Li ġara lil Melvin Theuma xi ħaġa oxxena; fejn taraha fl-UE? – ġurnalista barranija

Miguela Xuereb

Read in English.

Fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, illum missha tixhed Pauline Ades-Mevel, il-Kap tat-Taqsima tal-Unjoni Ewropea ta’ Reporters Without Borders.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kellu jixhed nhar l-Erbgħa li għadda, iżda s-seduta skedata ġiet diferita. Hu mistenni jixhed il-ġimgħa d-dieħla.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Il-ġurnalista qalet li f’Novembru kien hemm xaqq ta’ dawl għal-libertà tal-istampa, imma n-nies għadhom imbeżżgħin
  • Skontha, Joseph Muscat baqa’ bil-ġurnalisti fil-mira tiegħu, anke wara l-assassinju
  • Dwar l-attentat ta’ suwiċidju ta’ Melvin Theuma: “Fejn fl-UE tara xhud f’sitwazzjoni bħalma ġara 3 ijiem ilu? Xi ħaġa oxxena.”
  • “L-assassinju seta’ jiġi evitat; il-mod kif kienet attakkata, trattata u ffastidjata kien sinjal li l-affarijiet setgħu biss ikomplu jiggravaw.”
  • Ades-Mevel qalet li hu ċar li hemm interferenzi politiċi fl-investigazzjoni tal-assassinju
  • Il-ġurnalista kkumparat is-sitwazzjoni f’Malta ma’ dik fis-Slovakkja fejn il-PM irriżenja minnufih.
11:14 Grazzi talli segwejtuna. Il-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
11:14 Nhar l-Erbgħa li ġej fid-9.30am se jixhed il-Ministru Evarist Bartolo u l-Ġimgħa se jixhed l-MEP David Casa.
Sephora Francalanza
11:13 Is-seduta tal-lum se tintemm hawn.
Sephora Francalanza
11:12 Mistoqsija fuq l-użu ta' emails personali tal-prim ministri biex jattakkaw lill-ġurnalisti, Ades-Mevel tgħid li Matteo Salvini kien uża l-indirizz elettroniku privat tiegħu meta kien qed jipprova jirrevoka l-protezzjoni ta' Roberto Saviano.
Sephora Francalanza
11:11 Azzopardi jikkwota tweet tal-Ministru Silvio Schembri mit-30 ta' Mejju tal-2017 li kienet tinkludi filmat, u li fiha kiteb li wara l-elezzjoni, jeħilsu minn Daphne Caruana Galizia u binha Matthew.

"Komuni din?" jistaqsi Azzopardi.
"Qas tisma' b'xi ħaġa hekk," twieġeb Ades-Mevel.
Sephora Francalanza
11:10 Ix-xhud twieġeb li sfortunatament, tiġri, peress li s-sitwazzjoni tal-midja marret għall-agħar. Barra minn Malta, issemmi l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Polonja u l-Italja fi żmien Matteo Salvini.

"Matteo Salvini li nzerta l-aqwa ħabib ta' Joseph Muscat," jikkummenta Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:09 Dr Azzopardi jistaqsiha jekk iltaqgħetx ma' sitwazzjoni li uffiċjal tal-OPM li hu wkoll MP jikteb pubblikament biex jiskredita lill-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
11:07 Tgħid li Malta waħda minnhom, anke l-Bulgarija fejn m'hemmx l-istess kummenti eżatt imma hemm l-istess livell ta' korruzzjoni, is-Serbja il-Montenegro u l-Albanija.
Sephora Francalanza
11:07 Ades-Mevel ilha ġurnalista għal 27 sena. Dr Azzopardi jistaqsiha kemm-il darba ltaqgħet ma' gvernijiet li jippruvaw jiskreditaw lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili.
Sephora Francalanza
11:06 Imiss issa li jistaqsi l-mistoqsijiet tiegħu l-Avukat Jason Azzopardi, ukoll mill-parte civile.
Sephora Francalanza
11:05 Hija kienet xhud fl-inkjesta u qalet lill-Maġistrat li l-organizzazzjoni kienet inkwetata u ħasbet li s-sitwazzjoni ma kinitx qed titjieb.
Sephora Francalanza
11:04 Tispjega li rnexxielha tiltaqa' mal-Maġistrat li kien qed jinvestiga l-assassinju waħedha, sitt xhur wara l-qtil, imma hu ngħata promozzjoni ftit wara. Kellha tinforma lill-Pulizija qabel il-laqgħa. Imbagħad ġiet infurmata li mhix se titħalla tiltaqa' mas-suċċessur tiegħu Neville Camilleri.
Sephora Francalanza
11:03 Ades-Mevel tixhed li hu ċar li hemm interferenzi politiċi fl-investigazzjoni tal-assassinju.
Sephora Francalanza
11:00 Ingħataw fondi biex isir studju fuq x'kien qed jiġri f'Malta. L-istudju wettquh il-ġurnalista Amerikana Rebecca Vincent u Caroline Muscat minn The Shift.
Sephora Francalanza
10:59 L-avukata issa tistaqsi dwar ir-rapport "Justice Delayed."
Sephora Francalanza
10:56 Ades-Mevel tikkjarifika li mal-Prim Ministru ltaqgħu bħala Reporters Without Borders, mhux bħala ġurnalisti, u damu xi jumejn jew tlett ijiem biex jiksbu laqgħa miegħu. Sal-aħħar minuta ma kinux jafu hux se jiltaqgħu mal-PM. Din xi ħaġa li huma mdorrijin biha.
Sephora Francalanza
10:54 Is-sensazzjoni ta' impunità għandha effett fuq il-ġurnalisti l-oħra, tgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:52 Twieġeb il-mistoqsija tal-Avukata Comodini Cachia dwar jekk ħassithiex li qegħdin jiġu injorati b'mod diplomatiku, Ades-Mevel tgħid li iva.
Sephora Francalanza
10:51 Mistoqsija x'kienet ir-reazzjoni tagħhom, Ades-Mevel tgħid li milli semgħet, il-Prim Ministru dejjem ikun konċernat u interessat fil-proposti tagħhom, imma donnu kien qed jgħid ukoll li l-awtoritajiet diġà qed jagħmlu dak li għandhom jagħmlu.
Sephora Francalanza
10:50 Il-proposti tagħhom kienu li ssir investigazzjoni indipendenti fuq il-qtil ma' osservaturi internazzjonali, u li tinkiseb ġustizzja sħiħa b'mod trasparenti u li l-awtoritajiet iressqu lill-qattiela u lill-mandant il-qorti.
Sephora Francalanza
10:49 Ades-Mevel tgħid li ltaqgħet mal-President u mal-Avukat Ġenerali, filwaqt li Rebecca Vincent, il-kollega tagħha, iltaqgħet mal-Prim Ministru u mal-Ministru tal-Ekonomija.
Sephora Francalanza
10:48 Tgħid li ma semmietx blogers. Huma ma jiddefendux nies li jiktbu fuq Facebook, eċċ, imma jaħdmu ma' ġurnalisti li jaħdmu f'kuntest ġurnalistiku.
Sephora Francalanza
10:48 Hija tikkummenta fuq kemm m'hawnx ġurnalisti indipendenti f'Malta. Tqabbilha mas-Slovakkja, fejn hemm ħafna.
Sephora Francalanza
10:47 Xi ġurnalisti qalulha li ma setgħux jiktbu, speċjalment wara l-qtil. Issemmi wkoll li xi ġurnalisti ma tħallewx jaħdmu fuq affarijiet politiċi sa qabel telaq Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
10:46 Wara l-assassinju, l-NGO pparteċipat fid-dimostrazzjoni f'Ottubru tal-2017. Tgħid li t-toroq kienu maħnuqa bin-nies, imma minkejja dan, l-istazzjon televiżiv nazzjonali ma semmiex id-dimostrazzjoni. Semma biss li n-nies inġabru biex jikkommemoraw lil Daphne Caruana Galizia. Ġabu biss ritratt wieħed tal-folla.
Sephora Francalanza
10:45 Tkompli tispjega li Reporters Without Borders jistudjaw it-televixin pubbliku madwar id-dinja, u jaraw dan x'jipprovdi lill-udjenzi.
Sephora Francalanza
10:44 Ix-xhud twieġeb li hawn Malta, in-nies ma jgħidux li jaħdmu f'isem il-midja, imma għal liema partit jaħdmu. Tgħid li l-qasma bejn żewġ naħat hija evidenti ħafna.
Sephora Francalanza
10:43 Dr Comodini Cachia issa tistaqsi dwar l-infrastruttura, fuq x'inhuma n-nuqqasijiet f'dan il-qasam għall-ġurnalisti f'Malta fir-rigward tal-klassifika.
Sephora Francalanza
10:40 Ades-Mevel tgħid li m'għandhiex dak it-tip ta' dettall, imma x'aktarx l-esperti legali f'Reporters Without Borders ikunu jafu.
Sephora Francalanza
10:39 Comodini Cachia tistaqsi dwar il-proċeduri ta' SLAPP. Tistaqsi lix-xhud hix konxja tal-iskambju b'emails li sar bejn in-nies li proponew il-proċeduri ta' SLAPP, il-Ministru Owen Bonnici li kien Ministru tal-Ġustizzja u Joseph Muscat li kien Prim Ministru dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
10:37 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi jekk li kieku l-ġurnalista kellha l-protezzjoni tal-pulizija, ir-riskju kienx ikun inqas.

Ades-Mevel twieġeb li din taħdem f'ċerti pajjiżi, pereżempju fis-Serbja. Taħdem jekk is-sigurtà tkun saret bi qbil mal-ġurnalista.
Sephora Francalanza
10:33 "L-assassinju seta' jiġi evitat; il-mod kif kienet attakkata, trattata u ffastidjata kien sinjal li l-affarijiet setgħu biss ikomplu jiggravaw."
Sephora Francalanza
10:32 Tgħid li ladarba l-proċeduri ma ntemmux u s-sentenza għadha ma nqatgħetx, min hu wara dawk involuti? Tispekula li jaf ikun anke pajjiż barrani.
Sephora Francalanza
10:31 Tkompli tgħid li l-ġurnalisti f'Malta ma jridux li jidhru ma' Reporters Without Borders. Hawn ġurnalist partikolari li hu mgħasses aktar mill-oħrajn.
Sephora Francalanza
10:30 Tgħid li fl-2016, kienet qed tirċievi emails fuq il-kont normali tagħha tax-xogħol. B'hekk, dan sinjal li l-affarijiet inbidlu. Issemmi wkoll il-proċeduri ta' SLAPP kontra Daphne, Matthew, Caroline Muscat u ġurnalisti oħra. Tgħid li huma xokkanti.
Sephora Francalanza
10:28 Ades-Mevel tikkummenta li hu faċli li wieħed jidentifika min ikun qal xiex peress li Malta gżira żgħira. Iżda ssemmi kif ħafna ġurnalisti jaħsbu li l-mowbajls tagħhom qed jiġu mmoniterjati, u ħadd ma jkun irid jikkomunika magħha sakemm mhux b'network encrypted.
Sephora Francalanza
10:28 Dr Comodini Cachia titlob lix-xhud tagħti xi eżempji ta' x'tip ta' affarijiet jirrappurtawlha l-ġurnalisti li qed jiġrilhom f'Malta.
Sephora Francalanza
10:24 Ix-xhud tgħid li għadha ma saritx bidla. S'issa, m'għadu kkuntattjaha l-ebda ġurnalist biex jgħidilha li s-sitwazzjoni marret għall-aħjar.
Sephora Francalanza
10:23 "Fejn fl-UE tara xhud f'sitwazzjoni bħalma ġara 3 ijiem ilu? Xi ħaġa oxxena," tikkummenta Ades-Mevel fuq l-attentat ta' suwiċidju ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
10:20 Hija tistqarr li jridu li l-każ ta' Daphne jissolva għax ma jridux impunità. Skontha, jekk ma ssirx ġustizzja, dan se jkollu effett ħażin fuq il-ġurnalisti li jaħdmu f'Malta.
Sephora Francalanza
10:18 Tissokta tgħid li l-ġurnalisti baqgħu jisfaw vittmi tal-attakki anke wara l-assassinju. Hija ssemmi indirizz li għamel Muscat waqt mass meeting fl-1 ta' Mejju.
Sephora Francalanza
10:17 Ades-Mevel tikkumpara s-sitwazzjoni f'Malta ma' dik fis-Slovakkja.

Tgħid li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat baqa' bil-ġurnalisti fil-mira tiegħu, filwaqt li fis-Slovakkja l-Prim Ministru sejjaħ lill-ġurnalisti prostituti talli rrappurtaw li l-fondi tal-UE ma tqassmux kif suppost. Huwa kellu jirreżenja u ħa t-tmun Pellegrini minflok.
Sephora Francalanza
10:16 Dawk li jirrappurtaw lil Reporters Without Borders fuq is-sitwazzjoni f'Malta huma dawk li joqogħdu hawn u li jaħdmu għall-midja Maltija, u li jivvjaġġaw Malta minn barra biex jirrappurtaw fuq is-sitwazzjoni.

Sa issa, dawk li jagħmlu dan ma jixtiqux li jidher isimhom fil-kwestjonarji.
Sephora Francalanza
10:14 In-nies li jwieġbu l-kwestjonarju ġejjin mill-midja Maltija u dik internazzjonali. Ir-rapporti jsiru mill-midja lokali u minn dawk li jiġu Malta mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, minn Franza u mill-Ġermanja.
Sephora Francalanza
10:13 Wara li nqatlu Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu fis-Slovakkja, Reporters Without Borders wettqet xogħol kbir hemmhekk, tgħid ix-xhud. Ilbieraħ, il-Prosekutur talab li l-mandant tal-qtil ta' Kuciak jintbagħat il-ħabs għal 25 sena.
Sephora Francalanza
10:12 Ix-xhud tgħid li fil-fehma tagħha, il-ġurnalisti għadhom f'riskju, u tinsab hawn għaliex ma jridux li tinqatel ġurnalista oħra.
Sephora Francalanza
10:10 Ades-Mevel tikkjarifika li peress li Reporters Without Borders tibgħat kwestjonarji minn Settembru sa Jannar, għadhom ma ntbagħtux kwestjonarji minn meta nħatar il-Prim Ministru l-ġdid.
Sephora Francalanza
10:09 Ix-xhud twieġeb li l-pajjiżi jiġu evalwati skont seba' indikaturi. L-ewwel jiġbru t-tweġibiet tal-esperti fil-pajjiżi stess. L-informazzjoni kwantitattiva titħallat ma' atti ta' vjolenza, tal-indipendenza tal-midja, tal-ambjent tal-midja, tal-awtoċensura, tal-infrastruttura, u tal-qafas leġiżlattiv, fost l-oħrajn.
Sephora Francalanza
10:08 L-Imħallef Said Pullicino jistaqsi x'inhuma l-kriterji li jinfluwenzaw il-klassifika fl-indiċi.
Sephora Francalanza
10:08 Tistqarr li f'Novembru kien hemm xaqq ta' dawl, imma n-nies għadhom imbeżżgħin, il-ġurnalisti għadhom f'riskju. Skont Ades-Mevel, is-sitwazzjoni ma tjibitx biżżejjed.
Sephora Francalanza
10:07 Tispjega li post Malta fl-indiċi jibqa' nieżel anke wara l-assassinju, għax il-ġurnalisti għadhom jirrappurtaw tensjoni għolja.
Sephora Francalanza
10:05 Ix-xhud tispjega li l-Polonja u l-Ungerija kienu taħt lenti speċjali dak iż-żmien, fejn il-kwistjonijiet bil-libertà tal-istampa kienu prijorità ewlenija. Il-Polonja kienet titqies bħala l-pajjiż li jeżemplifika kif il-libertà tal-istampa qiegħda sejra għall-agħar. Madankollu, kien hemm pajjiżi bħal Malta u Ċipru li l-Unjoni Ewropea ma kinitx qed tagħti biżżejjed attenzjoni għal x'qed jiġri.
Sephora Francalanza
10:04 Hija kienet kitbet lil Daphne Caruana Galizia imma ma rċevitx tweġiba. Kienu qalulha li aktar faċli tagħmel kuntatt ma' binha Matthew minflok.
Sephora Francalanza
10:04 Lil Caruana Galizia infurmatu li kien hemm ġurnalisti lokali li bdew jgħidulha b'li qed jiġri lil ommu.
Sephora Francalanza
10:03 Ix-xhud tgħid li lil iben Daphne staqsietu kif is-sitwazzjoni saret hekk. Kienet inħasdet meta saret taf li s-sitwazzjoni kienet ilha għaddejja, bil-qtil tal-klieb tal-familja Caruana Galizia u attentati biex tinħaraq dar il-familja.

"Mhux normali li jsir dan l-attakk fuq ġurnalista waħda," tikkummenta Ades-Mevel.
Sephora Francalanza
10:02 Ades-Mevel irnexxielha tagħmel kuntatt ma' Matthew Caruana Galizia li kien qed jaħdem ma' ICIJ dak iż-żmien. Iltaqgħet miegħu f'Lulju tal-2017, meta spjegalha l-pressjoni li kienet qed issir fuq ommu.
Sephora Francalanza
10:01 Tgħid li fl-esperjenza vasta tagħha fil-ġurnaliżmu, taf meta s-sitwazzjoni għall-ġurnalisti ma tkunx waħda normali.
Sephora Francalanza
10:00 Lill-Bord Ades-Mevel tgħidlu li importanti tinfurmahom dwar din l-informazzjoni li rċeviet. Reporters Without Borders jinvestigaw meta jiġu infurmati b'każijiet bħal dawn.
Sephora Francalanza
09:59 L-ewwel darba li sarilha kuntatt dwar Caruana Galizia kien fi Frar tal-2017. Ma kinitx Caruana Galizia stess li kkuntattjatha, imma xi ġurnalist ieħor.
Sephora Francalanza
09:59 Reporters Without Borders infurmat lill-pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa bil-każ.
Sephora Francalanza
09:58 Fi Frar tal-2017, meta Malta kienet se titlef postha fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa, Ades-Mevel kienet irċeviet informazzjoni li Caruana Galizia kienet qed tingħata fastidju u li l-assi tagħha ġew iffriżati.
Sephora Francalanza
09:56 Meta hi ngħaqdet ma' din l-NGO, il-ġurnalisti f'Malta kienu jgħidulhom li l-ġurnaliżmu f'Malta kien wieħed ta' tensjoni, u kienu mbeżżgħin mit-tpattija li jaf issirilhom għal xi ħaġa li jkunu kitbu.
Sephora Francalanza
09:55 Reporters Without Borders tieħu ħsieb tippubblika indiċi li jikklassifika lil 180 pajjiż u jibqa' jsegwihom tul is-sena. L-NGO titkellem ma' ġurnalisti, edituri, sidien ta' djar tal-midja, eċċ.
Sephora Francalanza
09:54 Pauline Ades-Mevel hija l-kelliema u l-editriċi ta' Reporters Without Borders. Hija kienet responsabbli mill-moniteraġġ tas-sitwazzjoni tal-libertà tal-istampa fl-Ewropa. Bħalissa għandha taħt il-lenti tagħha lil 40 pajjiż.
Sephora Francalanza
09:54 Hija tibda billi tgħid, "It's an important moment. I've been working on the case for three years, really three years and a half because I was aware of the difficult situation of journalists in Malta."
Sephora Francalanza
09:53 Tissejjaħ issa Pauline Ades-Mevel biex tixhed.
Sephora Francalanza
09:53 Oħt Daphne tgħid li Farrugia għamel l-istess allegazzjonijiet dwar Daphne hu u jixhed il-ġimgħa li għaddiet, minkejja li nstab li dawn ma kinux veri.
Sephora Francalanza
09:51 Vella tgħid li Caruana Galizia kienet tellgħet lil Kurt Farrugia l-qorti għal malafama. Dak iż-żmien hu kien Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Maltastar. Il-każ kien dwar artikli li nkitbu fl-2008 dwar dibattitu fl-Università.

Fl-14 ta' Novembru tal-2011, imħallef kien immulta lil Farrugia €1,400.
Sephora Francalanza
09:51 Oħt Caruana Galizia, Corinne Vella, titla' fuq il-pedana tax-xhieda u tippreżenta kopja tal-intervista lill-Bord, flimkien ma' artiklu minn The Guardian.
Sephora Francalanza
09:48 Dr Comodini Cachia tgħid lill-Bord li trid tippreżenta intervista sħiħa li saret ma' Daphne Caruana Galizia ftit qabel inqatlet. F'din l-intervista hija ddiskutiet it-theddid li ffaċċjat.
Sephora Francalanza
09:46 L-Avukata Therese Comodini Cachia mill-parte civile tippreżenta kopja tar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) dwar il-kumpanija Vitals Global Healthcare li xtrat tliet sptarijiet Maltin.
Sephora Francalanza
09:46 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:43 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

L-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-istat u l-awtoritajiet setgħux jagħmlu iktar biex il-ġurnalista ma tinqatilx.

Fl-aħħar seduta xehed Kurt Farrugia, is-CEO ta’ Malta Enterprise, li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Kurt Farrugia?

  • Meta jħares lura jemmen li l-Gvern missu stieden lill-midja Maltija għaż-żjara tad-delegazzjoni tal-Gvern fl-Ażerbajġan fl-2014
  • Meta kkonfronta lil Konrad Mizzi dwar li hu ssemma fuq il-blogg ta’ Daphne dwar il-Panama Papers, Mizzi qal li dan kien “bluff.”
  • Dwar stqarrijiet tal-Gvern fuq dak żvelat fil-Panama Papers, Farrugia jgħid li hu kien jivverifika l-istqarrija mal-eks Ministru Konrad Mizzi u ma’ Keith Schembri. L-istqarrijiet kienu jinkludu l-pożizzjoni tal-Gvern ibbażata fuq dettalji li jipprovdulu.
  • “Kien hemm ġurnalisti li kienu ebsin magħna u aħna konna iebsa magħhom”
  • Fl-2018, il-Gvern uża kumpanija tal-PR barranija, Chelgate, fejn Farrugia ltaqa’ ma’ wħud mar-rappreżentanti tagħha meta kienu jkunu Malta.
  • Corinne Vella tgħid li Kurt Farrugia bblokkja n-numru ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.