Jivvjaġġa b’dokumenti foloz biex isib ħajja aħjar; sentenza sospiża

Żagħżugħ tressaq il-Qorti llum talli nqabad jivvjaġġa b’dokumenti foloz u ngħata sentenza sospiża.

L-Albaniż ta’ 25 sena ammetta fil-Qorti li uża dawn id-dokumenti għax ried isib ħajja aħjar barra minn pajjiżu. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi li xtara passaport, liċenzja u karta tas-saħħa Taljani b’€1,200.

Huwa twaqqaf l-ajruport ta’ Malta kif kien se jaqbad l-ajruplan lejn Manchester. Fil-Qorti spjega kif kellu jixtri dokumenti foloz minħabba li ma setax jikseb viża biex imur l-Ingilterra.

Il-Qorti tatu s-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin. Huwa se jintbagħat lura l-Albanija.