Aktar sport għat-tfal b’abbiltajiet differenti f’Għawdex

Tfal b’abbiltajiet differenti se jkunu jistgħu issa wkoll jieħdu sehem f’attivitajiet varji organizzati f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet fi stqarrija li permezz ta’ ftehim li ġie ssiġillat illum, dawk il-ħafna tfal Għawdxin b’abbiltajiet differenti msieħba fl-Ispecial Olympics, jistgħu jibdew jieħdu sehem ukoll fl-attivitajiet li jsiru f’Għawdex.
Il-Ministru Caruana spjegat li din l-inizjattiva se tiftaħ opportunitajiet ġodda għal dawk kollha li jixtiequ li jattendu dan il-programm.
Il-Ministru kienet qed iżżur l-attività li ttellgħet illum, Sports on the Move, organizzata fil-paviljun sportiv tar-Rabat, u li saret  għat-tfal kollha Għawdxin.
“Din is-sena l-Ministeru għal Għawdex ħass li kellna nagħtu iktar opportunità u għaldaqstant qed niffinanzjaw kompletament l-ispiża ta’ Sports on the Move”, qalet il-Ministru Caruana.
Il-programm jikkonsisti f’24 ġimgħa ta’ attività sportiva fil-kumpless sportiv ta’ Għawdex u f’kumplessi oħrajn mifruxa madwar il-gżira.
Għall-ewwel darba din is-sena, se jiġu organizzati attivitajiet għat-tfal u għall-adulti nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħamis, li se jiżdiedu mal-attivitajiet ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa u ta’ kull nhar ta’ Sibt.
Il-programm jibda fil-21 ta’ Ottubru u jintemm fid-19 ta’ Mejju.
Ritratti: MGOZ