“Għad nieħu passi kontra min semmieni fl-ittra li bagħat lil Yorgen”

Chris Cardona kien qed jirreferi għall-ittra li implikatu fl-assassinju ta' Daphne

Yorgen Fenech Chris Cardona

Read in English.

Fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum xehed l-eks Ministru Chris Cardona, li kien ġie interrogat b’rabta ma’ dan l-assassinju f’Novembru li għadda.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u li tiskrutinja l-aġir tiegħu wara l-qtil.

L-eks Ministru kellu jixhed it-Tnejn li għadda, imma s-seduta tmexxiet għal-lum.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Chris Cardona?

  • Irid jieħu passi kontra min kiteb l-ittra li “għaddiet bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech” u li timplikah fl-assassinju. L-ittra għadu ma jafx min kitibha.
  • Mistoqsi dwar għaliex ma jinsistix li tiġi investigata l-kalligrafija fl-ittri, Cardona jgħid li l-Pulizija jistgħu jinvestigaw waħedhom.
  • Sar jaf bil-bomba fil-Bidnija meta kien fil-karozza lura ma’ Joseph Muscat wara avveniment f’Tas-Sliema; kien l-uffiċċju l-Belt meta sar jaf li kienet inqatlet Daphne 
  • Jgħid li jumejn qabel l-assassinju Joseph Muscat ħassu ħażin waqt attività f’lukanda f’Tas-Sliema. Iżid li hu żamm lil Muscat li ma kien kiel xejn dakinhar għax ma kellux ċans.
  • Ma kienx jieħu gost meta minħabba l-kitbiet ta’ Daphne lil uliedu l-iskola bdew jgħidulhom li missierhom traffikant tad-droga
  • L-ordni ta’ sekwestru fuq l-assi ta’ Daphne kienet deċiżjoni tiegħu, kontra l-parir legali tal-avukati tiegħu
  • Kien juża WhatsApp ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat, imma ma kienx involut fil-grupp bejn Schembri, Muscat u Yorgen Fenech
  • Kien jaf li Muscat u Schembri kienu jsiefru flimkien imma ma kienx jaf bir-relazzjoni tagħhom ma’ Fenech 
  • Il-poter li kellu Schembri kien proporzjonat għall-irwol tiegħu. Jiddeskrivih bħala “indispensabbli” fl-operat tal-Gvern.
  • Dwar jekk ir-relazzjoni bejnu u Schembri kinitx tajba, Cardona jgħid li kellhom relazzjoni ta’ xogħol u kienu jiltaqgħu spiss.
  • Il-kumpaniji fil-Panama ma kinux l-uniku żball. Min żbalja jrid iħallas ta’ għemilu
  • Jgħid li l-aħħar messaġġ bejnu u bejn Yorgen intbagħat f’Awwissu 2019 u jirreferi għal-lezzjonijiet ta’ żfin ta’ wliedhom 
  • Sar jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 xi jiem qabel tħabbret
  • Qatt ma tilef laqgħa tal-kabinett u kien sorpriż meta sema’ bl-hekk imsejjaħ ‘kitchen cabinet’. Skontu, min semma l-kitchen cabinet biex jiddistakka ruħu minn ċerti kwistjonijiet 
  • Konrad Mizzi kien għamel preżentazzjoni dwar powerstation ġdida. Il-PL kien għadu fl-Oppożizzjoni. Il-Kelliem għall-Enerġija ma kienx hemm.
  • Konrad Mizzi kien innegozja l-ftehim dwar l-isptarijiet mal-VGH
  • Cardona kien jiffirma l-ftehimiet kollha tal-Gvern mal-entitajiet barranin, minkejja li ma kienx jipparteċipa fin-negozjati.
  • Jgħid li mhux taħt investigazzjoni, la Malta u lanqas barra, fuq xi proġett fi żmienu bħala Ministru
  • Allegazzjonijiet fuqu li ma ġewx ivverifikati: li poġġa pistola f’ħalqu, li pprova jagħmel suwiċidju, li daħal l-isptar u li għamel telefonati man-nies involuti fil-qtil
  • Jgħid li r-rapporti dwaru li ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio huma gideb
  • Chris Cardona jikkonferma li għadu jiltaqa’ ma’ Joseph Muscat

Mill-qorti minuta b’minuta…

12:38 Grazzi talli qrajtu dan il-blogg. Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin fl-artiklu.

Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
12:37 L-Erbgħa fid-9.30am se jixhed Joseph Cuschieri li kien il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) sa madwar ġimagħtejn ilu, meta ġie żvelat li hu siefer ma' Yorgen Fenech Las Vegas fl-2018.

Huwa jinsab sospiż.
Sephora Francalanza
12:36 It-Tnejn fis-2pm se jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Sephora Francalanza
12:35 Ix-xhieda tal-eks Ministru Chris Cardona tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:35 Dr Cardona jiċċekkja l-mowbajl – l-aħħar messaġġ bejnu u bejn Fenech intbagħat fit-28 t'Awwissu tal-2019 u jirreferi għal-lezzjonijiet ta' żfin ta' wliedhom.
Sephora Francalanza
12:33 Dr Azzopardi jgħidlu li ntqal diversi drabi li r-relazzjoni bejn Cardona u Keith Schembri mhix waħda tajba. Jistaqsih dan huwiex veru.

Dr Cardona jgħid li kellhom relazzjoni ta' xogħol u kienu jiltaqgħu regolarment.
Sephora Francalanza
12:29 L-avukat jistaqsih fuq il-fatt li bint il-Fulu kienet impjegata fil-Ministeru tiegħu fl-2017.

Dr Cardona jgħid li ma kienx jaf, sar jaf wara. Applikat għal skema, u ħadmet fis-sajf f'waħda mill-entitajiet tal-Gvern.
Sephora Francalanza
12:29 Azzopardi jgħidlu li kif semma issa fil-qorti, għadu jiltaqa' ma' Joseph Muscat.

Cardona jikkonferma.
Sephora Francalanza
12:26 Dr Azzopardi jistaqsi lil Dr Cardona jikkonfermax li kmieni s-sena li għaddiet, kien staqsa lil Yorgen Fenech biex jiltaqgħu għal ikla.

Ix-xhud iwieġeb li jista' jiċċekkja għax għad għandu l-messaġġi.
Sephora Francalanza
12:25 Jgħid li hu żamm lil Muscat, li qalilhom li ma kiel xejn dakinhar għax ma kellux ċans.

Cardona jgħid li ma jafx għala din l-aħbar ma kinitx inħarġet fil-pubbliku.
Sephora Francalanza
12:24 Chris Cardona jikkonferma li Joseph Muscat ħassu ħażin jumejn qabel l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, waqt attività fil-lukanda Le Meridien f'Tas-Sliema.
Sephora Francalanza
12:22 Dr Azzopardi staqsieh jekk kienx Stables Bar meta kien hemm xi ħadd mill-aħwa Degiorgio.

Dr Cardona jwieġeb li le.

Dr Azzopardi jistaqsih jekk Degiorgio stidnux id-dar, jew kinux flimkien fil-lobby tal-Hilton.

Dr Cardona jwieġeb le għat-tnejn.
Sephora Francalanza
12:21 Mistoqsi kienx ingħata xogħol il-Port il-Ħieles, Cardona wieġeb li Toni l-Biglee kien telaq mill-Korp tal-Pulizija wara 25 sena ta' servizz, u mbagħad intgħażel wara sejħa, biex ikun uffiċjal tas-sigurtà fil-Port il-Ħieles.
Sephora Francalanza
12:19 Dr Cardona hu mistoqsi fuq Toni l-Biglee.

Anthony Chetcuti huwa pulizija, li kien fl-Ispecial Assignment Group (SAG). Imbagħad kien uffiċjal tas-sigurtà għal nies ta' profil għoli, bħall-Papa u Angela Merkel.

Imbagħad telaq il-Korp u għen lil Cardona fil-kampanja tiegħu.
Sephora Francalanza
12:19 Jistaqsih jafx lill-aħwa Ta' Maksar.

Cardona jwieġeb li jafhom minn wiċċhom. "Le, naf lil Adrian Agius."
Sephora Francalanza
12:19 Jistaqsih kienx l-avukat ta' Vince Muscat il-Koħħu u Cardona jgħid li darba rrappreżentah biex jieħu l-bail, imma ma jiftakarx is-sena.

Azzopardi jistaqsih kienx inħeles permezz tiegħu f'Mejju tal-2010, u Cardona jgħid li ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
12:17 Dr Azzopardi jistaqsi lix-xhud meta sar l-avukat tal-aħwa Degiogio.

Dr Cardona jgħid li qatt ma kien avukat tagħhom.
Sephora Francalanza
12:17 Issa jibda jistaqsi l-Avukat Jason Azzopardi wkoll.
Sephora Francalanza
12:15 "Naħseb id-deċiżjoni tiegħu influwenzat id-deċiżjoni tal-ieħor. Tiegħi ħabbartha eżatt wara l-Kabinett, ħaddieħor m'għamilx hekk."

Cardona ma semmiex ismijiet iżda qed jirreferi għal Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
12:15 "Ħadt id-deċiżjoni tiegħi li nirriżenja mill-Parlament ħafna qabel l-elezzjoni għal mexxej," jistqarr Cardona.
Sephora Francalanza
12:14 Dr Cardona jgħid li żamm mad-deċiżjonijiet tiegħu, avolja kellu laqgħat ma' Robert Abela bħala Prim Ministru.

Jgħid li tkellem mat-tnejn li huma qabel ġie elett Abela.
Sephora Francalanza
12:12 L-avukata tistaqsih, allura, kif jiġġustifika li ma staqsiex lill-pulizija jinvestigaw dan kollu, għaliex ma fetaħx libell.

L-eks Ministru jgħid li jkun irid kamra apposta fil-qorti kieku kellu jiftaħ libell fuq kull allegazzjoni. Jinsisti mill-ġdid li ma jridx jiftaħ aktar każijiet ta' libell, minkejja li għandu l-materjal għal dan, anke kontra persuni pubbliċi.
Sephora Francalanza
12:09 Dr Comodini Cachia tistaqsih fuq kummenti li għamel fuq il-programm Dissett fuq TVM meta qal li hu "vittma ta' frame-up".

"Kien hemm ħafna stejjer dwari niltaqa' ma' ċerti nies, nara lil ċerti nies. Dan kien attentat minn xi ġurnalisti biex jimplikawni fil-każ. Ir-rapporti dwari niltaqa' mal-aħwa Degiorgio huma gideb," isostni Cardona.
Sephora Francalanza
12:08 "L-ittra nstabet ġo post fejn ħadha t-tabib għal xi ħadd ieħor, biex tingħata lil ħaddieħor. Dokument hekk… ġie mbagħbas."

Lofaro tistaqsih jekk kienx baqa' jiċċekkja dwar il-biċċa, u jistaqsiha, "Kif? Mid-dar?"
Sephora Francalanza
12:05 Jgħid li dan kien wara li l-pulizija eskludewh mill-investigazzjoni. Mill-ġdid jgħid li għandu s-suspetti tiegħu fuq min kien wara dan.
Sephora Francalanza
12:03 Dwar meta ssospenda lilu nnifsu…

L-avukata tistaqsih hux perjodu ta' 15-il jum. Jgħid li jaħseb li inqas minn hekk.

Tistaqsih ukoll għaliex integra ruħu mill-ġdid jekk ħass li kellu l-għedewwa, u jekk ħassu li qed jiġi tradut.

Dr Cardona jgħid li l-Prim Ministru ċempillu u stiednu għal laqgħa tal-Grupp Parlamentari fil-Girgenti. Muscat qal lill-membri tal-Kabinett li assigura ruħu li Cardona mhux qed jiġi investigat, u hemm Muscat ħabbar li Cardona kien qed jerġa' jiddaħħal fil-grupp.
Sephora Francalanza
12:01 "M'għandix informazzjoni. L-għajdut mhux evidenza. Kien hemm qlajjiet li xxerrdu minn nies f'din l-awla," jixhed Dr Cardona.
Sephora Francalanza
12:00 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsih kellux għedewwa mill-amministrazzjoni Laburista.

Cardona jgħid li kieku kien jaf b'dan, kien jieħu xi passi. Jistqarr li ma jridx jostakola l-investigazzjonijiet li għaddejjin, u li se jieħu l-passi fiż-żmien opportun.
Sephora Francalanza
11:59 L-Imħallef Lofaro tistaqsih għaliex ma insistiex li tiġi investigata l-kalligrafija fl-ittri.

Jistaqsiha, "Ma jistgħux jinvestigaw waħedhom il-pulizija?"

Lofaro tgħidlu, "Allura ma tiħux passi?"

Iwieġeb, "Għadni fil-ħin biex nieħu l-passi meħtieġa. Għad jiġi ż-żmien li neħodhom."
Sephora Francalanza
11:59 Itenni li għandu idea min kien wara dawn l-ittri. Jgħid ukoll li fil-qorti kien hemm ħafna ħjiliet li hu marbut mal-qtil ukoll.
Sephora Francalanza
11:58 Il-mistoqsijiet jerġgħu jiffukaw fuq l-ittri li ngħaddew lil Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:58 Cardona jidher qed jitmasħan, jgħid li għandu jkun hemm evidenza wara allegazzjonijiet li saru dwaru, pereżempju dwar li għamel attentat ta' suwiċidju.
Sephora Francalanza
11:57 Mistoqsi għaliex ma fetaħx libell wara li saru allegazzjonijiet fuqu, huwa jgħid li wara l-libelli li fetaħ kontra Caruana Galizia, qatt mhu se jerġa' jiftaħ libell ieħor.
Sephora Francalanza
11:56 Kien kellimha darba, staqsietu fejn joqgħod.

Dak iż-żmien kien qed joqgħod fl-appartament f'Portomaso, u Caruana Galizia marret tfittxu fi Stables Bar il-Belt Valletta, u kellmitu hemm.
Sephora Francalanza
11:54 Dr Comodini Cachia tirreferi għal xħin huwa qal li ma kellux relazzjoni ma' Daphne Caruana Galizia. Tistaqsih jekk blokkjax in-numru tagħha.

Dr Cardona jgħid li jibblokkja numri li mhumiex issejvjati fuq il-mowbajl tiegħu u li jċemplu b'mod persistenti. Kien antiċipa li se ċċempillu u għalhekk ibblokkja n-numru tagħha.
Sephora Francalanza
11:54 "Il-ġurnalisti ma jinqatlux minn nies li jmorru d-dar ma' familthom wara ġurnata xogħol," jgħid l-eks Ministru.
Sephora Francalanza
11:53 Dr Comodini Cachia tistaqsi jekk hu jikkonfermax dak kollu li ġie rappurtat f'intervista mat-Times of Malta, mal-Lovin Malta u ma' The Guardian.

L-intervista ma' The Guardian saret xi xahrejn ilu. Dakinhar kien hemm ukoll ġurnalisti Franċiżi.
Sephora Francalanza
11:52 Darba ċempillu l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u qallu li riedu jkellmuh għal 10 minuti. Dan kien qabel tfaċċat l-ittra.

Kien hemm l-Ispetturi Arnaud u Zahra, u tahom l-istqarrija tiegħu.

Jgħid li llum jifhem li dan kellu x'jaqsam mal-ittri li ngħataw lil Yorgen Fenech, imma dak iż-żmien ma qalulux.
Sephora Francalanza
11:49 Dr Cardona jgħid li mar darba għand il-pulizija wara li xi attivisti ressqu lment kriminali u n-numru tiegħu lill-Pulizija. Huwa ta stqarrija lill-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:48 Dr Comodini Cachia tgħid li hu ssejjaħ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera dakinhar tal-qtil.

Cardona jgħid li kien fost grupp ta' nies li ssejħu, imma sadattant, il-familja kienet ressqet rikors biex Scerri Herrera tirrekuża ruħha mill-każ.
Sephora Francalanza
11:45 "Meta tiret pajjiż li hu kważi fallut, trid taħdem u taħdem u taħdem biex tirnexxi."
Sephora Francalanza
11:44 "Personalment ma ħassejtnix tradut minn dawk li ħadmu viċin tiegħi. Muscat kien tkellem fuq dan u qal li hu ħassu tradut. Is-sentiment wieħed li jinħass."
Sephora Francalanza
11:41 Dr Comodini Cachia tistaqsih jekk il-Kabinett ħax xi deċiżjoni fuq kif jopponi l-istejjer tagħha, u l-eks Ministru jwieġeb li le.
Sephora Francalanza
11:40 Kwalunkwe Gvern irid jagħti kas xi ħaġa bħal din, stqarr Cardona. "Daphne kienet tagħmilha kontinwament u b'mod regolari, u kienet tibqa' tħaffer u tħaffer u tħaffer f'dawn l-istejjer."
Sephora Francalanza
11:39 L-eks Ministru jgħid li l-bloggs ta' Daphne kienu maqsumin bejn attakki fuq l-istrutturi tal-Gvern u dawk fuq kwistjonijiet personali.
Sephora Francalanza
11:37 Dr Comodini Cachia tibda taqra: "I mean she was one of the most vociferous opponents of our government. So she was, yes, one of the people who had to be watched, in the sense of critics. I mean any critic of a government has to be watched."

Din il-kwotazzjoni ttieħdet minn intervista li saret lil Dr Cardona mit-Times of Malta fil-5 ta' Ġunju li għadda.
Sephora Francalanza
11:36 Jistqarr li meta Muscat bagħat għalih, staqsieh biss fuq l-opinjoni tiegħu fuq Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:35 Dwar il-fatt li Mizzi ma rriżenjax…

"Dak iż-żmien, Mizzi ammetta li ħa żball u tteħidlu l-portafoll u l-ministeru. F'dak l-istadju, jien kont għadni tal-fehma li l-iżball kien ikrah imma li kien ġej mill-medjokrità u min-nuqqas ta' ħsieb aktar milli minn xi malizzja."
Sephora Francalanza
11:33 Dr Comodini Cachia tistaqsi min kien il-Ministru li nnegozja l-ftehim tal-VGH – jekk kienx il-Ministru tas-Saħħa kurrenti, Dr Chris Fearne, jew dak preċedenti, Dr Godfrey Farrugia.

Dr Cardona jgħid li kien Dr Konrad Mizzi.
Sephora Francalanza
11:32 Jispjega li kienu joqogħdu attenti ħafna għall-kliem li jużaw fil-ftehimiet, biex iħallu biżżejjed spazju għall-Gvern biex jimmanuvra. Il-Gvern kien ikollu pjan biex joħroġ mill-ftehim f'każ li l-affarijiet imorru ħażin.
Sephora Francalanza
11:32 Huwa jagħti żewġ eżempji. Jgħid li jekk il-proġett ikun marbut mas-saħħa, il-Ministru tas-Saħħa jwettaq in-negozjati. Bl-istess mod, ġieli ffirma ftehimiet fuq l-edukazzjoni li kienu jiġu nnegozjati mill-Ministru tal-Edukazzjoni.
Sephora Francalanza
11:30 Dr Comodini Cachia tgħid li hu ffirma għall-ftehimiet imma ma kienx involut fin-negozjati. Tistaqsi, allura, min kien jinnegozja.
Sephora Francalanza
11:28 Jgħid li x-xogħol ma sarx b'mod korrett. Żdiedu wkoll żewġ firmatarji.

Dan kollu jinstab fir-rapport tal-NAO, iżid Cardona.
Sephora Francalanza
11:27 Fuq il-ftehim mal-VGH, kien hemm ditta Ingliża li tqabbdet tagħmel xogħol ta' diliġenza fuq dawk involuti.
Sephora Francalanza
11:27 Dr Comodini Cachia tistaqsi fuq Yorgen Fenech.

Dr Cardona jgħid li fil-bidu li kien fil-kariga, l-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) kienet taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Sephora Francalanza
11:25 Rigward xi affarijiet li qal Dr Cardona:

1. Huwa qal li l-ġurnalista Caruana Galizia kitbet fuq il-kelb tiegħu, iżda l-kelb intuża biex jirreferi għall-mod kif hu kkrea x-xogħlijiet għaż-żgħażagħ biex jevita l-effett ta' Ċipru – li jkun hemm kollass ekonomiku/finanzjarju.

Ara aktar: daphnecaruanagalizia.com/2013/03/meanwhile-chris-cardona-goes-out-of-his-way-to-prove-that-girls-and-poles-are-not-his-only-interest/

2. Cardona qal li l-ġurnalista ppubblikat ritratti ta' wliedu, imma m'hemmx evidenza li hi għamlet dan.
Sephora Francalanza
11:22 Cardona kien ikun l-OPM ta' sikwit.
Sephora Francalanza
11:22 Jikkonferma li li kieku kien hemm Yorgen Fenech fl-uffiċċju ta' Keith Schembri, hu ma kienx jarah.
Sephora Francalanza
11:21 L-eks Ministru jgħid li kien jidħol fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-bieb prinċipali u jmur direttament fl-uffiċċju ta' Joseph Muscat mingħajr ma jmur fl-uffiċċju ta' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
11:21 Mistoqsi jekk dan kienx l-uniku żball, Cardona jgħid li kien hemm oħrajn.
Sephora Francalanza
11:20 Il-kumpaniji fil-Panama kienu żball politiku kbir, jgħid l-eks Ministru, filwaqt li jiddeskrivi dan bħala eżempju ċar ta' deċiżjoni politika u waħda tal-familja.
Sephora Francalanza
11:20 Dr Comodini Cachia tgħid li qed tistaqsih fuq responsabbiltà politika u mhux dik legali.
Sephora Francalanza
11:19 Mitlub jidentifika lil min ħa dawn l-iżbalji, Cardona jgħid li qed iżomm ruħu aġġornat bl-iżviluppi, imma mhux xi ħaġa li se jgħidha hu.
Sephora Francalanza
11:17 "Kull min żbalja jrid iħallas tal-iżbalji tiegħu. Din ma jgħidhiex xi ktieb, imma hekk hi l-liġi. Min għamel xi żbalji unilaterali, irid iħallas għalihom b'mod unilaterali," jistqarr Dr Cardona.

Iżid jgħid li l-persuna inkwistjoni m'għandhiex tistenna li ħaddieħor jinżamm responsabbli għall-iżbalji tagħha.
Sephora Francalanza
11:17 Issa tibda tistaqsi l-mistoqsijiet Dr Therese Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
11:14 Dr Cardona jgħid li Silvan Fenech, il-kuġin ta' Yorgen, kien tah appartament f'Portomaso, fejn kien iħallas il-kera bir-rati kummerċjali, meta kellu xi problemi fiż-żwieġ tiegħu.
Sephora Francalanza
11:13 Jgħid li ma kellux idea li Fenech, Muscat u Schembri kienu ħbieb. Kien jaf li Muscat u Schembri ħbieb u jsiefru flimkien, imma ma kienx jaf bir-relazzjoni tagħhom ma' Fenech.
Sephora Francalanza
11:12 Lill-familja Fenech ilu jafha għal żmien twil.

Chris Cardona u Yorgen Fenech kellhom ikla waħda bejniethom fil-ħbiberija tagħhom – kienet laqgħa ta' xogħol, fuq diżgwid bejn partners kummerċjali.
Sephora Francalanza
11:11 "Hemm nies li jippruvaw isolvu l-problemi bil-liġijiet tal-ġungla. Meta jkollok nuqqas ta' qbil ma' xi ħadd, ittellgħu l-qorti mhux titfgħu fil-qabar."
Sephora Francalanza
11:11 Il-ħsara li saritlu kienet fattur fid-deċiżjoni tiegħu li jħalli l-politika.
Sephora Francalanza
11:10 Ix-xhud jgħid li saru ħafna allegazzjonijiet dwaru: li poġġa pistola f'ħalqu, li prova jwettaq suwiċidju, li daħal l-isptar, li għamel telefonati man-nies involuti fil-qtil… imma, iżid jgħid, l-ebda minn dawn l-allegazzjonijiet ma ġiet verifikata.
Sephora Francalanza
11:09 L-eks Ministru jgħid li kien wasal iż-żmien li Joseph Muscat ipoġġi l-interess nazzjonali qabel dak personali.
Sephora Francalanza
11:09 Ikompli jgħid, "Immaġina kieku l-ittra ma ħarġitx fil-pubbliku, u daret bejn nies li kienu jieħdu pożizzjoni. Il-pożizzjoni tiegħi kienet tkun diffiċli ħafna."
Sephora Francalanza
11:07 Itenni li ma jafx min kitibha, imma għandu l-ħsibijiet tiegħu.

"Dik il-persuna ma impurtahiex li timplika ministru, u fuq il-konsegwenzi akbar li kienet se toħloq."
Sephora Francalanza
11:06 Membri tal-Kabinett li huma esperti staqsew lill-Pulizija jekk l-ittra ntbagħtitx biex isirulha testijiet forensiċi, madankollu jidher li l-ittra ġiet imbagħbsa.

L-eks Ministru jgħid li tista' ssir analiżi tal-kitba, il-handwriting.
Sephora Francalanza
11:06 L-investigazzjonijiet fuq dan għadhom għaddejjin, u Cardona jrid jieħu passi kontra min kiteb l-ittra.

Aqra aktar hawn: newsbook.com.mt/ippruvaw-iwahhlu-fi-chris-cardona/
Sephora Francalanza
11:05 L-avukat jgħid li ma jafx min kitibha, imma nstabet fl-appartament ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:05 Cardona jgħid li f'dak il-perjodu hu kien sospiż minn Ministru, kien issospenda lilu nnifsu, imma xi membri tal-Kabinett infurmawh bl-ittra.
Sephora Francalanza
11:04 It-Tabib Adrian Vella kkonferma li Schembri għadda xi noti lil Fenech, permezz tiegħu, waqt li dan kien bil-police bail.

Cardona, li bagħat l-ittra għal test forensiku, għadu jrid jgħid min jaħseb li kien wara dan l-attentat li hu ddeskriva bħala "frame-up" fuqu.
Sephora Francalanza
11:03 Cardona issa hu mistoqsi fuq l-ittri li Keith Schembri allegatament bagħat lil Yorgen Fenech waqt li dan kien fil-kustodja tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
11:03 Jispjega li l-ordni ta' sekwestru kienet deċiżjoni tiegħu, kontra l-parir legali tal-avukati tiegħu, għax ried reazzjoni "proporzjonata" għar-reazzjoni li kellu l-artiklu fuqu.
Sephora Francalanza
11:01 Il-Bord tal-Inkjesta issa qed jagħfas lil Cardona fuq il-każijiet ta' libell li fetaħ kontra Caruana Galizia fuq l-allegazzjonijiet tagħha li hu żar burdell fil-Ġermanja waqt li kien fuq xogħol.
Sephora Francalanza
11:01 Il-qtil tagħha ġie diskuss fil-Kabinett qabel ma l-Prim Ministru għamel stqarrija fuq il-qtil fil-Parlament.
Sephora Francalanza
11:00 "Kont ixxukkjat, bla kliem…"
Sephora Francalanza
11:00 Imbagħad irċieva telefonata li kkonfermat li kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:59 L-eks Ministru juri ċertezza li l-ġurnalista nqatlet minħabba xogħolha.

"Li kieku xi ħadd semma l-Bidnija, kont nagħmel 1+1," iżid Cardona.
Sephora Francalanza
10:57 Mistoqsi fuq kif sar jaf dwar il-qtil, Cardona jgħid li kien ma' Joseph Muscat f'Tas-Sliema għal avveniment. Kienu qegħdin fil-karozza lura, għaddejjin minn Tas-Sliema, meta ra l-aħbar li kien hemm bomba.

Sakemm waslu l-uffiċċju l-Belt, kienu jafu biss li kien hemm bomba.
Sephora Francalanza
10:56 Cardona jgħid li Daphne kienet tikteb fuq il-ħajja personali tiegħu biss.

Anke meta kienet qed tikkritika lil Adrian Delia, daħħlet lilu fil-kredu, jistqarr Dr Cardona, imma jgħid ukoll li l-kritika tagħha lejh kienet ħafna agħar mill-kritika tagħha lejn Delia.
Sephora Francalanza
10:56 Jikkonferma li mbagħad Glenn Bedingfield beda jikteb stejjer li jopponu lil ta' Daphne waqt li kien qed jaħdem fl-OPM.
Sephora Francalanza
10:55 "Ħadd ma jibda blogg biex jikteb fuq il-kitbiet ta' Antolisei. Kienet populista," jikkummenta l-eks Ministru u jgħid li l-kitba tagħha ddiġenerat tul is-snin.
Sephora Francalanza
10:54 Iżid li ma setgħux isibu persuna li jirnexxilha tikteb stejjer li jopponu dak li kienet tikteb Daphne, u jgħid ukoll li kellha pinna mill-aqwa.
Sephora Francalanza
10:54 Jgħid li dawn l-allegazzjonijiet bdew ħafna qabel l-allegazzjonijiet fuq il-burdell fil-Ġermanja.

Bdiet tikteb fuqu meta sar Ministru, saħansitra kitbet dwaru meta ġab kelb.
Sephora Francalanza
10:53 "Ma ħadtx gost li wliedi kienu qegħdin imorru l-iskola u n-nies bdew jgħidulhom li missierhom traffikant tad-droga."
Sephora Francalanza
10:52 Jibda jwieġeb billi jiddikjara li l-qtil tagħha kien wieħed makabru u kundannabbli.

Jgħid, iżda, li hi kellha l-ġudizzju tagħha fuqu, li hu stupidu u għandu l-vizzju tad-droga, fost affarijiet oħra.
Sephora Francalanza
10:52 Jistaqsuh x'inhi l-attitudni tiegħu fuq il-ġurnalista bħalissa. Huwa darba sejħilha populista li tobgħod lill-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
10:51 Mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Daphne Caruana Galizia, Cardona jgħid li qatt ma kellimha, la wiċċ imb wiċċ u lanqas fuq it-telefown.
Sephora Francalanza
10:51 L-Imħallef Lofaro tistaqsi għandux dispjaċiri fuq dan, u Cardona jwieġeb, "Li kieku kont nitlaq bħalma għamilt riċentament." Jgħid li seta' baqa' u ħadd ma kien jeħodlu postu fil-Parlament.
Sephora Francalanza
10:47 L-Imħallef Mallia jistaqsi lil Dr Cardona jekk hu kienx ivvota favur Mizzi fil-vot ta' fiduċja.

Cardona jgħid li vvota favurih u li l-vot kien taħt il-Whip tal-Gvern. "Meta jkollok vot kunfidenzjali ma jistax ikun vot ħieles."
Sephora Francalanza
10:44 Jistqarr li kulma jaf fuq il-partijiet kontroversjali tal-proġett tal-Electrogas hu dak li qara fil-midja.
Sephora Francalanza
10:44 Cardona jgħid li Mizzi beda jaħdem mill-ewwel u kien taħt pressjoni biex iwettaq dak li wiegħed fl-ewwel sitt xhur.
Sephora Francalanza
10:42 "Il-professjoni ta' Mizzi hi ta' inġinier," jibda jgħid l-Imħallef Mizzi, sakemm Cardona jinterrompih u jgħid, "Le, le, speċjalizza fil-maniġment."

"U kien jaf ħafna fuq il-produzzjoni tal-enerġija," tikkummenta l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
10:41 Jgħid li issa għadda ħafna żmien minn dakinhar 'l hawn, imma li jiftakar hu li Konrad Mizzi kien ċert li l-proġett se jkun ta' suċċess, peress li kien hemm proġett simili f'ġurisdizzjoni oħra.
Sephora Francalanza
10:41 L-eks Ministru jistqarr mal-Bord tal-Inkjesta li kien daqsxejn sorpriż li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni (peress li l-PL kien għadu mhux fil-Gvern) għall-Enerġija ma kienx hemm.
Sephora Francalanza
10:40 Mizzi kien għamel preżentazzjoni li fiha kkumpara l-heavy fuel oil mal-gass, u uża l-infografiċi biex juri dan.
Sephora Francalanza
10:40 F'moħħi, jgħid Cardona, kien l-espert li kien se jmexxi x-xow u mhux kandidat. Dak iż-żmien Cardona ma kellux idea li Mizzi se joħroġ għall-elezzjoni u jakkwista portafoll ministerjali.
Sephora Francalanza
10:39 Imbagħad kien tfaċċa biex jippreżenta lill-Partit Laburista l-powerstation li taħdem bil-gass.
Sephora Francalanza
10:37 Lil Konrad Mizzi ilu jafu mindu kien għadu żgħir.

Jispjega li kien jgħallem l-Ingliż ġo skola fejn Mizzi kien ħaddiem student meta kellu 16-il sena.

Peress li hu ikbar minnu, xi kultant kien iwasslu d-dar. Imbagħad dam snin ma jarah, sakemm iltaqa' miegħu f'Ħal Balzan ma' martu. Ma kinux tkellmu fuq politika.
Sephora Francalanza
10:36 Skontu, l-elezzjoni bikrija kienet "kalkolu politiku."
Sephora Francalanza
10:35 Cardona sar jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 xi jiem qabel tħabbret, peress li l-istħarriġ li kien qed isir wera li l-Partit Laburista se jirbaħ b'maġġoranza komda.
Sephora Francalanza
10:34 L-eks Ministru Cardona kien juża WhatsApp ma' Keith Schembri u Joseph Muscat, imma ma kienx involut fil-grupp fuq WhatsApp bejn Schembri, Muscat u Yorgen Fenech.

Fenech huwa sid 17 Black, u l-eks Direttur tat-Tumas Group, li jinsab akkużat b'kompliċità fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:33 Mistoqsi Keith Schembri u Joseph Muscat kinux "close," Cardona jwieġeb, "Very close."
Sephora Francalanza
10:32 L-Imħallef Lofaro tikkummenta li l-evażjoni tat-taxxa għandha tagħha, imma l-ħasil tal-flus hi kwistjoni oħra kompletament.
Sephora Francalanza
10:31 "Ma stajtx nifhem ir-raġuni għaliex waqqfu kumpaniji fil-Panama," itenni Cardona. "Din ma kinitx l-ewwel leak… kien hemm Swissleaks u kulħadd jaf x'ġara lill-politiċi li kienu involuti… Rajtha assurda li rrepetew l-istess żbalji."
Sephora Francalanza
10:31 Fi kliem Cardona, il-mod kif iddefendew ruħhom kien li qalu li kienet deċiżjoni naive politikament, imma ma dehrux li kellhom intenzjoni kriminali jew malizzjuża.
Sephora Francalanza
10:30 L-eks Ministru jgħid li meta ħarġu l-Panama Papers, Konrad Mizzi u Keith Schembri rreaġixxew billi ħarġu stqarrijiet jew għamlu konferenzi stampa.
Sephora Francalanza
10:28 L-Imħallef Michael Mallia jistaqsi lix-xhud fuq ir-reazzjoni tiegħu għall-Panama Papers u għar-rapport tal-FIAU fuq Keith Schembri. Jistaqsih jekk wara dan, baqax ifittex il-pariri tiegħu.
Sephora Francalanza
10:28 Iċ-Chief of Staff hu l-interlokutur u l-intermedjarju bejn il-ministeri, jekk ikun hemm xi sfida jew problema, pereżempju jekk xi kumpanija tkun se tkeċċi l-ħaddiema, iċ-Chief of Saff jinvolvi ruħu, jissokta Cardona.
Sephora Francalanza
10:26 Jispjega li l-amministrazzjoni titmexxa mis-segretarju permanenti, imma ċ-Chief of Staff jiġi ogħla minnu.
Sephora Francalanza
10:25 Cardona ma qabilx mal-Bord li Schembri kellu poteri ta' politiku elett mill-poplu.
Sephora Francalanza
10:23 Fuq Keith Schembri: "Għall-kuntrarju, kont navviċinah għall-pariri. Kien jindaħal b'mod pożittiv."

Cardona jgħid ukoll li l-poter li kellu Schembri kien proporzjonat għall-irwol tiegħu. Jiddeskrivih bħala "indispensabbli" fl-operat tal-Gvern.
Sephora Francalanza
10:23 L-Imħallef Lofaro tistaqsi lix-xhud jekk Keith Schembri kienx jindaħallu f'xogħlu.
Sephora Francalanza
10:22 L-eks Ministru jgħid li Schembri ta' sikwit kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett, u hu kien jiddiskuti kwistjonijiet miegħu b'mod regolari.
Sephora Francalanza
10:21 L-Imħallef Mallia jistaqsi jekk Schembri kellux xi rwol ieħor ta' tmexxija apparti ta' Chief of Staff.

"Mhux li naf bih jien… naħseb kien maħtur membru fil-bord ta' Smart City, but I stand to be corrected."
Sephora Francalanza
10:20 "Kelli idea ta' Keith Schembri mill-Università, imbagħad sirt nafu fl-2012."
Sephora Francalanza
10:20 Iżid jgħid li f'pajjiżi oħra, in-nies irriżenjaw minn jeddhom ukoll.
Sephora Francalanza
10:19 "L-istorja baqgħet mażżra m'għonqna… konna nniedu xi proġett tajjeb u l-ġurnalisti jiġu jistaqsuna fuq 17 Black."
Sephora Francalanza
10:18 Għall-mistoqsija tal-Bord, iwieġeb li din l-opinjoni bidilha wara l-aħbar fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
10:18 Jistqarr li għall-bidu, qabel mal-PM Joseph Muscat li Keith Schembri u Konrad Mizzi jżommu l-kariga tagħhom. L-opinjoni tiegħu kienet li jagħtihom ftit żmien, iżda sussegwentement huma spiċċaw tefgħu dell fuq il-Gvern.
Sephora Francalanza
10:17 Dr Cardona jiddeskrivi l-kwistjoni tal-Panama Papers bħala "inkwetanti ħafna."
Sephora Francalanza
10:16 L-Imħallef Mallia jgħid li kien hemm xi affarijiet, uħud li ħarġu fil-beraħ u oħrajn li għadhom allegazzjonijiet. Jikkummenta li l-affarijiet li ma sarux sew, u jsemmi s-sidien tal-Electrogas u 17 Black.

Jistaqsi lil Dr Cardona kif sar jaf bihom hu, u jwieġeb, "Mill-midja, hux."
Sephora Francalanza
10:14 Ikompli jgħid li ma jiftakar bl-ebda nuqqas ta' qbil fil-laqgħat tal-Kabinett meta kien jiġi diskuss xi proġett nazzjonali. Id-deċiżjoni finali kienet tkun waħda kollettiva.
Sephora Francalanza
10:13 Skont Cardona, dawk li qed isemmu l-kitchen cabinet qed jippruvaw jitbiegħdu minn kwalunkwe kwistjoni.
Sephora Francalanza
10:12 Jispjega lill-Bord li hu aktar faċli li wieħed isemmi kitchen cabinet issa, "huwa aktar konvenjenti."
Sephora Francalanza
10:11 Cardona jistqarr li kien sorpriż meta sema' bl-hekk imsejjaħ "kitchen cabinet," "għax dak iż-żmien ma ssemmew l-ebda kitchen cabinets, issa qed jissemmew."

Dak iż-żmien Joseph Muscat kien jingħata approvazzjoni unanima, iżid jgħid.
Sephora Francalanza
10:10 "L-Electrogas kien proġett li aħna, bħala politiċi, bdejna norbtu mat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl. Imbagħad il-midja bdiet ħierġa bi stejjer li jitfgħu dell fuq dan il-proġett, u dawn il-kwistjonijiet bdew jiġu diskussi fil-Kabinett, fil-Grupp Parlamentari u fl-organi tal-partit."
Sephora Francalanza
10:10 Ix-xhud jgħid li l-proġett tal-Electrogas kien jaqa' taħt il-Ministru għall-Enerġija.
Sephora Francalanza
10:09 Dr Cardona jgħid li meta jissejjaħ biex jixhed fl-inkjesta fuq tal-Vitals, se jgħid dak li diġà qal lill-NAO u lil dan il-Bord.
Sephora Francalanza
10:09 "M'iniex taħt investigazzjoni, la Malta u lanqas barra, fuq xi proġett fi żmieni bħala Ministru," jgħid Cardona.
Sephora Francalanza
10:08 Jistqarr li l-uniku proġett li ntalab jixhed dwaru kien tal-Vitals Global Healthcare, quddiem l-NAO.
Sephora Francalanza
10:08 Jikkummenta fuq kif l-OPM huwa l-qalb, l-aktar organu importanti fil-Gvern.
Sephora Francalanza
10:07 Ix-xhud jgħid li d-deċiżjoni x'aktarx qalulu biha mill-Malta Enterprise, imma f'dal-każ, kellhom jinfurmaw lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
10:06 Mistoqsi fuq il-ftehim iffirmat ħames xhur qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti (RfP), Cardona jgħid li ma kienx jaf li kien se jkun hemm sejħa.
Sephora Francalanza
10:06 Il-Prim Imħallef Emeritu jikkummenta li hemm ċerta tip ta' rabta fl-iffirmar ta' MoU. Cardona jgħid li mhux inforzabbli, mhuwiex wegħda ta' bejgħ.
Sephora Francalanza
10:04 Iżid li l-memorandum of understanding huwa biss ftehim biex jiġi negozjat kuntratt, u mhuwiex dokument li jorbot lill-Gvern.
Sephora Francalanza
10:04 Jgħid li hu ma pparteċipax fin-negozjati, imma kien jiffirma bħala rappreżentant tal-Gvern.
Sephora Francalanza
10:02 Fiż-żmien li Cardona għamel Ministru tal-Ekonomija, ġew iffirmati 15-il ftehim ma' negozji barranin u universitarjiet, bħal La Sapienza, Vitals Global Healthcare, il-Bank Malti għall-Iżvilupp u oħrajn.

Kien hemm aktar minn 10 ftehimiet ta' natura istituzzjonali, jiġifieri li l-Gvern daħal fi ftehim mal-Arabja Sawdija, mal-Alġerija, mat-Tuneżija, mal-MCAST.

Ħamsa oħra għadhom qed jiġu nnegozjati.
Sephora Francalanza
10:00 L-Imħallef Mallia staqsieh għaliex iffirma dan il-ftehim.

Dr Cardona jwieġeb li dan għaliex hu kien jiffirma l-ftehimiet kollha tal-Gvern mal-entitajiet barranin. L-NAO wkoll staqsieh dwar dan.
Sephora Francalanza
09:59 L-eks Ministru jgħid li sar jaf bil-ftehim tal-Vitals mill-Kabinett, anke b'tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
09:58 Il-Kapijiet Eżekuttivi (CEOs) tal-Malta Enterprise meta kienet taħtu kienu Mario Vella, Mario Galea u Kurt Farrugia.
Sephora Francalanza
09:57 Jispjega li l-Malta Enterprise kellha blanket policy biex tattakka kull industrija possibbli. Meta kien qed jieħu ħsieb hu, din il-policy biddilha f'microtargeting, jiġifieri li Malta Enterprise timmira għal swieq żgħar li jagħmlu sens għall-investitur.

Il-modus operandi, jispjega Cardona, inbidlet b'tali mod li minflok jiġru wara l-investituri, bdew jattirawhom lejn Malta.
Sephora Francalanza
09:56 L-eks Ministru jgħid li Projects Malta qatt ma kienet taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Malta Enterprise, min-naħa l-oħra, dejjem kienet f'idejh.
Sephora Francalanza
09:55 Il-konsulent legali ta' Cardona kienet Nadine Sant (li issa hija l-Maġistrat Nadine Lia). Hija kienet taħdem ukoll fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
09:54 Dr Cardona jgħid li kien jippreżenta preżentazzjonijiet tekniċi hu stess, u kien ikun hemm xi esperti tekniċi barra lesti biex iwieġbu l-mistoqsijiet.

Inkella, jekk il-kwistjoni tkun waħda teknika, kienu jippreżentawha l-esperti stess u hu kien jagħmel l-argumenti politiċi u jippreżenta n-narrattiva tal-Gvern.
Sephora Francalanza
09:54 Kulħadd ikollu l-aġenda tiegħu li tiġi diskussa.
Sephora Francalanza
09:53 B'mod ġenerali, il-Kabinett ikollu bejn 12 u 15-il suġġett fuq l-aġenda. Il-laqgħa tibda fl-10am u ddum sa xi s-2pm jew it-3pm.

Wara l-laqgħa, il-Prim Ministru kien jitkellem ma' xi membri tal-Kabinett fuq il-portafoll tagħhom, jgħid Cardona.
Sephora Francalanza
09:53 Jgħid li qatt ma tilef laqgħa tal-Kabinett.
Sephora Francalanza
09:52 Ġie elett fl-1998, fl-2003, fl-2013, u fl-2017.
Sephora Francalanza
09:52 Kien jaħdem fl-istess uffiċċju ma' Mark Vassallo, Shazoo Ghaznavi, u Michael Grech.

Jispjega li dan il-ftehim kien sar l-aktar biex jaqsmu l-ispejjeż.
Sephora Francalanza
09:51 Xtaq jaħdem f'dak is-settur, imma minħabba l-politika fetaħ uffiċċju f'Birkirkara, u minn dakinhar 'l hawn ħadem kważi b'mod esklussiv fil-liġi kriminali.
Sephora Francalanza
09:49 Mistoqsi fuq il-karriera legali tiegħu, Dr Cardona jgħid li ggradwa fl-1999, u ġie elett fil-Parlament fl-1996.

Kien qed jaħdem ma' Dr Edward Woods.

Imbagħad iggradwa b'Masters fil-liġi kummerċjali internazzjonali mill-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima.
Sephora Francalanza
09:49 B'hekk huwa jingħata twissija li jista' ma jixhedx fuq xi affarijiet jekk jixtieq, iżda Cardona jgħid li jrid iwieġeb il-mistoqsijiet kollha li jagħmillu l-Bord.
Sephora Francalanza
09:48 L-inkjesta fuq il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare għaddejja u qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella, imma hu għadu ma ssejjaħx biex jixhed.
Sephora Francalanza
09:46 Mistoqsi huwiex suġġett ta' xi inkjesta jew xi proċeduri, Dr Cardona jgħid, "Iva, tal-Vitals."
Sephora Francalanza
09:46 Huwa assistit mill-Avukat Jonathan Attard.
Sephora Francalanza
09:46 L-eks Ministru Chris Cardona jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
09:45 Dr Comodini Cachia tgħid li ppruvat tiġbor l-informazzjoni kollha li tista' tindika amministrazzjoni ħażina, u żiedet tgħid li issa f'idejn il-Bord x'inhu ammissibbli u x'mhux.
Sephora Francalanza
09:44 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jinforma lill-Avukata Therese Comodini Cachia li xi wħud mill-mistoqsijiet sottomessi lill-Bord bil-kitba jmorru oltre mit-termini ta' referenza tagħhom.
Sephora Francalanza
09:42 Is-seduta tibda issa.
Sephora Francalanza
09:32 L-eks Ministru Chris Cardona ntlemaħ dieħel il-qorti ftit ilu.
Sephora Francalanza
09:32 Ninsabu f'awla 20, nistennew is-seduta tibda. Il-ġurnalisti u l-avukati diġà huma preżenti fl-awla.
Sephora Francalanza
09:30 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

F’Novembru 2019, kien Newsbook.com.mt l-ewwel li żvela li Dr Chris Cardona kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia u dwar dak li żvelat l-istess ġurnalista, li kienet allegat li Cardona kien fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien fuq xogħol.

Dak iż-żmien Cardona kien Ministru għall-Ekonomija, u wara li ħareġ fil-midja li huwa kien ġie interrogat, hu ssospenda lilu nnifsu minn Ministru għal xi żmien.

Fil-qorti ssemma li n-numru ta’ Cardona kien fuq burner phone li nstab fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. F’din it-tinda kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Apparti dan, Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, kien għadda ittra lill-Pulizija li fiha kien hemm miktub li Cardona ħallas għall-assassinju. Cardona mill-bidu sostna li dan kien frame-up, u għadu jtenni dan sal-lum.

Mal-bidla tal-Prim Ministru f’Jannar, Cardona spiċċa bla ministeru. F’Ġunju li għadda, huwa rreżenja wkoll mill-Parlament. F’intervista mat-Times of Malta, ċaħad li li l-ħajja politika tiegħu ġiet fi tmiemha meta ismu ssemma fl-investigazzjoni tal-assassinju.

Fl-aħħar seduta ta’ ġimgħa ilu xehdu s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u l-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Muscat?

  • Muscat ilu fil-PL mill-2007, u qal li sar jaf lil Keith Schembri minn qabel l-elezzjoni tal-2013.
  • Qal li ħaddiema tal-OPM qatt ma rċevew preżentazzjoni tal-proġett tal-Electrogas li kien responsabbiltà ta’ Konrad Mizzi. Però Mizzi kien ippreżenta l-proġett lill-kandidati tal-partit.
  • Muscat kien fuq xogħol parlamentari barra minn Malta meta nqatlet Daphne, u sar jaf bil-qtil għax qallu deputat tal-PN li kien miegħu.
  • Qal li meta ħarġu l-Panama Papers, kien mar fuq Mizzi u Schembri u insista li jgħidu l-verità.
  • Insista li sar jaf bil-ħbiberija bejn Schembri u Yorgen Fenech mill-midja.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Gaerty?

  • Gaerty kellu jistħarreġ fuq lista ta’ nies relatati mal-Panama Papers, dejjem jekk jingħata dispensa mill-Prim Ministru biex jagħmel dan, imma kien hemm nuqqas ta’ ftehim u l-lista ma waslitx.
  • Il-pulizija kellmu lil Gaerty għal madwar 10-15 minuta f’“laqgħa informali,” dwar messaġġ li kien bagħat lil Yorgen Fenech. Insista li dan il-messaġġ kellu l-istess kontenut ta’ email li bagħat minn fuq l-indirizz uffiċjali tax-xogħol.
  • Gaerty iltaqa’ ma’ Fenech u l-avukati tiegħu numru ta’ drabi iżda ċaħad li 17 Black kellha x’taqsam. Qal li l-laqgħat kienu dwar kwistjoni ta’ VAT.