“Trolls sponsorjati mill-Gvern ferħu bil-mewt ta’ Daphne” – ġurnalista

Aġġornat 05:02 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Fis-seduta tal-inkjesta pubblika tal-lum dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, xehdu l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier, il-ġurnalista u fundatriċi ta’ The Shift News Caroline Muscat, u l-ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt Monique Agius u Miguela Xuereb. Id-Dipartiment tal-Informazzjoni bagħat dritt għar-risposta dwar il-kontenut ta’ waħda mix-xhieda, li qed tiġi ppubblikata hawn taħt.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • L-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier jgħid li avviċinah Paul Apap Bologna fl-2009, bi pjan għal powerstation taħdem bil-gass. Stqarr li Gvern Nazzjonalista rrifjutah.
  • Borg Olivier xebbah din il-powerstation ma’ dik li ħoloq il-Gvern Laburista; “kważi identika”
  • Borg Olivier qal li Henley and Partners avviċinat lill-Gvern Nazzjonalista iżda dan irrifjuta li jkun involut f’bejgħ ta’ passaporti
  • Caroline Muscat, ġurnalista u fundatriċi ta’ The Shift News irrakkuntat moniteraġġ li wettaq The Shift News fuq gruppi ta’ Laburisti fuq Facebook li xerrdu stejjer foloz fuq Daphne, anke wara mewtha
  • Muscat issemmi li Josef Caruana, Tony Zarb, Jeffrey Pullicino Orlando, Mark Farrugia, Rosianne Cutajar, Neville Gafà, Glenn Bedingfield, kif ukoll Karl Stagno Navarra kienu attivi f’dawn il-gruppi
  • Monique Agius u Miguela Xuereb minn Newsbook.com.mt xehdu dwar drabi meta ngħataw fastidju waqt xogħolhom: Fil-lejl bejn it-28 u d-29 ta’ Novembru 2019 inżammu msakkrin f’Kastilja wara konferenza tal-aħbarijiet fit-3am. Magħħhom kien hemm ġurnalisti oħra u Matthew u Paul Caruana Galizia.
  • “Irġiel li ma ridux jidentifikaw ruħhom imblukkaw il-bibien għal madwar 7 minuti” – Agius u Xuereb minn Newsbook.com.mt
16:03 Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
16:01 Is-seduta tintemm hawn.

Nhar it-Tnejn fis-2.30pm imiss jixhdu Josef Caruana u Matthew Carbone. Glenn Bedingfield għandu jixhed fis-seduta tal-Erbgħa.

Irid jintalab jixhed ukoll Neville Gafà, iżda l-Bord qed isib diffikultà biex jagħmel kuntatt miegħu.
Sephora Francalanza
15:55 Agius qalet li għadha ssibha diffiċli tara dan il-filmat, peress li għaliha, kienet trawma. Qalet li dan it-trattament kien ta' vjolenza mill-istat, b'effetti psikoloġiċi.
Sephora Francalanza
15:53 Monique Agius qalet li iżjed tard, dawn in-nies identifikawhom u saru jafu li kienu Mark Gauci, Ronnie Vella u oħrajn. Qalet li xi ħadd qalilha li wieħed minnhom kien impjegat bħala xufier ma' Spazju Kreattiv meta ma kellhomx karozzi.
Sephora Francalanza
15:51 Agius spjegat kif Paul Caruana Galizia beda jistaqsi min kienu dawn in-nies u fuq liem bażi legali huma kienu qed jitħallew imsakkrin f'dik il-kamra.

Ħin minnhom, infetaħ il-bieb u sabu lil Matthew Carbone, li ħa f'idejh il-Komunikazzjoni tal-OPM wara Kurt Farrugia. Agius qalet li bdew jgħajtu, "Min huma dawn in-nies? Għaliex ma ħallejtuniex nistaqsu l-mistoqsijiet?"
Sephora Francalanza
15:50 Il-ġurnalista Monique Agius tirrakkonta l-istess esperjenza u tippreżenta filmat lill-Bord tal-Inkjesta meħud waqt li kienu msakkrin.
Sephora Francalanza
15:48 Xuereb qalet li kienu l-ġurnalisti biss li ma tħallewx joħorġu mill-kamra, u magħhom kien hemm Paul u Matthew Caruana Galizia, ulied il-ġurnalista assassinata.

Ħallewhom joħorġu wara xi seba' minuti, imma l-irġiel li kienu qed jimblukkaw il-bibien baqgħu ma identifikawx ruħhom.

Semmiet kif Paul Caruana Galizia pprova jiftaħ il-bieb, imma donnu kien imsakkar.
Sephora Francalanza
15:41 Il-fotografa u vidjografa ta' Newsbook.com.mt Miguela Xuereb tagħti d-dettalji ta' inċident wara konferenza stampa f'Kastilja.

Dakinhar il-ġurnalisti baqgħu jistennew barra l-binja billejl. Fit-3am, intalbu jidħlu, u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ta d-dettalji fuq il-maħfra presidenzjali ta' Yorgen Fenech, li ġiet irrifjutata.

Wara li ntemmet il-konferenza, il-ġurnalisti ma tħallewx joħorġu mill-kamra. Kien hemm irġiel li rrifjutaw li jidentifikaw ruħhom li bdew jimblukkaw il-bibien.

Din kienet l-unika darba li Xuereb irrappurtat li ngħatat fastidju fuq xogħolha.
Sephora Francalanza
15:35 Agius semmiet ukoll żmien il-protesti barra l-Parlament. Irrakkuntat kif darba minnhom ippruvat tistaqsi mistoqsija lill-Ministru, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri, u ġie xi ħadd jimbuttaha.

Żiedet tgħid li għamlet rapporti fuq dawn iż-żewġ inċidenti mal-pulizija.
Sephora Francalanza
15:32 Agius tat rakkont dettaljat tal-fastidju li tingħata meta tkun qed tagħmel xogħolha.

Semmiet darba waqt l-elezzjonijiet tal-MEPs fid-29 t'April tal-2019, meta staqsiet lil Joseph Muscat jekk hux se jirreżenja. Dan dawwar id-diskors u qalilha li se jitlaq mill-post fejn kienu fi 30 sekonda, u qabadha minn spallejha u dawwarha. Hi ħassitha intimidata.
Sephora Francalanza
15:31 Imiss issa li jixhdu Monique Agius u Miguela Xuereb minn Newsbook.com.mt.
Sephora Francalanza
15:29 Fuq il-ħbiberija tagħha ma' Daphne, qalet li saru ħbieb fl-aħħar sena qabel inqatlet Daphne. "Wara l-elezzjoni tal-2017, xi ħaġa nbidlet. Konna kollha xxukkjati. Xi kultant kien ikollha dubju tkomplix jew le." Irrakkuntat kif fil-jiem qabel inqatlet, kienu qed jitkellmu fuq WhatsApp, u Daphne talbitha biex imorru jieklu flimkien il-ġimgħa ta' wara.

Muscat qalet li Daphne kienet qaltilha, "I have a sense of time running out."
Sephora Francalanza
15:27 Muscat qalet li l-għajdut li l-assassinju hu marbut mal-kuntrabandu taż-żejt ġew mill-OPM l-ewwel ġimgħa wara li nqatlet Daphne.

Hija kienet tkellmet ma' ġurnalisti li rrappurtaw b'ċertezza li l-qtil kellu x'jaqsam mal-kuntrabandu taż-żejt, u dawn qalulha li l-informazzjoni waslitilhom mill-OPM.
Sephora Francalanza
15:24 Is-sors ta' dawn l-attakki ġie ttraċċat sal-Ukrajna, fejn, spjegat il-ġurnalista, għandhom fabbriki ta' hackers li jitħallsu biex jattakkaw u jirnexxilhom iniżżlu s-siti elettroniċi.

Il-persuna li bagħbset ir-ritratt ta' Kalin huwa Tom Lippiett, li jgħid li hu avukat f'Malta u li jaħdem ma' kumpanija tal-iGaming.
Sephora Francalanza
15:20 Meta qaltilhom li l-liġi nbidlet, Muscat irċeviet tweġiba li l-email tagħha rċevewh.

Comodini Cachia staqsiet fuq cyber attacks li saru fuq The Shift News.

Muscat spjegat li kellhom diversi cyber attacks. Wieħed minnhom ġie rrappurtat lill-pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa, u dan hu biss wieħed minn ħamsa.

Qalet li riedu jsibu mod kif ibiddlu s-sit elettroniku tagħhom, u issa għandhom server ġdid.

Spjegat li dawn l-attakki kienu jsiru ta' kull ġimgħa. Meta kien hemm l-investigazzjonijiet tal-Vitals u Streamcast, l-attakki laħqu l-qofol tagħhom.
Sephora Francalanza
15:16 Muscat spjegat li inutli turi l-press card internazzjonali tagħha lill-Pulizija, għax donnu l-Gvern jiddeċiedi min hu ġurnalist u min mhuwiex.

Qalet li dil-ġimgħa kellha xi emails mad-DOI peress li mhux qed jibagħtulha l-kalendarju tal-avvenimenti skedati. Staqsiet għaliex għandha tirreġistra mad-DOI. Qalet li saret ħidma biex il-liġi tinbidel, allura ma tifhimx għaliex hemm policy li tipprevjeni l-aċċess minn din l-informazzjoni.

Mistoqsija kif taf li hi policy tal-Gvern, qalet li dan ħareġ mill-korrispondenza tagħha mad-DOI.
Sephora Francalanza
15:13 Dr Comodini Cachia staqsiet jekk kienx hemm rapporti li ġew irreġistrati mill-pulizija.

Wieħed mill-każijiet kien meta Henley and Partners heddew lil The Shift News li jtellgħuhom il-qorti. Ix-xhud spjegat li kien hemm ritratti bl-emblema tal-MaltaToday u sponsored post ta' The Shift News issejjaħ lil Kalin qattiel.

It-Taqsima tar-Reati Kriminali Online kienet identifikat lil min għamel dan iżda ma tteħditx azzjoni legali kontrih.
Sephora Francalanza
15:11 Ix-xhud daret l-iscreenshots, u qalet li avolja rrappurtat fuq dawn il-kitbiet, ma ġara xejn.

Saru wkoll rapporti mal-pulizija. Spjegat li meta jmorru l-għassa tal-pulizija, jispiċċaw iqattgħu sagħtejn jispjegaw li huma ġurnalisti, avolja m'għandhomx press card maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Sephora Francalanza
15:09 Fi tweġiba għall-mistoqsija ta' Comodini Cachia, Muscat qalet li l-kampanja ta' deumanizzar ta' Daphne Caruana Galizia kompliet.

Imbagħad, din il-kampanja sabet fil-mira tagħha wkoll lil Matthew Caruana Galizia. Muscat qalet li mistoqsijiet bħal "fejn hu l-laptop? għaliex il-karozza kienet ipparkjata barra?" li ġew ripetuti, ġibdu l-attenzjoni minn fuq l-iskandli li kienu qegħdin jiġu żvelati.
Sephora Francalanza
15:08 Bħala ġurnalista, Muscat qalet li m'hemmx wisq li jistgħu jagħmlu l-ġurnalisti indipendenti biex jikkumbattu mewġa ta' miżinformazzjoni bħal din.

"Meta dan kien imħallat ma' mibegħda lejn il-ġurnalisti li jaħdmu fuq stejjer investigattivi tispiċċa b'naħa waħda li tiddomina n-narrattiva," qalet Muscat.
Sephora Francalanza
15:05 Dr Comodini Cachia talbet lix-xhud titkellem fuq il-fajl li ppreżentat lill-Bord, li jinkludi għadd ta' screenshots ta' kitbiet fuq Facebook.

Muscat spjegat li l-fastidju online huwa marbut ma' miżinformazzjoni. Qalet kif li jiġri hu li online jkun hemm ħafna stejjer iduru, li ħafna drabi ma jkunux veri. Kampanja ta' miżinformazzjoni bħal din kienet The Truth Project, li kienet kontra The Daphne Project.

Stejjer oħrajn jinkludu dik ta' "fejn hu l-laptop?" – storja li tallega li l-qtil ġie mill-Partit Nazzjonalista, u li tipprova tara fuq min ħa titfa' t-tort. Dan ħareġ minn The Truth Project.
Sephora Francalanza
15:04 Skont Muscat, il-gruppi fuq Facebook donnhom jikkwietaw u mbagħad jerġgħu jitfaċċaw meta jkun hemm attività politika bħal elezzjoni.
Sephora Francalanza
15:04 Il-ġurnalista qalet li l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, ħafna Membri Parlamentari, kandidati politiċi, kollha kienu membri ta' dawn il-gruppi.

Wara li kienu żvelaw dan The Shift News, Coleiro Preca ħabbret li se toħroġ minn dawn il-gruppi u kkundannat id-diskors ta' mibegħda b'mod ġenerali. L-eks Prim Ministru, madankollu, qatt ma kkundanna l-imġiba ta' dawn il-gruppi, u qal li ħareġ minnhom wara numru ta' talbiet biex jagħmel dan, skont ix-xhud.
Sephora Francalanza
15:00 Dr Comodini Cachia staqsiet dwar l-hekk imsejjaħ "mass trolling" sponsorjat mill-Istat, u kif Muscat waslet għal din il-konklużjoni.

Muscat spjegat li kien hemm kriterji li kellu jkun hemm, fosthom drabi meta l-ġurnalisti jew attivisti ġew mhedda, l-involviment ta' uffiċjali mlaħħqin fil-Gvern, u rwoli ta' propagandisti. Semmiet artiklu fuq Bloomberg li jsemmi dawn il-kriterji.
Sephora Francalanza
14:58 Muscat qalet li l-amministraturi ta' dawn il-gruppi fuq Facebook kollha għandhom xogħol mal-Gvern. Fost dawk imsemmija kien hemm Angele Camilleri, li dak iż-żmien kienet kandidata mal-Partit Laburista, u issa hija kunsilliera.
Sephora Francalanza
14:57 Muscat irreferiet għal dak li kien ġara meta l-attivista Tina Urso, flimkien ma' Maltin oħra, ipprotestat waqt li kienet għaddejja attività ta' Henley and Partners f'Londra.

Qalet lill-Bord li fi ftit sigħat, id-dettalji kollha, inkluż l-indirizz tad-dar tal-attivista, kienu qegħdin iduru f'dawn il-gruppi, u bdiet kampanja ta' mibegħda kontriha.
Sephora Francalanza
14:55 Il-Prim Imħallef Said Pullicino rrimarka li x-xhud qed tinsisti li dan kollu kordinat. Muscat spjegat li diffiċli tikseb l-istess riżultat mingħajr ma tkun ġiet kordinata.

"Dawn il-gruppi kienu qegħdin jiċċelebraw il-mewt ta' Daphne. F'dak il-punt bdew jikkuntattjawna n-nies u jgħidulna x'qed jiġri f'dawk il-gruppi," spjegat Muscat lill-Bord tal-Inkjesta.
Sephora Francalanza
14:52 Ix-xhud spjegat kif taħdem din il-kampanja fuq Facebook.

"Josef Caruana, Tony Zarb, Jeffrey Pullicino Orlando, Mark Farrugia, Rosianne Cutajar, Neville Gafà, Glenn Bedingfield. Dan kollu ġara meta Kurt Farrugia kien qed imexxi l-Komunikazzjoni fl-OPM Communications," qalet Muscat. Semmiet ukoll li Karl Stagno Navarra huwa attiv fi gruppi bħal dawn.

"Li naraw f'dawn il-gruppi huma stejjer kostanti li kontinwament ixerrdu informazzjoni falza. Malta wieħed mill-ftit pajjiżi fejn irnexxielna nipprovdu trolling sponsorjat mill-Istat."
Sephora Francalanza
14:50 Minn din it-tiftixa, The Shift News sab li d-diskors online f'Malta kulma jmur qed isir iżjed negattiv, u kien hemm anke involviment ta' uffiċjali tal-Gvern.
Sephora Francalanza
14:49 Muscat spjegat li riedu jaraw kif kienet qed tiġi mpinġija Daphne Caruana Galizia. "Li rajna kien agħar minn dak li stennejna. Ittrattawha bħala saħħara u monstru."

Stqarret li l-kampanja ta' deumanizzazzjoni ta' Caruana Galizia kompliet anke wara mewtha. Żiedet tgħid li saħansitra nies mill-OPM, bħal Neville Gafà, kienu jxerrdu memes bħal dawn.

Qalet li kitbiet bħal dawn kienu ilhom hemm għal xi seba' snin, u saru meta l-Partit Laburista kien għadu fl-Oppożizzjoni.
Sephora Francalanza
14:46 Caroline Muscat qalet li waħda mill-ewwel affarijiet li għamel The Shift kienet li josserva sekwenza ta' rimarki derogatorji b'rabta mal-assassinju.

Spjegat kif The Shift osserva għal sitt xhur sitt gruppi privati online li kellhom total ta' 60,000 membru. Biex wieħed jidħol f'dawn il-gruppi kellu juri s-sħubija tiegħu mal-Partit Laburista. Irnexxielhom jidħlu fil-gruppi permezz ta' whistleblowers li kienu diżgustati bil-kontenut ta' dawn il-gruppi.

Għall-bidu, il-whistleblowers kienu jgħaddulhom l-informazzjoni mill-gruppi, iżda mbagħad il-ġurnalisti rnexxielhom jiskopru kif jidħlu fihom.
Sephora Francalanza
14:41 Dr Comodini Cachia spjegat li Muscat intalbet titla' tixhed minħabba li sikwit ingħatat fastidju bħala ġurnalista.

Muscat spjegat li The Shift News twaqqfet xi tliet ġimgħat wara l-assassinju ta' Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:39 Imiss li tixhed Caroline Muscat, ġurnalista u fundatriċi ta' The Shift News.
Sephora Francalanza
14:37 "Ma nistax ngħid li xi ħadd tani xi donazzjoni li riedet tikkompromessa lili jew lill-Partit. Li nista' ngħid hu li l-finanzjar tal-Partit kien tant li dejjem kienet tinħareġ irċevuta, u xi donazzjonijiet kienu jingħataw bħala ċekk ukoll."

Dan qalu meta mistoqsi mill-Bord dwar il-finanzjar tal-Partit.

Borg Olivier żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista jistrieħ fuq id-donazzjonijiet żgħar, mogħtija mill-ħafna.
Sephora Francalanza
14:36 Ix-xhud qal li Christian Kalin minn Henley and Partners kien avviċina lill-Partit Nazzjonalista fl-istess perjodu. Kalin kien tahom dokument, imma huma kienu kontrih minħabba s-sovranità tal-istat fil-bejgħ tal-passaporti.
Sephora Francalanza
14:34 Dr Azzopardi staqsa jekk Apap Bologna kienx qal lil Borg Olivier li tkellem ma' xi rappreżentant tal-Gvern dak iż-żmien.

Borg Olivier wieġeb, "Le." Qal li kien irritat bil-kumment: "Id-deċiżjoni f'idejk. Aħna nagħmlu l-parti tagħna jekk int tagħmel tiegħek."
Sephora Francalanza
14:30 Ix-xhud spjega li meta wieħed iqis il-kuntest tal-2009, u l-għajta tal-Partit Laburista fl-2013 fil-bidu tal-kampanja elettorali, iħoss li l-persuna li ppruvat tbigħ il-proġett lilu ppruvat tbigħ ukoll il-proġett lill-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
14:29 L-Imħallef Mallia staqsa dwar il-familji Maltin wara dan il-proġett.

Borg Olivier qal li ngħata indikazzjonijiet ta' min kienu dawn il-familji, imma ħadd ma qallu direttament min kienu.

Żied jgħid li kien irrapporta fuq din il-laqgħa, iżda kollox waqaf hemm peress li l-Gvern kellu l-policy tiegħu fuq l-enerġija.
Sephora Francalanza
14:28 Mistoqsi minn Dr Jason Azzopardi fuq il-laqgħa tiegħu ma' Apap Bologna, Borg Olivier qal li kienet waħda "kordjali."

Borg Olivier kien irraġuna dak iż-żmien li l-Gvern kellu l-pjanijiet tiegħu għall-enerġija.
Sephora Francalanza
14:28 Apparti dan, ippreżenta kopja ta' verżjoni mqassra tar-rapport tal-awditur fuq l-Electrogas fl-2013, li elenka għadd ta' nuqqasijiet.

F'paragrafu 13.7 mill-konklużjonijiet tiegħu, irrefera għal-lista ta' similaritajiet li għamel l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil bejn il-kuntratt u l-preżentazzjoni ta' GEM, iżda dak iż-żmien, l-Awditur Ġenerali qal li l-mandat tiegħu ma jestendix sal-partiti politiċi.
Sephora Francalanza
14:24 Dr Borg Olivier qal li kien hemm ħafna similaritajiet f'din il-preżentazzjoni u fl-RFP. L-unika differenza, skontu, hi li l-provvista tal-gass inbidlet minn 20 sena għal 18.

Huwa ppreżenta artiklu ta' Daphne Caruana Galizia miktub fil-25 ta' Ottubru tal-2013. Ippreżenta wkoll kopja ta' artiklu ppubblikat f'The Malta Independent fl-istess perjodu.
Sephora Francalanza
14:20 Gasol kienet involuta fil-proġett. Il-proġett ġie ppreżentat bħala GEM (Greener Energy for Malta) Holdings li twaqqfet fl-2009.

Borg Olivier semma kif waħda mill-affarijiet imniżżla fil-preżentazzjoni kienet, "Id-deċiżjoni tiegħek, imma aħna nagħmlu l-parti tagħna jekk inti tagħmel tiegħek." Qal li meta staqsa fuq dan, wiġbuh b'silenzju u nofs tbissima.
Sephora Francalanza
14:19 "Li hu interessanti li l-preżentazzjoni ta' dik il-powerstation kważi identika għall-powerstation mibnija wara, b'LNG terminal, vapur u kollox," qal Borg Olivier lill-Bord.

Ix-xhud irrakkonta kif l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-preżentazzjoni ta' Apap Bologna kienet ta' sorpriża peress li nħareġ tender biex tinbena powerstation ġdida.
Sephora Francalanza
14:17 Dr Jason Azzopardi staqsieh dwar inċident fl-2009. Borg Olivier okkupa l-kariga ta' Segretarju Ġenerali bejn Ġunju tal-2008 u l-2013.

Paul Apap Bologna kien talab laqgħa ma' Borg Olivier u dan aċċetta. Apap Bologna tah preżentazzjoni fuq powerstation taħdem bil-gass.
Sephora Francalanza
14:14 Paul Borg Olivier, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, huwa l-ewwel xhud.
Sephora Francalanza
14:14 Merħba għal dan ir-rappurtaġġ live minn awla 20. Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza

Dritt għar-Risposta mid-DOI

Nirreferi għax-xhieda tas-Sinjura Caroline Muscat matul l-inkjesta pubblika tal-bieraħ dwar il-każ Daphne Caruana Galizia kif irrappurtata fil-portal newsbook.com.mt.

Hemm ċerti fatti li għandhom jiġu enfasizzati sabiex xi punti jiġu rettifikati fis-sottomissjoni tagħha.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ma joħroġx Press Cards, imma joħroġ biss Access Cards li jintużaw għal avvenimenti tal-gvern biss. L-Access Cards tad-DOI jinħarġu wara l-approvazzjoni tal-editur/kap tal-aħbarijiet tal-organizzazzjoni partikolari tal-midja. Huwa l-editur/kap tal-aħbarijiet tal-organizzazzjoni tal-midja kkonċernata (u mhux id-Dipartiment) li jiddetermina jekk l-applikant huwiex ġurnalist.

Id-Dipartiment dejjem iħalli l-awtentiċità tal-approvazzjoni f’idejn l-editur/kap tal-aħbarijiet.

Id-Dipartiment qatt ma rrifjuta li joħroġ Access Card għal avvenimenti tal-gvern lil kwalunkwe organizzazzjoni tal-midja, irreġistrata jew le.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni qatt ma insista li online portals jiġu rreġistrati.  Fil-fatt, il-ħafna portals tal-aħbarijiet li għażlu li jirreġistraw ruħhom volontarjament, ġew infurmati a priori mid-Dipartiment li r-reġistrazzjoni hija volontarja skont l-Att dwar il-Midja u d-Defamazzjoni.

Il-kalendarju uffiċjali tal-avvenimenti tal-istampa, maħruġ kuljum, huwa data minn sors miftuħ. Dan jista’ jiġi aċċessat ukoll online minn kulħadd mill-portal gov.mt u jiġi aġġornat kif meħtieġ.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

Fl-aħħar seduta xehdu s-Supretendent Antonvich Muscat u s-Supretendent Ray Aquilina.

  • “Teknikament il-Pulizija setgħet tinvestiga l-Panama Papers, imma ma sarx hekk” – Supretendent
  • Malta baqgħet mingħajr risposti mingħand l-awtoritajiet ta’ Dubaj
  • Supretendent jgħid li sal-lum m’għandux evidenza li turi li xi ħadd għamel xi reat
  • Saru tliet rapporti: Fuq Keith Schembri, Brian Tonna, u Adrian Hillman, wieħed fuq Schembri u Hillman, u rapport globali

Il-Bord tal-Inkjesta huwa magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li qed imexxi l-inkjesta, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, Andrew Borg Cardona u Peter Caruana Galizia qed jidhru għall-familja tal-ġurnalista Caruana Galizia.