Yorgen Fenech kien jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 f’Diċembru tal-2016

Read in English.

Illum kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xehdu llum l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri, li sa ftit jiem ilu kien Aġent Kummissarju qabel ma laħaq Kummissarju Angelo Gafà u l-Ispettur Kurt Zahra li huwa wieħed mill-investigaturi ewlenin f’dan il-każ. Xehed ukoll l-Avukat Michael Grech mit-Teatru Manoel.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fl-interrogazzjoni Yorgen qalilhom li kien jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 f’Diċembru tal-2016
  • Fl-istess perjodu li sar jaf, ġew attivati s-sim cards li kienu fil-burner phones tat-tliet akkużati bil-qtil
  • L-Ispettur Kurt Zahra qatt ma immaġina li tinqatel Daphne, minkejja li kienet tikteb fil-blogg
  • Fil-11-il jum wara li ġie arrestat Melvin Theuma, il-Kummissarju Lawrence Cutajar dejjem kien ikun preżenti
  • “Kien ikun jaf min ikollu jkun jaf” dwar l-investigazzjoni
  • Zahra kien imħasseb ħafna fuq l-informazzjoni li bdiet tiġi żvelata mill-investigazzjoni
  • Matthew Caruana Galizia sab filmat li juri li Keith Schembri mhux veru kien ma’ Joseph Muscat meta sar jaf li nqatlet Daphne
  • Sena u nofs qabel inqatlet Daphne, it-Teatru Manoel irċieva proposta biex itella’ dramm bl-isem “Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?” miktub minn Mario Philip Azzopardi; ġie rifjutat
  • Wara li nqatlet, Azzopardi ssottometta skritt “Ix-Xiħa” li fih karattru ta’ bloger jixbah lil Daphne; id-dramm ġie rifjutat
11:50 L-inkjesta tkompli nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30am.
Sephora Francalanza
11:49 L-Ispettur Kurt Zahra jkompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
11:48 Wara pawża qasira, Dr Grech irritorna fl-awla u ppreżenta lill-brod b'kopja tal-iskritt tad-dramm "Ix-Xiħa." Ma setax jippreżenta l-iskritt għad-dramm "Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?" peress li m'għandux l-abbozz finali tiegħu.
Sephora Francalanza
11:30 Is-smigħ ġie sospiż.

Wara l-waqfa, Dr Grech se jippreżenta l-iskritt għad-dramm "Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?" miktub minn Mario Philip Azzopardi, u l-Ispettur Kurt Zahra se jkompli jixhed bil-bibien magħluqin.
Sephora Francalanza
11:30 Dr Azzopardi jistaqsi fuq is-sim cards użati mit-tliet akkużati. Zahra jwieġeb li dawn kienu nxtraw fl-aħħar tal-2016.
Sephora Francalanza
11:29 Mill-interrogazzjoni ta' Yorgen Fenech, saru jafu li kien ilu jaf bl-elezzjoni bikrija minn Diċembru tal-2016.
Sephora Francalanza
11:28 L-Ispettur Kurt Zahra jikkonferma li hu konxju li Yorgen Fenech kien infurmat bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
11:28 Jibda jistaqsi l-mistoqsijiet Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:25 L-Ispettur ikompli jgħid li ma kinux jieħdu gost isiru jafu bil-leaks, pereżempju fil-każ tar-rejd li sar fuq it-tinda tal-patata.

Jgħid li kien fuq id-dgħajsa, u beda jaħseb li jridu jilħqu x-xatt malajr kemm jista' jkun minħabba periklu ta' splussivi, imbagħad sar jaf bil-leaks, u l-biża' tagħhom issir realtà.

L-investigazzjoni qed titwettaq mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi Kriminali. It-tim investigattiv kurrenti ma kienx involut sakemm ġew arrestati t-tliet irġiel akkużati bil-qtil.
Sephora Francalanza
11:24 L-aħħar mistoqsija ta' Dr Comodini Cachia qabel ma l-inkjesta tkompli fil-magħluq tikkonċerna informazzjoni li ġiet żvelata mill-investigazzjoni fuq l-assassinju.

L-Ispettur Kurt Zahra jispjega li apparti l-Pulizija, kien ikun hemm preżenti esperti tal-qorti u anke uffiċjali mill-AFM. "Imma ċ-ċirku kien ikun żgħir ħafna." Kien ikun jaf min kien ikollu jkun jaf, minħabba interessi varji fl-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
11:19 Il-laqgħat tat-task force jattendu għalihom il-Europol, l-investigatur ewlieni Keith Arnaud, Kurt Zahra, Ian Abdilla, membri tas-Servizzi Sigrieti, u membri tat-task force nnifsu.
Sephora Francalanza
11:18 L-Avukata Comodini Cachia ssemmi kif il-Latvja hija stat membru tal-UE li wettqet rejd fuq bank fil-Latvja stess.

L-Ispettur jgħid li f'każ bħal dan, jaqa' taħt l-ECU. Jgħid li dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati lil Ian Abdilla.

Zahra jgħid li jista' jkun li jitwaqqaf tim investigattiv b'dan il-mod, iżda hu ma jkunx infurmat b'dan.
Sephora Francalanza
11:16 L-investigatur jispjega kif jaħdem tim ta' investigazzjoni konġunt. Dan jeħtieġ tal-anqas żewġ stati membri. Zahra jgħid li t-Taqsima tal-Omiċidji jaf ma tinvolvix dan it-tip ta' tim, imma dak faċilment jista' jiġi inkluż għall-ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
11:13 Comodini Cachia tistaqsi fuq l-irwol tal-Europol.

L-Ispettur jgħid li l-involviment tal-Europol mhuwiex ta' tim ta' investigazzjoni konġunt, li jitwaqqaf permezz ta' ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti.
Sephora Francalanza
11:08 Il-Bord jistaqsi fuq l-investigazzjonijiet dwar każijiet oħra ta' karozza bomba.

Zahra jwieġeb li kien involut direttament. Sa fejn kien jaf hu, il-każ tal-assassinju ta' Caruana Galizia biss kien 'solvut.'
Sephora Francalanza
11:05 Zahra jgħid li l-Pulizija kienet taf bit-tliet irġiel akkużati bil-qtil, imma ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jiġu akkużati.

Ma kellhomx rekord kriminali estensiv, imma kienu qed jiġu investigati fuq kwistjonijiet oħra. Jgħid li jista' jwieġeb aktar fil-magħluq.
Sephora Francalanza
11:04 L-Ispettur jgħid li l-investigazzjoni twessgħet u issa qed tqis aspetti oħra.
Sephora Francalanza
11:03 Comodini Cachia staqsiet dwar il-briefings li kienu jsiru lill-Prim Ministru u lill-uffiċjali tal-OPM fuq il-qtil.

Zahra jispjega li hu qatt ma mar imma infurmat bihom. Xi drabi kien imur Silvio Valletta, u drabi oħra Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
11:02 L-Ispettur jgħid li bagħat it-tweġiba tiegħu lis-CMRU u apparentament, skont l-artiklu li kien ippubblikat l-għada, it-tweġiba ma waslitx.
Sephora Francalanza
11:02 Zahra hu mistoqsi jekk hux minnu li jumejn qabel tressaq il-qorti, Yorgen Fenech talab li jitkellem ma' Ian Abdilla fuq il-korruzzjoni, u ġie allegat li l-ECU ma kellmitux.

Zahra kien interroga lil Fenech għall-ewwel darba fid-29 ta' Novembru, 2019.
Sephora Francalanza
11:00 Il-ġimgħa li għaddiet, huwa rċieva mistoqsija mingħand ġurnalist fuq l-allegazzjonijiet li Fenech ried ikellem lill-ECU. Huwa mistoqsi jekk is-CMRU kellhiex involviment fit-tweġibiet peress li mistoqsija ġiet imwieġba u oħra le.
Sephora Francalanza
10:58 Comodini Cachia tistaqsi fuq l-irwol tas-CMRU, it-taqsima tal-midja tal-pulizija. L-Ispettur jgħid li s-CMRU organizzat il-konferenza tal-kriminalità.

Meta l-midja tibgħat xi mistoqsijiet, l-uffiċjali konċernati jwieġbu permezz tas-CMRU.
Sephora Francalanza
10:54 Fil-11-il jum wara l-arrest ta' Melvin Theuma, iżda, il-Kummissarju dejjem kien preżenti mal-investigaturi. Zahra jikkonferma li Lawrence Cutajar, dak iż-żmien Kummissarju, kien ġie infurmat ukoll bir-rejd fit-tinda tal-patata tal-aħwa Degiorgio fil-Marsa.
Sephora Francalanza
10:52 L-Ispettur ikompli jispjega li l-Kummissarju ma kienx ikun involut meta jsiru t-tfittxijiet, iżda kien jiġi aġġornat.
Sephora Francalanza
10:50 Comodini Cachia issa tistaqsi fuq l-irwol tal-Kummissarju tal-Pulizija.

L-Ispettur jispjega li l-Kummissarju għandu rwol aktar superviżorju, u jżid jgħid li hu qatt ma mar għand il-Kummissarju nnifsu, imma kien jaġġornah permezz tas-superjur dirett tiegħu, li f'dal-każ kien Silvio Valletta.

L-investigazzjonijiet u l-interrogazzjonijiet kienu jsiru mill-ispetturi, filwaqt li l-Kummissarju kien xogħlu aktar biex jagħti direzzjoni.
Sephora Francalanza
10:48 Jistqarr li dak iż-żmien, bħala qarrej, ma immaġinax li setgħet tiġri xi ħaġa hekk. Isemmi li l-karozzi bomba li saru dak iż-żmien kienu marbutin mal-klikek (gangs).
Sephora Francalanza
10:48 Jiġi mistoqsi jekk kienx hemm xi drabi meta qara l-blogg li ħaseb li l-ġurnalista kienet f'periklu.
Sephora Francalanza
10:47 L-Ispettur jixhed li qatt ma kien involut fis-sigurtà provduta lill-ġurnalista. Ma kienx konxju ta' proċedura ta' risk assessment.
Sephora Francalanza
10:46 Dr Comodini Cachia tgħid li fil-blogg tagħha, Caruana Galizia ma kitbitx fuq Theuma.

Zahra jgħid li hu ma kienx ikun jaf jekk l-ECU kinitx diġà qed tinvestiga allegazzjonijiet dwar ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
10:46 Meta tfaċċa isem Melvin Theuma, l-ECU ħadet irwol importanti fl-investigazzjoni billi bdiet tinvestiga l-lottu illegali u l-ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
10:46 Fl-2017, fil-bidu tal-investigazzjoni, sakemm inqabdu t-tliet persuni arrestati bil-qtil, l-ECU ma kinitx involuta direttament fl-investigazzjoni bħala parti mit-task force.
Sephora Francalanza
10:45 Zahra jispjega li parti minn ħajjet Daphne Caruana Galizia kien il-blogg tagħha. Għaldaqstant tqabbdu esperti biex jaħdmu fuqu. It-Taqsimiet tas-Cybercrime u tar-Reati Kriminali Ekonomiċi kellhom jinvestigaw l-istejjer li kienet tirrapporta dwarhom.
Sephora Francalanza
10:39 Wara li sar l-assassinju, twaqqfet task force mis-CID, l-FBI u l-NFI. L-objettivi tat-task force kienu marbutin mal-omiċidju, iżda maż-żmien, din kellha timraħ lil hinn mill-omiċidju.
Sephora Francalanza
10:38 Jgħid li wara l-assassinju, twaqqfet taqsima tal-analiżi. Din titmexxa mill-Ispettur tal-Pulizija Malcolm Bondin. It-taqsima jkollha stampa ħolistika tal-investigazzjonijiet kollha.
Sephora Francalanza
10:36 Mistoqsi fuq kif tixxerred l-informazzjoni u l-intelliġenza, Zahra jgħid li sa ftit żmien ilu, ma kienx hemm struttura ta' dan it-tixrid.
Sephora Francalanza
10:34 L-Imħallef Lofaro tistaqsi min kien is-superjur immedjat tiegħu meta nqatlet il-ġurnalista. Jgħid li jekk jiftakar sew, ma kienx hemm supretendent.

Kien jirrapporta lill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia, lid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta u lill-Kummissarju nnifsu.
Sephora Francalanza
10:34 Is-superjur tiegħu huwa s-Supretendent Raymond Cassar.
Sephora Francalanza
10:33 Zahra ilu uffiċjal tal-pulizija għal 17-il sena, u minn Kuntistabbli laħaq Spettur.

Jagħti sommarju tal-karriera tiegħu. Oriġinarjament kien jaħdem fuq kriminalità organizzata u fuq kriminalità marbuta mal-propjetà. Fi Frar tal-2017, huwa ntalab jingħaqad mal-Iskwadra tal-Omiċidju.
Sephora Francalanza
10:32 Imiss jixhed l-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
10:31 Tintemm ix-xhieda ta' Carmelo Magri.
Sephora Francalanza
10:30 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi fuq l-iskandlu ta' Montenegro u 17 Black, dwar jekk huwa kienx preżenti għal-laqgħa tal-Kabinett.

Ix-xhud iwieġeb li hu ma kienx involut u ma jafx dwar dan il-każ.

L-Imħallef Lofaro tistaqsi għandux ikun jaf l-Assistent Kummissarju Abdilla. Ix-xhud iwieġeb li jassumi li Abdilla jew Antonvich Muscat ikunu jafu.
Sephora Francalanza
10:29 Magri ntalab jixhed dwar road blocks li saru mir-Rapid Intervention Unit. Huwa jispjega li l-ALE u l-K-9 għandhom uniformi simili għal dik tal-RIU, u hu ġabar informazzjoni fuq road blocks li saru f'dal-perjodu.
Sephora Francalanza
10:28 Dr Comodini Cachia tistaqsi dwar liema kumpaniji talbu aktar informazzjoni. Huwa jsemmi Macbridge, Mayortrans, 17 Black, eċċ.

Magri jgħid li l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda ma kinux qed jikkoperaw mal-awtoritajiet Maltin. L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla qallu li l-uffiċjali Maltin jippjanaw li jmorru hemmhekk stess sabiex jiltaqgħu mal-uffiċjali Għarab. Madankollu, dawn kienu jħassru l-pjanijiet fl-aħħar minuta.
Sephora Francalanza
10:24 Ix-xhud issa qed jagħti dettalji fuq talbiet li saru lill-Emirati Għarab Magħquda.

Jgħid li saret talba fid-19 t'April tal-2018 lill-uffiċċju tal-Interpol f'Malta. It-talba għamilha Antonvich Muscat.
Sephora Francalanza
10:19 L-avukata tistaqsi lix-xhud, "Ma taħsibx li jekk kellha bżonn protezzjoni waqt l-elezzjoni tal-2008, Daphne kellha bżonn protezzjoni tul is-sena kollha?"

Ix-xhud iwieġeb li ma kinitx responsabbiltà tiegħu.
Sephora Francalanza
10:16 L-għassa fil-Bidnija bdiet f'Mejju tal-2006. Comodini Cachia tistaqsi jekk l-għassa kinitx tkun ħdejn id-dar tal-ġurnalista fi żmien il-Kummissarju Rizzo. Magri jgħid, "Possibbilment."
Sephora Francalanza
10:14 Magri qed jixhed dwar is-sigurtà provduta barra d-dar ta' Daphne Caruana Galizia.

Dr Comodini Cachia titolbu jispjega x'hemm fid-dokument li qed jippreżenta fil-qorti.
Sephora Francalanza
10:14 Jitla' jixhed l-eks Aġent Kummissarju Carmelo Magri, li issa huwa Deputat Kummissarju tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
10:10 Matthew Caruana Galizia wettaq xi riċerka u sab dan il-filmat: m.youtube.com/watch?v=s3RLnlO5_bo&feature=youtu.be

Peter Caruana Galizia jispjega li fis-57 sekonda, wieħed jista' jara d-data u l-ħin ta' xħin qed jiġi ffilmjat Muscat. Kien Tas-Sliema fit-3.13pm fis-16 t'Ottubru, 2017. Il-Ministru Silvio Schembri u l-eks Ministru Chris Cardona kienu hemm ukoll.
Sephora Francalanza
10:07 L-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jgħid li tajjeb jekk se jidher il-filmat, imma li m'għandux jissostitwixxi l-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Sephora Francalanza
10:07 L-avukata tgħid li hemm filmat tat-TVM li juri li Schembri fil-fatt ma kienx ma' Muscat f'dan il-mument.
Sephora Francalanza
10:06 Fil-qorti din il-ġimgħa Schembri qal li kien ma' Joseph Muscat u mal-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu Kurt Farrugia meta sema' bil-qtil u "kesaħ."
Sephora Francalanza
10:05 Dr Comodini Cachia tgħid li issa se jixhed l-armel tal-ġurnalista, Peter Caruana Galizia, dwar kif Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, sar jaf bil-qtil.
Sephora Francalanza
10:02 "Kien waqt il-Panama Papers. Caruana Galizia kienet attiva ħafna bil-blogg tagħha dak iż-żmien."

Iżid jgħid li ħass li kien ikun qed isaħħan il-qiegħa li kieku t-Teatru Manoel aċċetta li jipproduċi dan id-dramm.
Sephora Francalanza
10:01 Dr Comodini Cachia tistaqsi jekk Matthew Caruana Galizia kienx għamel talba għal-Libertà għall-Informazzjoni (FOI) b'rabta ma' dan id-dramm.

Dr Grech jikkonferma li t-teatru rċieva FOI mingħand il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, madankollu jgħid li huwa kważi ċert li l-iskritt ma xxerridx fost il-membri tal-bord tat-teatru.
Sephora Francalanza
09:57 Mistoqsi għaliex l-iskritt ġie rifjutat, Dr Grech jispjega li l-assassinju tal-ġurnalista huwa sitwazzjoni li għadha għaddejja, u għalhekk ma jaħsibx li hi idea tajba li jittella' dramm fuq hekk.
Sephora Francalanza
09:56 Fl-aħħar 12-il xahar, ġie proposti skritt ieħor mill-kumpanija Staġun Teatru Malti mmexxija minn Azzopardi, bl-isem "Ix-Xiħa."

Ix-xhud jgħid li qara l-iskritt u kien hemm karattru ta' bloger jixbah lil dak ta' Daphne Caruana Galizia. Ma qarax l-iskritt sal-aħħar, u eventwalment, dan ġie rifjutat.
Sephora Francalanza
09:53 Ix-xhud jirrakkonta kif informa lill-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, li mbagħad ikkomunika ma' Mario Philip Azzopardi.

Il-Bord staqsa dwar ir-reazzjoni ta' Azzopardi. Ix-xhud jgħid li ma jafx peress li ma kellmux hu. It-teatru kien talab lil Azzopardi biex jipproponi dramm ieħor.
Sephora Francalanza
09:52 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi lil Dr Grech jekk irrifjutax id-dramm minħabba t-titlu tiegħu.

Dr Grech iwieġeb li kien "żbalordit." Qal li ħass li fil-kuntest soċjopolitiku Malti, id-dramm kellu jiġi rifjutat. Huwa lanqas ried iħares lejn l-iskritt.
Sephora Francalanza
09:51 Ix-xhud jgħid li jiftakru jirċievi telefonata sabiex jiġi infurmat dwar dan l-iskritt u l-isem tiegħu.

Jgħid li hu rrifjuta mill-ewwel li jittella' dan id-dramm, iżda ta struzzjonijiet sabiex il-proposta tiġi diskussa mill-Bord tat-Teatru Manoel. Ġiet irrifjutata mill-ewwel.
Sephora Francalanza
09:50 Iċ-Chairman jgħid li fl-2016 irċieva skritt bl-isem "Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?" Dan kien madwar sena u nofs qabel l-assassinju.
Sephora Francalanza
09:49 Dr Grech jispjega li t-Teatru Manoel jirċievi tliet skritti oriġinali kull sena. It-teatru jkollu d-dritt jirrifjutahom.
Sephora Francalanza
09:48 Madwar 6 jew 7 snin ilu, it-teatru beda jimbotta drammi bil-Malti. Dr Grech jispjega li kien involut il-Ministeru għall-Finanzi.

It-teatru daħal fi ftehim ma' kumpanija mmexxija mid-direttur Mario Philip Azzopardi, u ġew allokati €20,000 fis-sena għal dawn id-drammi.
Sephora Francalanza
09:46 Dr Grech ilu Chairman tat-Teatru Manoel mill-2010.
Sephora Francalanza
09:46 Il-Bord tal-Inkjesta jispjega lix-xhud li hu ntalab jixhed minħabba proposta għal dramm biex jittella' fit-Teatru Manoel bl-isem "Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?" Id-dramm kitbu Mario Philip Azzopardi.
Sephora Francalanza
09:44 L-ewwel xhud tal-lum huwa Dr Michael Grech, iċ-Chairman tat-Teatru Manoel.
Sephora Francalanza
09:43 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:31 L-għodwa t-tajba. Ninsabu f'awla 20.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Esperti tal-qorti jgħid li hemm probabbiltà li l-mowbajl ta’ Chris Cardona kien Velbert, il-Ġermanja, meta Daphne allegat li hu kien fil-burdell Acapulco f’Velbert
  • Fi Frar tal-2017 persuna kienet tippretendi li hi Daphne Caruana Galizia u tibgħat emails biex taċċessa informazzjoni għall-blogg tagħha
  • Attentat biex il-blogg jiġi ħħekkjat fi Frar tal-2017, 8 xhur qabel inqatlet
  • Dawn it-tip ta’ attakki jsiru minn “kriminali professjonali”
  • Parti mis-seduta saret fil-magħluq