Il-Ministru Farrugia ma kienx ikun jaf bil-briefings f’Kastilja fuq il-qtil ta’ Daphne

Read in English.

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia llum xehed fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Farrugia xehed partikolarment fuq il-perjodu meta hu kien Ministru għall-Intern, u b’hekk kellu fir-responsabbiltà tiegħu l-Korp tal-Pulizija fiż-żmien meta nqatlet il-ġurnalista fl-2017.

Apparti l-Ministru, xehed ukoll l-Inġinier James Camenzuli, iċ-Chairman tal-Bord tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, li ġie mistoqsi l-aktar fuq il-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare.

L-inkjesta pubblika għandha l-għan li tiddetermina jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista.

Xi spikka mix-xhieda ta’ James Camenzuli?

  • Il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus James Camenzuli ma sab l-ebda dokumentazzjoni fuq il-proġett tal-Electrogas.
  • Kien Chairman tal-Bord li evalwa t-tliet bidders għall-konċessjoni tal-isptarijiet, iżda m’għadx għandu aċċess għall-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare.
  • Camenzuli ma jiftakarx min huma x-shareholders tal-VGH u min hu l-Ultimate Beneficiary Owner ta’ Oxley Group.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ministru Farrugia?

  • Panama Papers: Diskussjonijiet ras imb ras bejn il-Ministru Michael Farrugia u l-Ministru Konrad Mizzi, u bejn il-Ministru Farrugia u l-Prim Ministru. Ma’ Keith Schembri ma tkellimx, “ma kellix għalfejn inkellmu għax kont nitkellem mal-Prim Ministru.”
  • Panama Papers: Kull persuna fil-Grupp Parlamentari kellha laqgħa ma’ Joseph Muscat dwar l-opinjoni tagħha, jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx jirriżenjaw; il-Ministru Farrugia riedhom iġorru responsabbiltà politika.
  • Kien xettiku l-ewwel darba li sema’ bil-Panama Papers fuq il-blogg ta’ Daphne.
  • Il-Ministru Farrugia jgħid li Konrad Mizzi kien “politikament naïve” biex fetaħ bank fil-Panama u ma missux għamilha.
  • “Il-Ministru Mizzi ta ħafna aktar riżultati milli kien hemm minn persuni oħra taħt gvernijiet differenti.”
  • Il-Ministru Farrugia jgħid li ma jaf bl-ebda kamra, jew skrivanija, ta’ Nexia BT f’Kastilja.
  • Il-Kabinett qatt ma ddiskuta l-assassinju ta’ Caruana Galizia ħlief b’rabta mal-proklama; “Il-Kabinett mhuwiex il-post fejn isiru l-investigazzjonijiet kriminali.”
  • “Jekk kien hemm xi korruzzjoni wara l-ftehim tal-Electrogas, jibqa’ ħażin dejjem. Jekk jitfaċċaw il-provi, inkun l-ewwel wieħed li nagħti s-sapport tiegħi biex jittieħdu passi.”
  • Il-Ministru jgħid li ma kienx jaf bil-“kitchen cabinet” u ma kienx parti minnu.
  • L-irwol ta’ Keith Schembri fil-Kabinett: “Ftit kien jinvolvi ruħu, ħlief meta jintalab parir fuq id-direzzjoni. Qatt ma ta pariri fuq proġetti.”
  • Il-Ministru Michael Farrugia ma kienx mistieden għall-party tal-Girgenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat is-sena li għaddiet.
  • Fuq il-ħbiberija bejn Keith u Yorgen: “Ma kontx konxju tal-ħbiberija ta’ bejniethom u ta’ sa fejn tista’ twassal dik il-ħbiberija.”
  • “Id-drabi li kellmuni l-pulizija fuq l-assassinju ngħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda”; huwa kien jitkellem biss mal-Kummissarju Cutajar fuq il-każ.
  • Il-ħbiberija bejn Joseph Muscat u Keith Schembri: “Żewġt itfal li minn età żgħira dejjem kienu flimkien l-iskola.”
  • “Mal-PM ftit li xejn kont nitkellem fuq il-każ.”
  • Il-Ministru Farrugia ma kienx ikun jaf bil-briefings f’Kastilja fuq il-qtil ta’ Daphne.
  • L-idea għall-premju ta’ miljun ewro ġiet mill-Prim Ministru. Hu ma kienx involut fid-diskussjoni, allura jgħid li ma jafx jekk kienx involut Keith Schembri.
  • “Lil Melvin Theuma la nafu, la qatt rajtu, la qatt kelli rakkomandazzjoni biex nimpjegah u lanqas qatt impjegajtu.”
  • Meta għamel il-verifiki tiegħu, irriżulta li Theuma kien ġie impjegat fil-Ministeru tiegħu meta kien Ministru tal-Familja f’April tal-2017 permezz tal-Jobsplus.
  • Il-Ministru sar jaf bl-elezzjoni bikrija fl-1 ta’ Mejju, 2017, meta l-Prim Ministru ħabbarha pubblikament.
  • Il-blogg ta’ Daphne: “Kien hemm ċirkostanzi fejn ma stajt immur imkien mingħajr ma joħduli ritratti għal fuq il-blogg.”
  • L-unika laqgħa li kellu l-Ministru Farrugia ma’ Yorgen Fenech kienet meta kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, għax Fenech ried jibni lukanda ta’ 6 stilel.

Segwi x’qed jingħad fil-qorti minuta b’minuta…

13:31 Grazzi talli segwejtuna! Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
13:30 Is-seduta li jmiss se ssir il-Ġimgħa fid-9.30am, meta għandu jerġa' jixhed Alfred Camilleri.
Sephora Francalanza
13:30 Il-ġurnalisti, għalhekk, intalbu joħorġu barra mill-awla.
Sephora Francalanza
13:30 Il-Ministru issa jixtieq jixhed xi affarijiet fil-magħluq.
Sephora Francalanza
13:29 "La issa, u lanqas qatt."
Sephora Francalanza
13:28 "Kemm ilek infurmat mill-Ministeru tal-Enerġija, ġejt infurmat li f'Marzu tal-2017, Yorgen Fenech kien qiegħed fi proċess li jirreplika l-proġett tal-Electrogas fil-Bangladesh?"
Sephora Francalanza
13:27 L-aħħar mistoqsija għall-Ministru minn Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
13:23 Il-Ministru sostna mill-ġdid li fil-laqgħa li kellu ma' Yorgen Fenech, huma ma ddiskutewx it-torrijiet tal-Imrieħel.
Sephora Francalanza
13:22 Il-Ministru jgħid li sa fejn jaf hu, it-talba saret permezz tal-Jobsplus, u li l-proċess mexa skont il-proċeduri.
Sephora Francalanza
13:22 Dr Azzopardi jistaqsi lill-Ministru jekk sarx jaf kif Theuma kkomunika ma' Anthony Muscat.
Sephora Francalanza
13:20 F'April tal-2017, Anthony Muscat kien Chairman tad-Dipartiment li fih ġie impjegat Melvin Theuma.

Fil-11 t'April, Muscat bagħat email lil Melvin Theuma mill-kont privat tiegħu biex jirringrazzjah tal-applikazzjoni tiegħu jinfurmah b'interview, u Theuma wieġeb.
Sephora Francalanza
13:18 Dr Jason Azzopardi jistaqsih mill-ġdid dwar l-impjieg ta' Melvin Theuma fil-Ministeru tiegħu.
Sephora Francalanza
13:18 Il-Ministru jgħid li m'hemmx rabta.
Sephora Francalanza
13:17 Id-domanda tal-Ministru hi jekk hemmx rabta bejn dak li sar magħruf u d-dikjarazzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Intern.
Sephora Francalanza
13:16 F'Novembru tal-2018 kien ġie kkwotat minn TG3 jgħid li jittama li dawk responsabbli jinqabdu. Ftit jiem qabel, jgħidlu Dr Azzopardi, kien sar magħruf minn Reuters u t-Times of Malta li sid 17 Black kien Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
13:16 Ikkuntattjah wara li għamel il-konferenza stampa, u kien infurmat bid-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li ta fir-rigward tal-pulizija barranija.
Sephora Francalanza
13:15 Dr Jason Azzopardi jistaqsi jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkuntattjax lill-Ministru dakinhar tal-assassinju.
Sephora Francalanza
13:12 Ix-xhud Dr Michael Farrugia jgħid li l-importanti mhux kemm ikun hemm kuntatt man-negozjanti, għax din ħaġa normali, imma l-aġir tal-politiċi wara.
Sephora Francalanza
13:12 Jistaqsih huwiex sodisfatt bl-andament kif inhu llum.
Sephora Francalanza
13:11 Il-Prim Imħallef Said Pullicino jistaqsi dwar l-influwenza tan-negozju fuq il-Gvern.
Sephora Francalanza
13:08 Din il-laqgħa dwar ir-riklamazzjoni tal-art, saret meta l-Gvern kien diġà ħareġ sejħa għal proġetti ta' riklamazzjoni tal-art.
Sephora Francalanza
13:07 Lil Yorgen Fenech ma laqqgħux ma' persuni tekniċi biex jiddiskutu l-proġett tiegħu, għaliex il-proġett tiegħu kien għadu ma ġiex approvat.
Sephora Francalanza
13:04 F'intervista kien qal li l-pubbliku jaf biss 5% tal-istorja kollha. Mistoqsi kif kien jaf dan, il-Ministru jgħid li minn dak li sabet l-Enemalta, il-bqija issa disponibbli għal kulħadd.
Sephora Francalanza
13:02 Ikkuntattja lill-Enemalta minnufih biex tikkollabora mal-Pulizija u tipprovdi d-dokumenti kollha. Jgħid li poġġa d-dokumentazzjoni kollha quddiem il-Parlament.
Sephora Francalanza
13:02 Sar jaf bil-kwistjoni tal-wind farms fil-Montenegro meta ħarġet fuq l-aħbarijiet ftit xhur ilu.
Sephora Francalanza
13:01 Dwar tal-Panama Papers, iżda, irrealizza li kienet storja mibnija fuq ċerti fatti sostanzjali.
Sephora Francalanza
13:01 Jgħid li s-sigurtà tiegħu kienet titpoġġa f'ċertu periklu.
Sephora Francalanza
13:01 "Kien hemm ċirkostanzi fejn ma stajt immur imkien mingħajr ma jittiħduli r-ritratti għal fuq il-blogg."
Sephora Francalanza
13:00 Il-Ministru jgħid li ma kienx iqis li tippubblika Daphne Caruana Galizia fake news, iżda kien jissemma fil-blogg tagħha u ħafna mill-informazzjoni dwaru ma kinitx veritiera.
Sephora Francalanza
12:58 Dr Comodini Cachia tirreferi għal xi tweets tal-Ministru Farrugia, li fihom isemmi "bloggers" u "fake news."
Sephora Francalanza
12:58 Jiddeskrivi lil Buttigieg bħala pragmatiku, u persuna li seta' jitkellem magħha u li tagħtih pariri sostanzjali.
Sephora Francalanza
12:58 Johann Buttigieg inħatar Kap Eżekuttiv tal-MEPA meta l-Ministru kien Segretarju Parlamentari tal-Ippjanar.
Sephora Francalanza
12:56 It-tweġiba tal-Ministru kienet li, "Naħseb li l-Ministru Mizzi ta ħafna aktar riżultati milli kien hemm minn persuni oħra taħt gvernijiet differenti."
Sephora Francalanza
12:55 Dwar Konrad Mizzi, l-Imħallef Lofaro u Dr Comodini Cachia jgħidu li huwa xorta baqa' jieħu ħsieb proġetti, minkejja li ma baqax Deputat Mexxej u tneħħielu l-portafoll.
Sephora Francalanza
12:55 L-Imħallef Lofaro tgħidlu li Schembri donnu ma refa' xejn billi baqa' fl-istess pożizzjoni.
Sephora Francalanza
12:54 Il-Ministru qal li kemm Mizzi u anke Schembri refgħu responsabbiltà politika.
Sephora Francalanza
12:52 Jgħid li l-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi tneħħa minn Deputat Mexxej tal-PL u tneħħielu l-portafoll, juri li qal hu li Mizzi kien "politikament naive" meta fetaħ kumpanija fil-Panama.
Sephora Francalanza
12:52 Meta l-PM iddeċieda li jżommhom, il-Ministru fehem id-deċiżjoni ta' Muscat li jerfa' parti mir-responsabbiltà. Fehem ukoll li huma taw spjegazzjoni, u li l-PM iddeċieda li lest jieħu l-passi kontrihom jekk jirriżulta 'l bogħod milli qalulu.
Sephora Francalanza
12:50 Fil-laqgħa ras imb ras ma' Muscat dwar Mizzi u Schembri, il-Ministru esprima li huma għandhom iġorru responsabbiltà politika.
Sephora Francalanza
12:50 Il-Ministru qatt ma daħal fl-irwol personali ta' Gafà f'Kastilja.
Sephora Francalanza
12:49 Mistoqsi jafx lil Neville Gafà, jgħid li jafu ftit. Jafu aktar billi kien joqgħod San Pawl il-Baħar.
Sephora Francalanza
12:48 Il-Ministru jgħid li ma weriex ix-xewqa hu li jinħatar Ministru għall-Intern.
Sephora Francalanza
12:48 Il-Ministru sar jaf bl-elezzjoni bikrija fl-1 ta' Mejju, 2017, meta l-Prim Ministru ħabbarha pubblikament.
Sephora Francalanza
12:47 Biex jiċċekkja staqsa lil uffiċjal fi ħdan il-Ministeru. "Ippruvajt biex kemm jista' jkun ma nidħolx ma' nies li kienu qed jissemmew."
Sephora Francalanza
12:47 Meta għamel il-verifiki tiegħu, irriżulta li Theuma kien ġie impjegat permezz tal-Jobsplus.
Sephora Francalanza
12:47 "Lil Melvin Theuma la nafu, la qatt rajtu, la qatt kelli rakkomandazzjoni biex nimpjegah u lanqas qatt impjegajtu."
Sephora Francalanza
12:46 Fl-2017 ġie impjegat Melvin Theuma fil-Ministeru ta' Farrugia, il-Ministeru tal-Familja u tas-Solidarjetà Soċjali. Huwa mistoqsi jekk kienx jirċievi xi rakkomandazzjonijiet fuq impjieg. Jgħid li r-rakkomandazzjonijiet li kien jirċievi mingħand Schembri kienu fuq self.
Sephora Francalanza
12:44 Mistoqsi x'kienet ir-relazzjoni tiegħu ma' Keith Schembri meta t-tnejn kellhom l-uffiċċju Kastilja, jgħid li rari kienu jiltaqgħu. Jiddubita li kellhom diskussjoni fuq xi proġett partikolari.
Sephora Francalanza
12:39 Mistoqsi fuq il-kwistjoni tal-Cafe Premier, Jgħid li hu ma kienx involut, u mhux infurmat min kien involut fil-każ.

Dr Comodini Cachia u l-Bord tal-Inkjesta jagħfsuh għal tweġiba. Hu jibqa' jinsisti li ma jafx.
Sephora Francalanza
12:38 Jgħid li l-informazzjoni ħarġet mill-konsultazzjoni pubblika. Dan iddiskutieh mal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
12:37 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk dwar li l-Imrieħel jidħol fil-high-rise policy, kienx hemm bżonn il-firma ta' Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
12:36 Mistoqsi kienx jiddiskuti xogħlu mal-PM, jgħid li fejn jidħol l-ippjanar, hemm l-Awtorità tal-Ippjanar, imma fejn jidħol l-Awtorità tal-Artijiet kien ikollu jiffirma hu.
Sephora Francalanza
12:36 Bħala Segretarju Parlamentari tal-Ippjanar fl-2012 u fl-2013, l-uffiċċju tiegħu kien taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru,
Sephora Francalanza
12:33 Dwar il-każ tal-Vitals Global Healthcare u l-Electrogas, il-Ministru jgħid li l-Kabinett kien infurmat ftit fuq l-RFP u l-bidders potenzjali.

Isemmi r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur fuq il-kwistjoni.
Sephora Francalanza
12:29 Id-dettalji u l-kuntratti ma kinux jitilgħu fil-Kabinett, il-Kabinett kien japprova l-kunċett u l-prinċipju, jerġa' jgħid il-Ministru. Imbagħad, il-proġett ikun f'idejn il-Ministru responsabbli.
Sephora Francalanza
12:28 L-idea għall-premju ta' miljun ewro ġiet mill-Prim Ministru. Hu ma kienx involut fid-diskussjoni, allura jgħid li ma jafx jekk kienx involut Keith Schembri fid-diskussjonijiet.
Sephora Francalanza
12:27 Ma kienx konxju tal-ħbiberija bejn Joseph Muscat u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:27 Il-ħbiberija bejn Joseph Muscat u Keith Schembri: "Żewġt itfal li minn età żgħira dejjem kienu flimkien l-iskola – dejjem jiltaqgħu, dejjem flimkien – il-ħbiberija tispjega ruħha."
Sephora Francalanza
12:26 Ġieli anke l-PM kien imsiefer, allura kellu jieħu ċerti deċiżjonijiet id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Sephora Francalanza
12:24 Dr Comodini Cachia tistaqsi kienx hemm drabi li ntalbet l-approvazzjoni tal-Prim Ministru meta kien hu indispost. Jgħid li iva, għax ir-responsabbiltà kienet taqa' f'idejh.
Sephora Francalanza
12:22 Mistoqsi kienx infurmat li se jiġu arrestati l-aħwa Degiorgio, il-Ministru jgħid li lest jgħid bil-bibien magħluqa biss.
Sephora Francalanza
12:21 Mistoqsi jekk staqsiex għaliex ma kienx involut fil-briefings f'Kastilja lil Muscat li għalihom kien jattendi Schembri, il-Ministru jgħid li ma staqsiex. L-informazzjoni tiegħu ġabha minn sorsi oħra.
Sephora Francalanza
12:20 Il-briefings li kellu mal-pulizija saru mal-Kummissarju Lawrence Cutajar. Ma' Silvio Valletta ma kellux briefings. L-ewwel konoxxenza li kellu tal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra kienet meta nqatlet persuna f'Ħal Far.
Sephora Francalanza
12:20 "Id-drabi li kellmuni l-pulizija fuq il-każ ngħoddhom fuq is-swaba' ta' id waħda."
Sephora Francalanza
12:19 "Naħseb kellu interess li jara li l-każ jingħalaq," iżid il-Ministru dwar il-PM Muscat.
Sephora Francalanza
12:17 Jgħid li meta kien qed jagħmel operazzjoni, il-Prim Ministru kellu jieħu ċerti deċiżjonijiet hu, peress li l-Ministeru jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru meta Farrugia kien ikun imsiefer.
Sephora Francalanza
12:17 "Mal-PM ftit li xejn kont nitkellem fuq il-każ."
Sephora Francalanza
12:16 Ma kienx konxju anqas tal-briefings li l-Pulizija kienet qed tagħti lill-Prim Ministru Joseph Muscat, imma assuma, għax kien ikollu ċerta informazzjoni.
Sephora Francalanza
12:16 Il-Ministru ma kienx konxju li qed jingħataw briefings lill-Prim Ministru Joseph Muscat mis-Servizz Sigriet.
Sephora Francalanza
12:16 Jgħid li kien jinsisti li ma jkun hemm ħadd aktar preżenti. Mhux biss fil-każ tal-assassinju, imma anke f'investigazzjonijiet oħra.
Sephora Francalanza
12:15 Dawn il-briefings bdew isiru eżatt wara l-assassinju u baqgħu għaddejjin sal-aħħar ġurnata li hu kien Ministru f'Jannar li għadda.
Sephora Francalanza
12:15 Jikkjarifika li kellu briefings mas-Servizz tas-Sigurtà.
Sephora Francalanza
12:14 Ma jafx jekk il-Pulizija kellmitx lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex tagħmel kuntatt mal-FBI.
Sephora Francalanza
12:14 Jispjega li sakemm l-FBI ma jitolbux clearance ministerjali, hu ma jkollux għaliex jinvolvi ruħu.
Sephora Francalanza
12:13 Jerġa' jgħid li hu ma kellux bżonn ikellem lill-FBI peress li kellmithom il-Pulizija Maltija. Il-Pulizija ma kellhiex bżonn il-clearance tal-Ministru.
Sephora Francalanza
12:12 Il-mistoqsijiet huma dwar l-involviment tal-Ministru fl-investigazzjoni tal-assassinju.
Sephora Francalanza
12:12 Imiss issa li tistaqsi l-mistoqsijiet l-Avukata Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
12:12 Il-Ministru jgħid, għat-tielet darba, li jekk ikun hemm provi konkreti li persuna aġixxiet ħażin, għandhom jittieħdu passi kontriha, anke jekk tkun l-akbar ħabiba tiegħu stess.
Sephora Francalanza
12:11 "Kull oġġett li jsir li ma jsirx fl-interess tal-Gvern huwa inaċċettabbli."
Sephora Francalanza
12:10 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsih jekk iħossx li Keith Schembri ttradixxa lill-Kabinett.
Sephora Francalanza
12:10 Jgħid li minħabba l-isfond li kellu Schembri, huwa kien iħossu komdu jieħu l-pariri mingħandu.
Sephora Francalanza
12:09 Fil-Kabinett, Schembri ftit li xejn kien jinvolvi ruħu, itenni l-Ministru.
Sephora Francalanza
12:09 "Ma kontx konxju tal-ħbiberija ta' bejniethom u ta' sa fejn tista' twassal dik il-ħbiberija."
Sephora Francalanza
12:08 Il-Ministru jgħid li ma kienx jaf bil-ħbiberija ta' Fenech ma' Keith Schembri, imma jsemmi li billi Fenech hu kuntrattur kbir, għandu diversi ħbiberiji ma' nies.
Sephora Francalanza
12:08 "Qatt ma ltqajt mas-Sur Fenech qabel jew wara dakinhar."
Sephora Francalanza
12:06 Il-Ministru issa jagħti d-dettalji fuq din il-policy. "Kieku kellu jiġi jkellimni kien jiġi jkellimni biex inħalli l-policy li kien hemm qabel għax kien jaqbillu."
Sephora Francalanza
12:02 Il-Ministru Farrugia issa huwa mistoqsi fuq il-policy li ppermettiet it-torrijiet tal-Imrieħel.

Jgħid li l-floor-area policy kienet teżisti fl-2013, jiġifieri Malta u Għawdex setgħu jinbnew bil-high-rise buildings.
Sephora Francalanza
12:02 Dwar it-torrijiet tal-Imrieħel ma kellmux.
Sephora Francalanza
12:02 Kien mar ikellmu fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA.
Sephora Francalanza
12:02 Kien mar ikellmu fuq proġett li kellu tar-riklamazzjoni tal-art 'il barra minn Portomaso. Ried jibni lukanda ta' 6 stilel.
Sephora Francalanza
12:01 Lil Yorgen Fenech iltaqa' miegħu darba, bħalma ltaqa' ma' investituri oħrajn, fl-uffiċċju tiegħu meta kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar.
Sephora Francalanza
12:00 Il-Ministru Farrugia jgħid li qatt ma ġie mistieden fl-uffiċċju ta' Nexia BT. Ma jaf bl-ebda kamra, jew skrivanija, ta' Nexia BT f'Kastilja.
Sephora Francalanza
11:59 Il-Ministru jgħid li kien beda proċess amministrattiv fuq il-Panama Papers.
Sephora Francalanza
11:58 Il-Bord tal-Inkjesta jsemmi kif meta ħarġet l-informazzjoni tal-Panama Papers, il-Pulizija m'aġixxietx.
Sephora Francalanza
11:57 Kull persuna fil-Grupp Parlamentari kellha laqgħa ma' Joseph Muscat dwar l-opinjoni tagħha, jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx jirriżenjaw.
Sephora Francalanza
11:54 Il-Ministru, b'manjiera kalma b'id fuq id fuq il-pedana tax-xhieda, jgħid li ried ikun hemm provi biex dawn jirriżenjaw.
Sephora Francalanza
11:53 Mistoqsi fuq jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhomx jirriżenjaw qabel, jgħid li kien hemm opinjonijiet diversi, anke 'l barra mill-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:53 "Ma missux għamilha," jgħid darbtejn il-Ministru, anke jekk ir-raġuni li ta Mizzi kienet għall-ippjanar għall-familja.
Sephora Francalanza
11:53 Ftit sigħat wara, meta ra l-informazzjoni li kien hemm, irrikonoxxa li din kienet deċiżjoni "politikament naive" ta' Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:51 L-ewwel darba li sema' bil-Panama Papers, huwa kien xettiku minħabba li l-istorja dehret fuq il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:51 Il-Ministru Michael Farrugia ma kienx mistieden għall-party tal-Girgenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat is-sena li għaddiet.
Sephora Francalanza
11:51 "Naf li kienu ħbieb," jgħid dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:51 "Ftit kien jinvolvi ruħu, ħlief meta jintalab parir fuq id-direzzjoni. Qatt ma ta pariri fuq proġetti."
Sephora Francalanza
11:49 Said Pullicino jistaqsi lill-Ministru fuq l-irwol ta' Keith Schembri fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:49 L-Imħallef Emeritu Said Pullicino jkun se jwaqqfu, iżda l-Imħallef Lofaro tħallih ikompli.
Sephora Francalanza
11:47 Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru mill-ġdid isemmi li l-Enemalta kienet falluta qabel l-2013, u kellhom jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.
Sephora Francalanza
11:46 Mistoqsi mill-Bord jekk għadd ta' mistoqsijiet kinux jittieħdu dejjem mill-istess nies, isemmi l-powerstation, kif il-pjanijiet kienu ġew proposti lill-Gvern Nazzjonalista qabel l-2013, u l-Imħallef Emeritu Said Pullicino jwaqqfu. Jgħidlu li qed jistaqsu fuq deċiżjonijiet oħrajn, pereżempju tal-Vitals' Global Healthcare.
Sephora Francalanza
11:45 Il-Ministru jgħid li ma kienx jaf bil-"kitchen cabinet" u ma kienx parti minnu. "Ma nistax neskludi xi ħaġa li ma nafx," jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
11:44 Il-Ministru jgħid li jekk saru investigazzjonijiet min-naħa tal-Gvern fuq l-Electrogas, hu ma kienx konxju tagħhom.
Sephora Francalanza
11:44 Il-Ministru jfisser li wara, kulħadd għaref.
Sephora Francalanza
11:43 “Mhux se jkun hemm ismijiet u nwaqqaf investigazzjoni.”
Sephora Francalanza
11:41 "Kont inkwetat," jgħid il-Ministru bid-daħka, "li l-Enemalta kienet fi stat ta' falliment komplut." Jgħid, iżda, li wieħed irid jara ċ-ċirkostanzi x'kienu dakinhar u x'passi kellhom jittieħdu malajr.
Sephora Francalanza
11:40 Il-Ministru jispjega li l-kuntratt qatt ma jiġi quddiem il-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:39 "Jekk kien hemm xi korruzzjoni wara l-ftehim tal-Electrogas, jibqa' ħażin dejjem. Jekk jitfaċċaw il-provi, inkun l-ewwel wieħed li nagħti s-sapport tiegħi biex jittieħdu passi."
Sephora Francalanza
11:37 Isemmi dwar xi nstab mill-Gvern fl-2013 fir-rigward tal-powerstations.
Sephora Francalanza
11:35 "Ma nistax ngħid li m'iniex ħbieb ma' Keith Schembri, ma nistax ngħid li meta kelli problemi ta' kif se nimxi 'l quddiem fuq ċerti proġetti, m'għennix." Isemmi proġett tal-housing li għenu fih.
Sephora Francalanza
11:34 Fuq il-Panama Papers saru diskussjonijiet ras imb ras, persuna ma' oħra, bejn il-Ministru Michael Farrugia u l-Ministru Konrad Mizzi, u bejn il-Ministru Farrugia u l-Prim Ministru. Ma' Keith Schembri ma tkellimx, "ma kellix għalfejn inkellmu għax kont nitkellem mal-Prim Ministru."
Sephora Francalanza
11:33 "Il-Kabinett mhuwiex il-post fejn isiru l-investigazzjonijiet kriminali."
Sephora Francalanza
11:33 Il-Ministru jgħid li l-Kabinett ma jiħux passi meta jkun hemm allegazzjonijiet mingħajr provi.
Sephora Francalanza
11:33 Jistaqsih jekk il-Kabinett iddiskutiex l-allegazzjoni serja fuq 17 Black peress li involviet żewġ persuni fil-Kabinett.
Sephora Francalanza
11:32 Il-Bord issa jistaqsi fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
11:32 "Kont, għadni u nibqa' kull każ li nkun naf ngħaddih lill-Korp tal-Pulizija," jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
11:30 Kull meta kellu informazzjoni dwar leaks jew abbużi, huwa ressaqhom lill-awtoritajiet konċernati. Imbagħad, ma segwiehomx għaliex ħalla lill-awtoritajiet jaħdmu, jgħid il-Ministru.
Sephora Francalanza
11:26 "Il-Kummissarju kien ġej minn skola antika," jgħid il-Ministru, u hu ra li jlaqqa' l-ideat aktar antiki ta' Cutajar mal-ideat ta' Angelo Gafà, li dak iż-żmien kien Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:24 Mistoqsi jekk kienx kuntent b'xogħol il-Kummissarju Lawrence Cutajar, jgħid li taħtu, inqabdu ammonti rekords ta' droga, naqset il-kriminalità, inqabdu persuni marbutin mad-droga, issaħħaħ id-dipartiment tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
Sephora Francalanza
11:23 Jgħid li kull meta ngħata informazzjoni hu, dejjem kien ikun waħdu fl-uffiċċju. Lanqas iċ-Chief of Staff tiegħu ma kien jibqa' fil-kamra.
Sephora Francalanza
11:22 Il-Ministru jgħid li l-iżvelar ta' informazzjoni lis-suspettati tal-Pulizija għandu jiġi investigat.
Sephora Francalanza
11:22 "Meta tħares lura, kollox jista’ jsir aħjar. Ir-riżultat l-importanti, u r-riżultat kien bla preċedent."
Sephora Francalanza
11:19 Mistoqsi huwiex kuntent bl-operat tal-investigazzjoni ta' Daphne Caruana Galizia, jgħid li ż-żewġ każijiet ta' karozzi bomba meta hu kien Ministru għall-Intern (waħda fil-Fgura li ma ħaditx, apparti ta' Caruana Galizia), ġew solvuti.
Sephora Francalanza
11:19 Lest li jgħid fil-magħluq min huma dawn in-nies li ma kienx jafda, iżda b'ċerti limiti, għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Sephora Francalanza
11:18 Il-Ministru jgħid li kien qed jitkellem b'mod inġenerali, mhux fuq il-każ ta' Montenegro. Kienet tasallu xi informazzjoni u hu kien jgħaddiha lill-awtoritajiet neċessarji.
Sephora Francalanza
11:17 Il-Bord jikkwota intervista mal-Ministru Michael Farrugia fuq il-MaltaToday, li fiha jingħad li l-Ministru qal li ma kellux fiduċja f'xi membri fil-Korp tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:17 Il-premju baqa' ma ngħatax, jgħid il-Ministru, għax ix-xogħol sar mill-Korp tal-Pulizija u mill-korpi barranin.
Sephora Francalanza
11:16 L-offerta ta' miljun ewro għal min kellu informazzjoni fuq il-każ ħarġet mill-OPM, mhux mill-Ministeru għall-Intern.
Sephora Francalanza
11:15 Il-Pulizija ma kellhiex bżonn l-assistenza tal-Ministru għall-kuntatt mal-FBI.

Kull meta ltaqa' mad-Diretturi tal-Europol, huwa qalilhom li hu disponibbli biex il-kollaborazzjoni tkompli għaddejja.
Sephora Francalanza
11:14 Il-Ministru jgħid li ma jiftakarx min kien preżenti għall-konferenza. Hu ma tax informazzjoni waqt il-konferenza, iżda wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
11:14 Il-Ministru huwa mistoqsi għall-konferenza stampa li ta fl-2017 flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-arrest tal-10 suspettati fl-assassinju.
Sephora Francalanza
11:14 Jgħid li l-Ministeru mhuwiex faċilitatur u mhuwiex Ministeru investigattiv.
Sephora Francalanza
11:13 Il-Ministru jgħid li l-Prim Ministru kien jiġi infurmat mis-sorsi tiegħu.
Sephora Francalanza
11:12 "Jiena qatt ma waqqaft xi investigazzjoni milli ssir bħalma ġara qabel l-2013. Qatt ma ndħalt lill-Pulizija lil min iressqu u ma jressqux il-Qorti."
Sephora Francalanza
11:11 Aktar u aktar, jgħid il-Ministru, wara li l-Prim Ministru kien għamel stqarrija fuq il-premju li se jingħata lil min għandu xi informazzjoni fuq il-każ.
Sephora Francalanza
11:10 Mistoqsi bħala Ministru għall-Intern kienx l-irwol tiegħu li jiddiskuti l-investigazzjoni, jinsisti li ma kienx l-irwol tiegħu li jinvolvi ruħu b'tali mod li jaf ixekkel l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:09 Il-Ministru jgħid li jista' jagħti aktar dettalji fuq xi pariri li ta hu bħala Ministru bil-bibien magħluqa, peress li tinkludi informazzjoni sensittiva.
Sephora Francalanza
11:08 Il-Kabinett ma ltaqax fuq dan il-każ speċifiku. Baqa' ma ġiex diskuss fil-Kabinett sakemm kien hemm il-kwistjoni tal-proklama f'Novembru li għadda.
Sephora Francalanza
11:07 B'konsegwenza tal-irwol tiegħu, kien jiġi infurmat b'xi żviluppi fuq il-każ.
Sephora Francalanza
11:07 Jgħid li l-involviment tiegħu f'din l-investigazzjoni kien minimu. Lill-Pulizija ftit li xejn kien jitlobha informazzjoni.
Sephora Francalanza
11:06 Dakinhar stess ġie xi ħadd mit-tim Olandiż f'Malta. Il-bqija tat-tim ġie l-għada.
Sephora Francalanza
11:06 Ftit wara, il-Ministru Olandiż ta permess lill-Pulizija Olandiża b'telefonata biex tiġi Malta.
Sephora Francalanza
11:05 Il-Ministru jippreżenta korrispondenza li kellu mal-Ministru Olandiż biex il-Pulizija Olandiża tgħin fl-investigazzjoni tal-karozza bomba ta' Daphne Caruana Galizia. Il-messaġġ bagħtu dakinhar, fis-16 t'Ottubru tal-2017, fiis-6.49pm.
Sephora Francalanza
11:04 Il-Ministru informa lill-Kummissarju li lest joffri l-għodda kollha biex ikun investigat il-każ. Offra wkoll li jiġu pulizija u esperti barranin biex jinvestigaw.
Sephora Francalanza
11:03 Kif sar jaf dwar l-assassinju?

Kien infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija ftit minuti wara li seħħ il-każ. Dak il-ħin kienu qed jissuspettaw li kienet Daphne Caruana Galizia li nqatlet fil-karozza bomba.
Sephora Francalanza
11:03 Jgħid li dwar każijiet ta' ċertu portata kien jiġi infurmat mill-ewwel. Xogħlu kien li jara u jiffaċilita xogħol il-Pulizija, jara li l-Pulizija jkollha l-għodda kollha meħtieġa.
Sephora Francalanza
11:02 Huwa mistoqsi kienx ikun infurmat b'reati serji.
Sephora Francalanza
11:02 Jgħid li meta daħal fil-kariga sab lill-Kummissarju Lawrence Cutajar u dan ma nbidilx kemm dam Ministru għall-Intern hu.
Sephora Francalanza
11:02 Huwa mistoqsi fuq il-ħatriet tal-Kummissarju tal-Pulizija. Jgħid li dawn kienu jiġu mill-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
11:01 Mill-2013 sal-2014 kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar. Sal-elezzjoni tal-2017 kien il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali. Mill-2017 sa Jannar li għadda kien il-Ministru għall-Intern. Minn Jannar s'issa huwa l-Ministru għall-Enerġija.
Sephora Francalanza
10:59 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsih jagħti informazzjoni ġenerali fuq l-irwol tiegħu fil-Gvern mill-2013 s'issa.
Sephora Francalanza
10:58 Jidħol il-Ministru Michael Farrugia u jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
10:58 Il-Bord tal-Inkjesta daħal lura fl-awla.
Sephora Francalanza
10:57 Wasal il-ħin biex jixhed il-Ministru Michael Farrugia.
Sephora Francalanza
10:48 is-seduta sospiża sakemm jasal ix-xhud li jmiss.
Sephora Francalanza
10:47 Ix-xhud li jmiss huwa l-Ministru Michael Farrugia li għadu ma wasalx.
Sephora Francalanza
10:46 Huma kienu jikkomunikaw mas-Segretarjat Permanenti għall-Ministeru tat-Turiżmu, u anke mas-Segretarjat f'isem il-Ministeru għall-Finanzi.
Sephora Francalanza
10:46 Camenzuli kien ukoll membru fuq il-Kumitat tal-Evalwazzjoni. Iċ-Chairman kien George Gregory, il-membri kienu Mario Galea, hu u Gerty.
Sephora Francalanza
10:43 Mistoqsi min kien fuq il-Kumitat tan-Negozjar, jgħid li kienu hu (Chairman), Dr Alex Sciberras u Peter Zammit.
Sephora Francalanza
10:42 Jgħid li l-bid intgħażel u wara saru n-negozjati, intgħażlet il-kumpanija Deloitte.
Sephora Francalanza
10:41 Il-valutazzjoni tal-art u tas-sit saret qabel jew wara li ntgħażel il-bid? jistaqsi l-Bord.
Sephora Francalanza
10:41 Ix-xhud jgħid li ma jafx kif il-proġett wasal għand Projects Malta.
Sephora Francalanza
10:40 Jgħid li ngħata handover u kienu waslu fl-istadju li jistmaw l-art.
Sephora Francalanza
10:39 L-Inġinier Camenzuli nħatar Chairman meta rreżenja ċ-Chairman ta' dak il-Bord.
Sephora Francalanza
10:39 Il-mistoqsijiet issa huma dwar il-proġett tad-db fil-Bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan.
Sephora Francalanza
10:38 Castagna u Borg ħadu ħsieb l-analiżi finanzjarja f'isem il-Bord Evalwattiv.
Sephora Francalanza
10:37 Dr Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud jekk kienx jaf li Manuel Castagna kien impjegat ta' Nexia BT, u li Robert Borg kien konness mal-GWU.

Ix-xhud jgħid li ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
10:37 Ix-xhud, b'idejh marbuta, jgħid li ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
10:36 Dr Comodini Cachia tgħid li fid-dominju pubbliku hemm li qabel ħarġet l-RFP, Muscat kellu laqgħat ma' Shaukat Ali. Tistaqsi mill-ġdid lix-xhud jekk hu kienx jaf.
Sephora Francalanza
10:36 "Kunu fair, kollox qed iwieġeb. Dak li hu fid-dominju pubbliku m'għandekx bżonn tistaqsih," jinsisti l-Avukat Lia.
Sephora Francalanza
10:35 Il-Qorti tgħid lill-Avukat Lia biex ibaxxi leħnu. Jgħid li hawn min għandu skopijiet oħra u qed jasal għalihom permezz tal-inkjesta.
Sephora Francalanza
10:35 L-Avukat Pawlu Lia jqum bilwieqfa biex joġġezzjona u jgħid li dawn il-mistoqsijiet m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-iskop tal-inkjesta, iżda għandhom x'jaqsmu mal-iskopijiet ta' deputati ta' partiti oħra.
Sephora Francalanza
10:35 L-Inġinier Camenzuli jgħid li hu ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
10:33 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk ivverifikawx jekk min-naħa tal-VGH kinux diġà għamlu laqgħat f'Kastilja mal-eks PM Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
10:32 Meta l-Kumitat spiċċa xogħlu, id-dokumenti għaddewhom lil Projects Malta. Isemmi lil John Valenzia bħala dak li kien jieħu ħsieb il-Komunikazzjoni, u jsemmi wkoll lil William Wait, li diġà xehed fl-inkjesta.
Sephora Francalanza
10:31 L-Imħallef Emeritu Said Pullicino jgħid li qed isib ix-xhieda ta' Camenzuli "stramba."
Sephora Francalanza
10:31 L-Imħallef Lofaro tgħid lix-xhud li donnu m'għamilx homework għax-xhieda tal-lum, u mhux jagħti wisq informazzjoni. Tistaqsih basarx li se jistaqsuh fuq hekk.
Sephora Francalanza
10:31 Ir-rapport finanzjarju ġie sottomess waqt wieħed mill-board meetings, jgħid ix-xhud, meta l-Avukata tistaqsih jekk ħassarx l-emails kollha. Jgħid li ma kien hemm l-ebda emails bejniethom.
Sephora Francalanza
10:30 Dr Comodini Cachia tfakkru li r-rapport issottomettieh f'awla oħra.
Sephora Francalanza
10:30 Jgħid li d-dokumenti tal-kumpanija ma jistax iġibhom hu, huma ta' Projects Plus.
Sephora Francalanza
10:29 L-Avukata tistaqsih kif m'għandux kopja tar-rapport. Hu jibqa' jgħid li m'għandux. Jgħid li kull membru ffirma non-disclosure agreement.
Sephora Francalanza
10:28 L-Avukata tagħfsu jekk għamlux eżerċizzju biex isibu min hu l-UBO ta' Oxley Group.

Itenni li hu ma jiftakarx. Jgħid li m'għadx għandu aċċess għar-rapport.
Sephora Francalanza
10:28 Dr Comodini Cachia tistaqsi jekk ivverifikawx min kien wara Oxley Group, min kien l-Ultimate Beneficiary Owner.

Ix-xhud iwieġeb li ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
10:27 Ix-xhud jgħid li dawk li ffukaw fuq l-analiżi finanzjarja ċċekkjaw jekk dawn verament jeżistux u għamlu rapport.
Sephora Francalanza
10:24 Ix-xhud itenni li kellhom il-garanzija tal-Bank of India u l-Bank of Singapore, allura minn dan il-lat ma kinux dubjużi. Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi jekk fuq kollox jeżistux dawn il-banek.
Sephora Francalanza
10:24 L-Avukata tistaqsi min kienu ż-żewġ membri li wettqu l-analiżi finanzjarja mill-Bord. Dawn kienu Robert Borg u Manuel Castagna.
Sephora Francalanza
10:23 Ix-xhud jgħid li kien f'idejn in-nutar li jevalawhom, u qalilhom li dawn iż-żewġ bidders kellhom affarijiet neqsin.
Sephora Francalanza
10:23 L-Avukata tistaqsi jekk investigawx jekk kinux fake fronts.
Sephora Francalanza
10:22 Iż-żewġ bidders l-oħra kienu Image Hospitals u BSB Investments.
Sephora Francalanza
10:19 Kienu jkellmu impjegat ta' Projects Malta John Valenzia għal xi assistenza, dak biss kien ikollhom bżonn mingħand Projects Malta. Ma kinux jitkellmu mal-Bord tad-Diretturi.
Sephora Francalanza
10:19 Dokumentazzjoni fuq l-Electrogas ma sabx, itenni x-xhud.
Sephora Francalanza
10:18 Bejn l-2015 u l-2017 kellu xogħol ieħor ma' Projects Malta? Iwieġeb li kienu appuntawh Chairman biex jieħu post Chairman li kien irreżenja fuq il-proġett tad-db Group fil-Bajja ta' San Ġorġ.
Sephora Francalanza
10:18 Jaħseb li nħatar f'Marzu tal-2015, iżda mhuwiex ċert għax id-dati ma jiftakarhomx.
Sephora Francalanza
10:17 Tistaqsi lix-xhud meta nħatar l-Kumitat Evalwattiv u kemm dam jaħdem.
Sephora Francalanza
10:17 Imiss li tistaqsi issa l-Avukata Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
10:15 Ix-xhud jgħid li ma kien hemm l-ebda appell jew oġġezzjoni minn bidders oħra.
Sephora Francalanza
10:14 Jgħid li ladarba għażlu l-preferred bidder, ma kellhomx x'jaqsmu aktar. Imbagħad kien f'idejn il-Gvern biex imexxi n-negozjati. Li għamlu kien rapport ta' evalwazzjoni għal Projects Malta, mhux għall-Ministeru tas-Saħħa jew tal-Finanzi.
Sephora Francalanza
10:13 Mistoqsi min huma x-shareholders f'VGH, isemmi lil Ram Tumuluri. Jgħid li fil-bid tagħhom, kien hemm id-dettalji ta' kulħadd, bis-CVs ta' kulħadd inkluż, eċċ.
Sephora Francalanza
10:13 Oxley Group hija kumpanija ta' investiment li investiet f'ħafna proġetti barranin, jgħid ix-xhud meta jistaqsih il-Bord tal-Inkjesta. Ma jiftakarx fejn hu reġistrat Oxley Group jew min huma x-shareholders fih.
Sephora Francalanza
10:13 Jgħid li ħadu d-deċiżjoni b'reqqa, kienu attenti ħafna, u dak mitlub minnhom wettquh.
Sephora Francalanza
10:11 Il-Bord jistaqsi lix-xhud jekk wara dak li ġara, jaħsibx li din kienet id-deċiżjoni t-tajba.
Sephora Francalanza
10:11 Ix-xhud jiddikjara li kien sodisfatt li l-paperwork kien profiċjenti.
Sephora Francalanza
10:11 Mil-lat mediku, kellhom dikjarazzjonijiet mill-MANV – Medical Association of North Virginia.
Sephora Francalanza
10:09 Mil-lat finanzjarju, kellhom dikjarazzjoni li l-Ultimate Beneficiary Owner huwa Oxley Group. Camenzuli jiddeskriviha bħala kumpanija b'saħħitha li investiet f'ħafna sptarijiet barra minn Malta. Kellhom konfermi wkoll minn diversi banek, pereżempju l-Bank of India u l-Bank of Singapore li ddikjaraw li se jsellfuhom il-flus b'investiment.
Sephora Francalanza
10:07 Il-kumpanija VGH kellha affiljazzjoni ma' diversi kumpaniji. Isemmi kumpanija Amerikana li kienet għamlitilhom il-kunċett tad-disinn tal-isptarijiet.
Sephora Francalanza
10:06 Isostni li l-bid tal-Vitals kienet waħda professjonali.
Sephora Francalanza
10:05 Il-Vitals Global Healthcare "taw prova soda u konkreta" tal-finanzjament, jgħid ix-xhud, kemm tal-lat mediku u tekniku, kif ukoll tal-operat.
Sephora Francalanza
10:05 Ġie riferut lilhom is-Sur Charles Grixti. L-Imħallef Lofaro tistaqsi x'esperjenza kellu s-Sur Grixti, iżda x-xhud jgħid li ma kienx jafu qabel. Ġie assenjat lilhom.
Sephora Francalanza
10:03 Il-Bord baqa' jiltaqa' wara li ntgħażel il-Vitals, u ssettja x'għandu jkun l-irwol tal-membri. Iddeċidew li bħala bid kienet waħda komprensiva, u 2 membri tal-Bord iffukaw fuq il-lat finanzjarju, iżda mil-lat tekniku u mediku ħadd ma kien espert, allura talbu assistenza.
Sephora Francalanza
10:02 Mistoqsi x'kien jgħid ir-rapport tan-nutar, ix-xhud jgħid li ċċekkja r-rekwiżiti u r-rapport jgħid li peress li tnejn mill-bids ma kinux compliant, kellhom jagħżlu t-tielet, ta' Vitals Global Healthcare.
Sephora Francalanza
10:01 Ix-xhud jgħid li l-Bord iltaqa' madwar 10 darbiet biex jiddiskuti t-3 bids li kien hemm.
Sephora Francalanza
10:00 Kien hemm nutar li mar biex jiftaħ il-bids quddiem il-Kumitat kollu. In-Nutar Marco Burlò għamlilhom rapport, li ġie anness mar-rapport tagħhom tal-Kumitat Evalwattiv.
Sephora Francalanza
09:59 L-Inġinier Camenzuli kien Chairman tal-Bord li evalwa t-tenders li daħlu għall-konċessjoni tat-tliet sptarijiet. Il-Ministru responsabbli kien Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
09:59 L-Avukata Therese Comodini Cachia tidher taqleb għajnejha peress li x-xhud donnu mfixkel u mhux jifhem il-mistoqsijiet tal-Bord. Huma qed jitolbuh jikkjarifika l-involviment tiegħu fil-kuntratt tal-Vitals.
Sephora Francalanza
09:58 Mistoqsi qattx attenda xi laqgħa tal-Kabinett dwar it-tliet sptarijiet, huwa jgħid iva.
Sephora Francalanza
09:57 Meta beda fil-kariga l-Inġinier Camenzuli, id-deċiżjoni dwar il-Vitals Global Healthcare kienet diġà ttieħdet, jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
09:57 Il-fajls tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet jinsabu għand Projects Malta.
Sephora Francalanza
09:56 Ix-xhud huwa mistoqsi dwar il-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare.
Sephora Francalanza
09:56 Qatt ma ra l-ebda fajls marbutin mal-proġett.
Sephora Francalanza
09:56 Ix-xhud jgħid li l-proġett tal-powerstation ġie qabel beda jokkupa l-kariga hu.
Sephora Francalanza
09:55 Jgħid li hu ma kien involut bl-ebda mod f'dan il-proġett. "Electrogas ma tissemmiex fl-irwol ta' Projects Malta jew Projects Plus."
Sephora Francalanza
09:55 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lix-xhud dwar il-proġett tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
09:54 Qabel, huwa kien Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Huwa wkoll Chairman tar-Regolatur tas-Servizzi għall-Enerġija u l-Ilma.
Sephora Francalanza
09:53 Jispjega li Projects Plus taħdem fuq proġetti kapitali, mentri Projects Malta taħdem fuq proġetti pubbliċi u privati.
Sephora Francalanza
09:51 Camenzuli nħatar il-Kap Eżekuttiv ta' Projects Plus mit-28 ta' Jannar, 2019, u għadu jokkupa din il-kariga sal-lum.

Qabel kien Chairman ta' Projects Malta, iżda ż-żewġ karigi rikbu fuq xulxin.
Sephora Francalanza
09:50 L-ewwel xhud tal-lum huwa l-Inġinier James Camenzuli.
Sephora Francalanza
09:49 Il-Bord jirrikonoxxi l-oġġezzjoni tal-Avukata Comodini Cachia, u jirriserva li jwieġeb fi stadju ieħor.
Sephora Francalanza
09:49 L-Imħallef Lofaro ttenni li kien hemm xahrejn u nofs moħlija minħabba l-pandemija. Tgħid li hi għandha xogħol ieħor xi twettaq ukoll.
Sephora Francalanza
09:48 Mill-ittra tiegħu, il-Prim Ministru fiehem li jrid ir-rapport sa nofs Diċembru. Dr Comodini Cachia tinsisti li l-Bord irid iż-żmien tiegħu biex iwettaq ir-rapport wara li jisma' x-xhieda.
Sephora Francalanza
09:48 L-Avukata tgħid li mhux talli fadal aktar xhieda, talli issa donnu fl-inkjesta beda kapitlu ġdid.
Sephora Francalanza
09:47 L-Imħallef Emeritu Mallia jgħid li fl-ittra tagħhom talbu sal-aħħar Diċembru, għax ma kinux jafu li jeħtieġ ikun hemm aktar żmien. Il-PM tahom sa nofs Diċembru.
Sephora Francalanza
09:46 "Dan kollu jirrikjedi ħin adekwat u l-Gvern m'għandux jagħmel ostakli biex il-Bord jaħdem b'mod seren u jaqdi dmiru sew."
Sephora Francalanza
09:44 Dr Comodini Cachia tgħid li fadal numru ta' xhieda x'jidhru quddiem il-Bord tal-Inkjesta. Il-Bord u l-familja għad għandhom bżonn ħin diċenti biex iħejju ruħhom għal dawn ix-xhieda, imma anke sabiex il-familja tħejji s-sottomissjonijiet konklussivi tagħha bil-miktub, u wara l-Bord jagħmel ir-rapport tiegħu.
Sephora Francalanza
09:43 Issemmi kif il-familja kellha diversi laqgħat, inkluż mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex tinħatar din l-inkjesta. Tfisser li dan kollu qiegħed isir taħt l-obbligu tal-Istat li jwettaq din l-inkjesta.
Sephora Francalanza
09:41 L-Avukata Therese Comodini Cachia tgħid li l-affarijiet ma jsirux hekk. Tfakkar li l-familja Caruana Galizia ffaċċjat sentejn mimlija ostakli biex tinħatar inkjesta pubblika.
Sephora Francalanza
09:41 L-Imħallef Abigail Lofaro tfakkar li kien hemm xahrejn li ma sarux seduti minħabba l-coronavirus.
Sephora Francalanza
09:39 L-Imħallef Michael Mallia jaqra t-tweġiba li rċieva mingħand il-Prim Ministru Robert Abela dwar l-estensjoni taż-żmien għall-inkjesta pubblika sal-15 ta' Diċembru tal-2020. Il-PM laqa' t-talba "minkejja li saret tard."
Sephora Francalanza
09:39 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:36 Għadu kemm daħal ukoll l-Avukat Jason Azzopardi li flimkien mal-Avukata Comodini Cachia, jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:28 Illum mistennijin jixhdu l-Ministru Michael Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, James Camenzuli.
Sephora Francalanza
09:28 L-awla għadha pjuttost battala, hawn biss xi ġurnalisti, l-Avukata Therese Comodini Cachia, l-Avukat Pawlu Lia, u oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:27 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 20.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Finanzi Alfred Camilleri.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-inkjesta pubblika kienet infurmata li l-mandat tagħha ġie estiż sal-15 ta’ Diċembru
  • Il-Bord tal-Inkjesta rċieva mingħand il-Ministeru għall-Finanzi kopja tal-ftehim tal-garanzija bankarja b’partijiet mgħottijin
  • Il-banek ma aċċettawx il-ftehim dwar is-Sigurtà tal-Provvista għax ma kienx hemm approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea
  • Il-garanzija tal-istat lill-Konsorzju tal-Electrogas ħareġ biss fl-assenza tal-Ftehim tas-Sigurtà tal-Provvista
  • Il-bank avża lill-Ministeru għall-Finanzi li l-Electrogas mhux tonora l-pagamenti
  • Ma ridux jagħtu garanzija bankarja lill-Enemalta
  • Camilleri qal li qatt ma ddiskuta garanziji bankarji mal-Electrogas; Edward Scicluna dejjem preżenti f’laqgħat ma’ Konrad Mizzi
  • “Kienet deċiżjoni politika,” qal Camilleri dwar it-tneħħija ta’ Konrad Mizzi milli jmexxi l-proġett tal-Electrogas

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.