Jixegħlu xemgħat bil-kelma “ġustizzja”

Occupy Justice

L-attivisti ta’ Occupy Justice kmieni dalgħodu xegħlu xemgħat li ffurmaw il-kelma Ġustizzja fuq ix-xtajta ta’ Font Għadir f’Tas-Sliema.

Dan sar hekk kif illum qed jitfakkar l-10 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, in-nisa li jmexxu l-grupp qalu li jridu jgħidu lill-Prim Ministru li l-ebda inkjesta inkonlussiva ma hi se twaqqafhom mill-ġlieda għall-ġustizzja.

Sostnew li għaddew 10 xhur u għadu mhux magħruf min qabbad lill-akkużati bl-assassinju sabiex iwettqu dan l-att.

Huma talbu għall-ġustizzja għall-Maltin li qed jistennew lill-pulizija jibdew jinterrogaw politiċi li ġew identifikati korrotti. Jirreferu b’mod speċjali għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.

Qalu li mhux se jibżgħu mill-pressjoni li jagħmel fuqhom il-Prim Ministru, Joseph Muscat, u insistew li l-ġlieda tagħhom mhux se tintemm qabel ma ssir ġustizzja.