Jivivintaw chewing gum li ma jeħilx mal-bankini

Chewing gum biodegradabbli, li ma fihx plastik, għadu kemm tnieda fil-ħwienet Ingliżi – bit-tama li l-bankini jiġu salvati mill-ħmieġ li jħalli warajh iċ-chewing gum.

Iċ-chewing gum naturali imsejjaħ Simply Gum fih ingredjent mis-siġar u mhux gomma sintetika li tintuża mill-maġġoranza tal-produtturi.

Fir-Renju Unit hu stmat li l-kunsilli lokali jonfqu mas-€60 miljun biex ineħħu ċ-chewing gum minn fuq il-bankini.

Il-prodott naturali rriżulta wkoll wara li saret riċerka ma’ 2,000 persuna li 85% qalu li ma kienux jafu li ċ-chewing gum normalment fih il-plastik.

Il-Psikologa tal-ikel Dr Christy Fergusson qalet li iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-klijenti qed isiru iktar konxji dwar xi prodotti jikkunsmaw u l-effett li d-dieta u l-istil tal-ħajja tagħhom iħallu fuq l-ambjent.

Spjegat li hu għalhekk li iktar nies iridu jkunu jafu x’qed jixtru, biex hekk jagħmlu deċiżjonijiet iktar infurmati.