Jixhdu aktar pulizija fil-każ ta’ Liam Debono

Aktar Pulizija xhedu fil-każ ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ akkużat li tajjar lis-Surġent Simon Schembri fl-2018. Il-maġġoranza tal-pulizija li xhedu llum kienu dderiġew it-traffiku dakinhar tal-inċident.

Illum fil-Qorti deher Liam Debono. Din id-darba kien assistit minn avukat wara li f’Lulju deher il-Qorti mingħajr assistenza legali. Dakinhar ma kienx laħaq qabbad avukat għax ħa żball fid-data tal-kawża.

Liam Debono jieħu żball fid-data; ma jilħaqx iqabbad avukat

Is-seduta tal-lum bdiet bix-xhieda ta’ rapreżentanta ta’ Transport Malta li ntalbet tgħid kemm wieħed irid iħallas flus biex jerġa’ jġib liċenzja li tkun insterqet. B’kollox wieħed jaf ikollu jħallas €18.

Wara xehed Pulizija mill-iskwadra tal-karozzi misruqa li qal li kien ħa ċavetta ta’ karozza Mercedes. Surġent imbagħad qal li l-karozza ttieħdet f’kumpless tal-Pulizija għall-ispezzjoni.

Imbagħad il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ tliet uffiċjali tal-Pulizija li dakinhar fil-15 ta’ Mejju 2018 idderiġew it-traffiku minħabba l-“kommossjoni” li kien hemm Ħal Luqa.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ f’Novembru.