l-operaturi milli l-Gvern." Wara li spiċċa minn Ministru tat-Turiżmu, baqa' f'kuntatt ma' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:41 Il-familja Fenech: Il-Ministru jgħid li lil Yorgen Fenech jafu u kien hemm komuniki miegħu. Sar jafu fl-2013/4.
Sephora Francalanza
10:41 Il-mara ta' Zammit Lewis hija ħabiba ta' waħda mill-ulied tal-familja Gasan.
Sephora Francalanza
10:41 Mistoqsi jekk Paul Apap Bologna qattx talbu biex ilaqqgħu ma' Joseph Muscat, il-Ministru jgħid li formalment le, imma jaf ġieli kienu fl-istess kamra.
Sephora Francalanza
10:40 Lil Apap Bologna għadu ma ltaqax miegħu minn meta sar Ministru tal-Ġustizzja.
Sephora Francalanza
10:36 Il-Ministru jgħid li Joseph Muscat ma semmilux il-proġett tal-powerstation qabel l-elezzjoni.
Sephora Francalanza
10:36 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk meta qal li lin-negozjanti jafhom bħala eks klijenti jew għax in-nisa tagħhom jafu lil xulxin, jgħid li huma l-istess negozjanti involuti fil-kwistjoni tal-Electrogas, pereżempju Paul Apap Bologna li n-nisa tagħhom ilhom ħbieb minn meta kienu għadhom żgħar u ltaqa' miegħu xi 15-il sena ilu.
Sephora Francalanza
10:36 Mistoqsi jekk kienx issemma li se jiġu maħfura xi taxxi, hu jgħid li ma jiftakarx li kienet f'dak id-dettall.
Sephora Francalanza
10:36 "Aktar le milli iva" iwieġeb il-Ministru dwar li ssemmiet xi garanzija bankarja b'rabta mal-proġett.
Sephora Francalanza
10:36 Jgħid li ma ssemmewx ismijiet ta' kumpaniji fil-preżentazzjoni.
Sephora Francalanza
10:33 Dwar il-preżentazzjoni tal-proġett tal-powerstation li kien ta Konrad Mizzi, Dr Comodini Cachia tistaqsi jekk jafx kemm saret qabel l-elezzjoni.

Il-Ministru jgħid li ma jistax iwieġeb għax ma jiftakarx.

Dr Comodini Cachia turih il-preżentazzjoni fuq il-mowbajl, iżda xorta waħda ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
10:33 Dr Comodini Cachia issa se tistaqsi ftit domandi fuq dak li diġà ġie mistoqsi.
Sephora Francalanza
10:32 Zammit Lewis jgħid li hu ċar min kien responsabbli għall-proġetti kontroversjali, hu dejjem ipprova jiddistakka ruħu.
Sephora Francalanza
10:29 Il-Ministru jgħid li minn Jannar 'l hawn l-aktar li kellu ċans jibdel l-affarijiet għall-aħjar. Jgħid li fejn seta' jagħti l-parti tiegħu, dejjem ipprova jibdel l-affarijiet.
Sephora Francalanza
10:27 Il-Bord jistaqsi għaliex damu daqshekk biex saru l-affarijiet, bħat-tneħħija ta' Mizzi u Schembri mill-partit.
Sephora Francalanza
10:26 Mistoqsi jekk rax ir-rapport tal-FIAU fuq Konrad Mizzi, li kien ġie żvelat, il-Ministru jgħid li allaħares għandu aċċess għal dawn ir-rapporti.
Sephora Francalanza
10:26 Minkejja l-fehma tiegħu dwar Konrad Mizzi, il-Ministru jgħid li meta ġew biex jieħdu vot ta' fiduċja fih, kien marbut mid-deċiżjoni kollettiva.
Sephora Francalanza
10:25 Il-Ministru jgħid li ħass li kellu jkellem lill-Prim Ministru fuq il-Panama Papers imma qatt ma ddiskuta l-kwistjoni ma' Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:24 Jidħol fl-awla l-armel ta' Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:23 Fil-każ ta' Schembri, billi dan kien magħżul minn Joseph Muscat innifsu, il-Ministru lil Muscat qallu li hu persuna ta' fiduċja tiegħu, u għalkemm se jkun hemm ir-riperkussjonijiet, id-deċiżjoni f'idejh.
Sephora Francalanza
10:23 Għal Mizzi kien tal-fehma li kellu jirriżenja.
Sephora Francalanza
10:23 Il-pożizzjoni tiegħu kienet ċara – għamel distinzjoni bejn Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Sephora Francalanza
10:21 Meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Ministru kien fil-Kabinett u jgħid li kienet aħbar "xokkanti."
Sephora Francalanza
10:17 "L-esperjenza li ħadt mill-politika hi li biex tbiddel l-affarijiet trid tibdilhom minn ġewwa."
Sephora Francalanza
10:16 Il-Ministru jikkonferma li Keith Schembri kien jattendi l-laqgħat tal-Kabinett ukoll.
Sephora Francalanza
10:15 Il-Ministru jgħid li lill-PM, bl-impenji kollha tiegħu, mhux dejjem taqbdu, allura sikwit ikkuntattja lil Schembri minflok.
Sephora Francalanza
10:15 "Ma nistax ngħid li kien jindaħalli f'xogħli; kien jagħtini pariri u linji gwida."
Sephora Francalanza
10:14 "Kien persuna influwenti ħafna fil-Gvern."
Sephora Francalanza
10:14 Fil-Gvern l-irwol tiegħu kien li jorganizza u jikkordina l-ministeri.
Sephora Francalanza
10:13 Il-Ministru jgħid li Schembri kien il-persuna li fl-2008/9 organizza l-partit u kellu ħiliet organizzattivi tajbin.
Sephora Francalanza
10:12 "Keith Schembri kellu aktar poter milli suppost?" jistaqsi l-Bord.
Sephora Francalanza
10:12 Sar jaf b'allegazzjonijiet ta' korruzzjoni mid-dominju pubbliku.
Sephora Francalanza
10:11 Jgħid li fil-Kabinett dejjem jisħaq li għandhom jiġu segwiti l-proċessi, "speċjalment meta qed tamministra l-flus tan-nies."
Sephora Francalanza
10:10 Il-Ministru jtenni li jekk kienx hemm xi formazzjoni ta' Kabinett ieħor ma jafx.
Sephora Francalanza
10:09 Ma jafx jekk kinux jiltaqgħu tal-kitchen cabinet separatament.
Sephora Francalanza
10:08 Mistoqsi issa fuq il-kitchen cabinet, il-Ministru jgħid li għalih, il-Kabinett huwa tat-Tlieta fl-10am, hu membru attiv ħafna fih, iħobb jiddiskuti ħlief għal suġġetti li ma jifhimx fihom.
Sephora Francalanza
10:07 "Konrad Mizzi m'għandux 100% l-istil tiegħi," jgħid il-Ministru. Hu għandu l-istil li javviċina lill-Prim Ministru b'kull dettall biex ikun infurmat, filwaqt li Mizzi għandu l-istil li jieħu deċiżjonijiet b'mod unilaterali.
Sephora Francalanza
10:04 Jgħid li d-direzzjoni tal-proġetti ġiet diskussa fil-Kabinett imma l-profondità tal-proġetti ma jħossux kompetenti jikkummenta fuqha.
Sephora Francalanza
10:04 Jgħid, iżda, li x'inhu ġeneriku hija xi ħaġa daqsxejn suġġettiva.
Sephora Francalanza
10:04 Il-proġett tal-isptarijiet tal-Vitals u tal-AUM ġew diskussi fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
10:04 "Montenegro m'għandix idea tiegħu," jgħid il-Ministru, imma jfakkar lill-Bord li minn Ġunju tal-2017 sa Lulju tal-2019 hu ma kienx fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
10:01 Il-Ministru issa huwa mistoqsi jekk il-proġetti l-oħra, tal-Università Amerikana ta' Malta, tal-Vitals u tal-windfarms ta' Montenegro, ittellgħux quddiem il-Kabinett b'mod ġeneriku.
Sephora Francalanza
10:00 Mistoqsi jekk il-proġett tal-enerġija ġiex ippreżentat quddiem il-Kabinett bħala proġett lest, il-Ministru jgħid lill-Bord jiggwidah peress li huwa marbut bi tliet liġijiet dwar is-segretezza fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
10:00 Jidħol fl-awla l-avukat ta' Yorgen Fenech, Dr Charles Mercieca.
Sephora Francalanza
09:59 "Dak iż-żmien ħadtha bħala policy tal-Gvern."
Sephora Francalanza
09:59 Il-Ministru jgħid li mhux kompetenti biex iwieġeb il-mistoqsija billi dan mhuwiex il-qasam tiegħu.
Sephora Francalanza
09:58 Il-Bord jgħid li l-proġett qajjem kontroversja kbira. Jistaqsi lill-Ministru jekk il-Gvern setax jevita l-kontroversja.
Sephora Francalanza
09:57 Skont il-Ministru, din kienet waħda mill-ewwel wegħdiet elettorali li twettqu peress li raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Sephora Francalanza
09:55 Il-ħsieb ewlieni kien biex il-kandidati jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proġett.
Sephora Francalanza
09:54 Mistoqsi jekk it-tim ħaddanx il-kunċett tal-powerstation f'Jannar tal-2013, il-Ministru jgħid li ma jistax iwieġeb għax ma jiftakarx sewwasew. Madankollu, jikkonferma li saret fi żmien raġonevoli qabel l-elezzjoni.
Sephora Francalanza
09:53 Il-preżentazzjoni kienet waħda akkademika, ma ssemmewx ismijiet, jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
09:51 Ix-xhud jgħid li l-unika ħaġa li jiftakar mill-pjan tal-enerġija kienet preżentazzjoni li għamel Konrad Mizzi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista lill-membri parlamentari li diġà kienu fil-Parlament u lill-kandidati għal dik l-elezzjoni, tal-2013.
Sephora Francalanza
09:49 Mistoqsi kienx parti mit-tim li fassal il-kampanja u l-politika għall-elezzjoni tal-2013, il-Ministru jgħid li hu kien kandidat. Il-Ministru jispjega li l-kandidati huma separati min-nies li jfasslu l-policies.
Sephora Francalanza
09:48 Jgħid li qabel l-elezzjoni tal-2013 ma rax lil negozjanti fil-Partit Laburista, imma jistqarr li hu ma kienx jiffrekwenta wisq il-Kwartieri Ġenerali.
Sephora Francalanza
09:48 "Ma nistax ngħid li hu kien ilaqqagħni man-negozjanti," jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
09:46 Il-Ministru hu mistoqsi jekk il-ħbiberija tiegħu ma' Schembri tinkludix xi negozjanti wkoll.

Huwa jgħid li permezz tal-politika jaf ħafna negozjanti u anke mill-karriera tiegħu bħala avukat fil-kummerċ.
Sephora Francalanza
09:46 Għalkemm Schembri ma kienx fil-politika, kien dak li beda jorganizza l-partit, jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
09:46 Lil Keith Schembri l-Ministru sar jafu permezz ta' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
09:45 "Joseph Muscat ma jħallatx il-ħbiberija mal-politika," jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
09:45 Il-Ministru jgħid li Muscat beda proċess importanti meta beda jinvolvi nies li kienu birdu lejn il-partit jew tbiegħdu xi ftit.
Sephora Francalanza
09:44 Il-kuntatt żdied l-aktar meta Muscat laħaq Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008.
Sephora Francalanza
09:44 Tul is-snin ma kellhomx kuntatt regolari, imma meta t-tnejn għażlu t-triq tal-politika, reġa' beda jkollhom kuntatt.
Sephora Francalanza
09:43 Saru ħbieb meta kellhom bejn 10 snin u 11-il sena, meta kienu l-iskola San Alwiġi flimkien.
Sephora Francalanza
09:43 Il-Ministru hu mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
09:42 Fiż-żmien li kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ekonomija kien wieħed mill-persuni inkarigati mill-programm ta' investiment bil-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Sephora Francalanza
09:41 Jingħata sommarju tal-karigi tal-Ministru tul is-snin:

– Bejn l-2013 u l-2014 kien Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija
– Bejn l-2014 u l-2017 kien Ministru tat-Turiżmu
– Bejn l-2018 u l-2019 kien Membru Parlamentari
Sephora Francalanza
09:40 Jidħol fl-awla l-Ministru Zammit Lewis u jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:39 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:33 Illum huwa t-tielet anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista. Barra l-qorti hemm dokumentarju għaddej fuq Daphne Caruana Galizia, qrib il-mafkar tagħha mqiegħed fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Sephora Francalanza
09:29 L-avukati parte civile jinsabu preżenti, u l-Ministru Edward Zammit Lewis daħal il-qorti ftit tal-ħin ilu.
Sephora Francalanza
09:29 Bonġu! Ninsabu f'awla 20 nistennew li tibda s-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
Edward Zammit Lewis
Miguela Xuereb

Fl-aħħar seduta xehdu l-Ispettur Kurt Zahra u Fiona Formosa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-Ispettur Kurt Zahra qal li hemm rabtiet bejn nies akkużati bil-qtil ta’ Daphne, dawk li għandhom rabta mal-qtil u nies involuti fil-politika fl-informazzjoni li ttieħdet mill-apparat elettroniku li ġabru l-pulizija.
  • Semma l-ismijiet tan-nies involuti fil-politika fil-magħluq.
  • L-eks Segretarja Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qalet li Andrew Caruana Galizia ma baqax diplomatiku Malti għall-Indja b’ordni tal-Ministru Carmelo Abela xahar wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.