Joseph Muscat se jintalab jixhed fuq il-ksur tal-etika meta aċċetta r-rigali ta’ Yorgen

Read in English.

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika llum kompla jiddiskutu r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar ir-rigali li ta Yorgen Fenech, l-akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Deher quddiem il-Kumitat il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, li l-uffiċċju tiegħu wettaq rapport dwar dan il-każ u sab li Muscat kiser l-etika.

Xi spikka aktar?

  • L-eks PM Joseph Muscat se jintalab jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari (suġġeriment tal-MP Karol Aquilina)
  • Huwa jista’ jwieġeb bil-miktub, u jista’ jagħżel li ma jaċċettax l-istedina
  • Il-Ministru Edward Zammit Lewis ma qabilx ma’ dan; kien tal-fehma li Muscat għamel ir-rimedju xieraq meta l-inbejjed li tah Fenech ħalliehom lill-Istat
  • Il-Ministru Byron Camilleri kien xettiku li Muscat jidher għax dan ikun qed juri dubju fil-konklużjonijiet ta’ Hyzler
  • Il-Kummissarju Hyzler qal li bħala eks politiku, jifhem li din kienet sitwazzjoni diffiċli għal Muscat, imma f’dal-każ, skontu, kienet ċara li r-rigali ta’ Yorgen kienu personali
  • Hyzler jgħid li jeħtieġ li tinfeda l-klassi politika f’Malta; iħoss li hu dmiru li jgħin
  • L-Ispeaker Anġlu Farrugia b’dubji x’aktar jista’ jagħmel Muscat bħala rimedju issa li rriżenja minn Prim Ministru
15:15 Il-blogg tagħna jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
15:15 Il-laqgħa li jmiss se ssir fis-17 t'Awwissu.
Sephora Francalanza
15:13 Farrugia jibda jagħlaq il-laqgħa tal-Kumitat, imma jitfakkar li l-Kumitat għadu ma skedax il-laqgħa li jmiss.
Sephora Francalanza
15:11 L-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħmilha tal-medjatur. Huwa jissuġġerixxi li l-Kumitat jaddotta l-konklużjonijiet tar-rapport, filwaqt li jistieden lil Joseph Muscat biex jindirizza lill-Kumitat billi jidher quddiemu jew jibgħat stqarrija bil-miktub jekk jixtieq.
Sephora Francalanza
15:09 Il-Membri Parlamentari tal-Gvern jixtiequ li l-proċeduri jiġu konklużi llum, iżda Aquilina qed jinsisti li Muscat għandu jidher quddiem il-Kumitat.
Sephora Francalanza
15:08 Il-fatt li l-ħames membri tal-Kumitat huma avukati huwa evidenti huma u jiddiskutu l-proċedura li se tintuża.
Sephora Francalanza
15:06 Iżda Aquilina jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Ministru, u jgħid li Hyzler iffoka fuq l-aġir ta' Muscat meta aċċetta r-rigal mingħand Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
15:06 Zammit Lewis jinsisti li l-ksur tal-etika ġie rimedjat mid-deċiżjoni ta' Muscat li jħalli l-inbejjed il-Girgenti. Il-Ministru jgħid li dak li qal Hyzler jaqbel ma' dan.
Sephora Francalanza
15:02 Dan peress li kieku jidher Muscat, dan ikun ifisser li l-Kumitat qed jaċċetta xhieda ġdida fuq il-każ.
Sephora Francalanza
15:01 Camilleri jissuġġerixxi li jekk Muscat jintalab jidher quddiem il-Kumitat, il-Kumitat ikun qed juri dubju f'dak li sab Hyzler.
Sephora Francalanza
15:01 Ikun f'idejn Joseph Muscat jekk jixtieqx jidher quddiem il-Kumitat jew le.
Sephora Francalanza
15:00 Zammit Lewis u Camilleri t-tnejn iħaqquha mar-raġunament ta' Aquilina, u Zammit Lewis jgħid li b'differenza mill-Qorti, f'dan il-każ, il-Kumitat ma setax iġiegħel lil Muscat jidher quddiemu.
Sephora Francalanza
14:59 Karol Aquilina jgħid li f'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa pożittiv li l-Gvern donnu aċċetta dak li sab ir-rapport. Madankollu, Aquilina hu tal-fehma li Joseph Muscat għandu jidher quddiem il-Kumitat.
Sephora Francalanza
14:59 Il-Ministru Zammit Lewis jargumenta li jekk ir-rapport jiġi addottat, għandhom jitqiesu l-kummenti ta' Hyzler stess fuq ir-rimedju suġġerit.
Sephora Francalanza
14:59 Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri issa jgħid li l-Kumitat irid jivvota fuq jekk jaddottax ir-rapport u x'azzjoni jirrakkomanda.
Sephora Francalanza
14:59 George Hyzler joħroġ mill-kamra biex iħalli lill-Kumitat Parlamentari jiddiskuti.
Sephora Francalanza
14:54 Madankollu, li tistieden lil xi ħadd b'rabtiet ta' negozju kbar mal-Gvern, li l-politiku sar jaf biss mill-isforzi politiċi tiegħu, hija kwistjoni differenti.
Sephora Francalanza
14:53 Fi tweġiba lil Mifsud Bonnici, Hyzler enfasizza li ma kien fiha xejn ħażin li politiċi jistiednu lill-ħbieb li ilhom jafu s-snin għal riċevimenti privati.
Sephora Francalanza
14:52 F'dan il-każ, imma, kompla Hyzler, ma tagħmilx differenza jekk ir-rigali kinux personali jew tal-istat, għaliex jekk ma kien hemm xejn mhux xieraq, ma kellux ikun hemm problema biex jinżamm rekord tagħha.
Sephora Francalanza
14:51 Hyzler jenfasizza l-importanza li jintuża reġistru trasparenti biex jiġu reġistrati r-rigali kollha mogħtija.
Sephora Francalanza
14:50 Imma f'dan il-każ, żied jgħid Hyzler, hu ċar li r-rigali kienu personali.
Sephora Francalanza
14:49 Hyzler jenfasizza li bħala eks politiku, huwa jifhem li s-sitwazzjoni hi waħda ta' sfida, u ħafna drabi diffiċli tiddistingwi bejn rigali personali u rigali għall-istat.
Sephora Francalanza
14:49 F'dan il-każ, iżda, Farrugia mhuwiex ċert jekk Joseph Muscat kellux għażla oħra. Għandu d-dubji tiegħu wkoll dwar x'rimedji jista' jintalab jagħmel Muscat issa li rreżenja minn Prim Ministru.
Sephora Francalanza
14:47 L-Ispeaker Anġlu Farrugia jibda l-ewwel mistoqsija tiegħu billi jgħid li hu ilu xettiku fuq ir-rabtiet bejn il-politiċi u n-negozjanti.
Sephora Francalanza
14:46 Hyzler jistqarr li għandu interess li jifdi lill-klassi politika, u hawn il-ħtieġa li jsir dan. Iħoss li hu dmiru li jagħmel il-kontribuzzjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
14:45 Madankollu, Hyzler isemmi wkoll ir-riżenja ta' Barry O'Farrel fi New South Wales fl-2014 minħabba flixkun inbid li kien jiswa xi €2,000 li kien ingħata minn negozjant.

Jgħid li r-riżenja ta' O'Farrel, iżda, ma kinitx kwistjoni ta' korruzzjoni imma ta' integrità.
Sephora Francalanza
14:43 Jikkummenta li f'idejn il-Kumitat biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat irid jiddeċiedi wkoll jaqbilx ma' dak li sab ir-rapport.
Sephora Francalanza
14:41 Hyzler jgħid li filwaqt li seta' għamel rakkomandazzjonijiet, għażel li ma jagħmilx f'dan il-każ, peress li ma kienx jaf x'se jirrakkomanda.
Sephora Francalanza
14:40 Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jissuġġerixxi li l-fatt li Muscat ħalla l-inbid il-Girgenti huwa rimedju biżżejjed.
Sephora Francalanza
14:39 Il-Kummissarju jgħid li fir-rapport tiegħu ġibed attenzjoni għall-fatt li jekk l-inventorju kien wieħed ġenwin, kien hemm għadd ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati. Imma jkun f'idejn l-Awditur Ġenerali li jiċċekkja l-lista nfisha.
Sephora Francalanza
14:38 Karol Aquilina jirreferi għal mistoqsija parlamentari li kien għamel, li kienet wasslet biex ġie ppubblikat l-inventorju tar-rigali li rċieva Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
14:35 Jgħid ukoll li l-Prim Ministru għandu jagħti eżempju, u billi aċċetta rigali bħal dawn, kien donnu qed iwassal biex ministri oħra jħossuhom komdi jaċċettaw rigali simili.
Sephora Francalanza
14:34 Il-Kummissarju jwieġeb li ma ħassx li kien prudenti li hu jindaga fl-aġir tas-servizzi sigrieti. Imma enfasizza li dan kien sekondarju għall-fatt li Muscat aċċetta rigal personali u għoli mingħand negozjatur prominenti.
Sephora Francalanza
14:34 L-MP Karol Aquilina jistaqsi lil Hyzler jelabora fuq il-pariri allegatament mogħtija lil Muscat mis-servizz sigriet.
Sephora Francalanza
14:33 Hu u jwieġeb mistoqsija oħra, Hyzler jenfasizza li ma kien fiha xejn ħażin li Muscat uża l-Palazz tal-Girgenti għal riċeviment privat, peress li din hi r-residenza tal-Prim Ministru fis-sajf.
Sephora Francalanza
14:32 Hyzler ma vverifikax jekk hux minnu li s-servizzi sigrieti ħeġġew lil Muscat biex jistieden lil Fenech ħalli ma jitqajjimx suspett f'Fenech, li kien diġà suspettat li ordna l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:31 Jgħid ukoll li ma ċċekkjax jekk kienx minnu li l-fliexken tal-inbid tħallew fil-Palazz tal-Girgenti. Imma ta x'jifhem li hu mhux qed jemmen lil Muscat.
Sephora Francalanza
14:30 Hyzler jispjega li kien hemm tliet fliexken tal-inbid tad-ditta Petrus – wieħed mis-sena tat-twelid ta' Joseph Muscat, u t-tnejn l-oħra mis-sena tat-twelid ta' wliedu tewmin.
Sephora Francalanza
14:30 Mifsud Bonnici issa jistaqsi fuq ir-rigali nfushom.
Sephora Francalanza
14:29 Hyzler jgħid li fil-kariga tiegħu jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm xi bidliet fil-kodiċi tal-etika dwar il-politiċi.
Sephora Francalanza
14:28 L-ewwel mistoqsija hija tal-MP tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, dwar xi rakkomandazzjonijiet li jagħmel Hyzler biex affarijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru.
Sephora Francalanza
14:27 Semma wkoll kif Muscat kien ikkundanna lill-eks Ministru Tonio Fenech talli dan aċċetta li jsiefer bi private jet – b'kumbinazzjoni ta' missier Yorgen Fenech, George – u talli aċċetta arloġġ tradizzjonali Malti bħala rigal.
Sephora Francalanza
14:27 Jenfasizza li l-kuntest tar-riċeviment ta' Muscat "ipprovoka" l-għotja tar-rigali, u li r-rigal li Fenech ta lil Muscat ma kienx insinifikanti fil-valur.
Sephora Francalanza
14:26 Il-Kummissarju jsemmi kif hu kien appella biex ikun hemm "tbegħid soċjali" bejn il-politiċi u n-negozjanti, mhux biss waqt il-pandemija tal-coronavirus.
Sephora Francalanza
14:25 Issa jidher li l-laqgħa qed tixxandar fuq l-istazzjon tal-Parlament fuq it-televixin, imma jidher li xi problemi tekniċi qed jippersistu.
Sephora Francalanza
14:25 Il-laqgħa ġiet sospiża għal ftit minuti minħabba diffikultajiet tekniċi.
Sephora Francalanza
14:24 Il-kwistjoni, jispjega Hyzler, hi li Muscat stieden lil Fenech, li kien involut fi ftehim estensiv mal-Gvern, għal riċeviment privat u intimu. Il-kwistjonijiet l-oħra li jikkonċernaw lil Fenech mhumiex relevanti f'dan il-każ.
Sephora Francalanza
14:23 Jagħmel punt li m'għandhiex issir referenza għall-proċeduri kriminali jew għall-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu lil Fenech, peress li dan huwa lil hinn mill-iskop tal-investigazzjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
14:22 Bedingfield kien ġibed l-attenzjoni għall-fatt li Hyzler huwa miżżewweġ lill-Avukata Giannella De Marco, li huwa ddeskriva bħala l-avukata ta' Yorgen Fenech. Hyzler ikkjarifika li huwa binha minn żwieġ ieħor, Gianluca Caruana Curran, li hu parti mit-tim legali ta' Fenech.
Sephora Francalanza
14:22 Il-Kummissarju jieħu l-opportunità li jindirizza l-akkużi ta' kunflitt ta' interess li qajjem il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield.
Sephora Francalanza
14:21 Hyzler jgħid li r-rapport jitkellem waħdu, u filwaqt li lest li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Membri Parlamentari, ma jixtiex li jespandi wisq fuq dak li kiteb fir-rapport.
Sephora Francalanza
14:21 L-Ispeaker u ċ-Chairman ta' dan il-kumitat Anġlu Farrugia jistieden lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler biex jindirizza lill-Kumitat.
Sephora Francalanza
14:20 Is-seduta għadha kemm bdiet imma mhix tixxandar fuq l-istazzjon televiżiv tal-Parlament kif skedat. Wieħed jista' jsegwi, iżda, fuq is-sit parlament.mt.
Sephora Francalanza
14:10 Il-waranofsinhar it-tajjeb. Nilqgħukom għal dan il-blogg live.
Sephora Francalanza

Fir-rapport tiegħu, Hyzler sab lill-eks Prim Ministru ħati ta’ ksur ta’ etika. Dan wassal biex iltaqa’ l-kumitat parlamentari sabiex jiddiskutu l-kwistjoni.

Id-dibattitu beda aktar kmieni dan ix-xahar, imma kopra biss il-proċeduri. Hyzler mistenni jindirizza l-kumitat illum.

Il-kumitat qed jitmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u membri tiegħu hemm żewġ Membri Parlamentari tal-Gvern u tnejn tal-Oppożizzjoni. Dan hu l-unika kumitat li fih il-Gvern u l-Oppożizzjoni huma rappreżentanti b’mod ugwali.