Jixgħel 337 xemgħa fuq koppla fis-Siġġiewi għal dawk bil-coronavirus

Fr Martin Micallef

Is-Sagristan tal-Parroċċa tas-Siġġiewi ddeċieda li jixgħel 337 xemgħa madwar il-koppla tal-Knisja bħala forma ta’ talba għall-persuni li nstabu pożittivi bil-coronavirus sal-bieraħ.

Carlos Borg tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega li ġietu l-idea li biha ħaseb li jħeġġeġ lill-pubbliku li jara l-Knisja minn fuq il-bejt ta’ daru sabiex jgħid talba f’dan il-perjodu. Spjega li t-temp ippermetta sew li hu jagħmel dan.

B’hekk hu mar għamel xirja xemgħat u xegħel il-koppla bil-għajnuna ta’ Noah Sammut u wara li talab il-permess tal-Arċipriet. Spjega li bħalissa n-nies ma jistgħux jersqu lejn il-Knisja u b’hekk urihom li setgħu jgħidu talba mill-kumdita ta’ darhom u minn fuq il-bjut tagħhom. Dan partikolarment għall-persuni li bħalissa jinsabu pożittivi għall-coronavirus.