Jitwaqqgħu numru ta’ binjiet illegali – PA

Read in English.

L-Awtorità għall-Ippjanar qalet li numru ta’ binjiet li kienu nbnew mingħajr permess fil-passat twaqqgħu fil-ġimgħat li għaddew. Fi stqarrija ġie spjegat li diversi strutturi, uħud minnhom imorru lura għall-1980, tneħħew wara li l-Compliance & Enforcement officers infurmaw lill-persuni li kienu sidien ta’ dawn l-istrutturi bl-azzjoni li kienet se tittieħed.

Waħda mill-istrutturi kienet inbniet madwar l-1980 u kien fiha 120 metru kwadru. Din kienet viċin it-tempju ta’ Ħaġar Qim, limiti tal-Qrendi. Issa s-sit treġġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu. L-istruttura kienet inbniet mingħajr permess f’żona fi Triq il-Kbir.

Intant, twaqqgħu numru ta’ kmamar mibnija fuq l-art agrikola fi Triq tal-Għarix fil-limiti tal-Qrendi. Kien hemm numru ta’ kmamar li nbnew riċentement mingħajr permess.

Fix-Xlendi kien hemm struttura bħal qisha tinda li nbniet mingħajr permess barra restorant li kien max-xatt. Dwar il-każ kienet ħarġet enforcement notice u ġiet imposta multa għal kuljum wara li ħarġet din in-notifika. It-tinda kienet tinkludi wkoll sinjali illegali u t-tpoġġija ta’ siġġijiet u mwejjed li issa kollha tneħħew.

Tneħħew ukoll numru ta’ karozzi u makkinarju tqil ieħor li kienu abbandunati f’sit f’Wied il-Għasel, limiti tal-Mosta. Is-sit huwa parti minn żona ta’ aktar minn 1.5 kilometri tul fejn l-Awtorità tal-Ippjanar kienet tat il-permess li jsir proġett ta’ rijabilitazzjoni u tisbiħ fl-2017. Iż-żona tibda minn Wied Għajn Riħana viċin il-Victoria Lines bejn il-Mosta u l-Bidnija u tibqa’ sejra kważi viċin il-kappella ta’ Santa Katerina ta’ Aleksandrija.

Fl-istqarrija ġie spjegat li s-sena li għaddiet, wara li ħarġu diversi enforcement notices, l-awtorità bdiet ħidma sabiex taħdem fuq każijiet antiki li wassal sabiex in-notifiki pendenti jonqsu b’61% meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ notifiki li sar is-sena li għaddiet.

L-awtorità qalet li fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttorat għall-Ħarsien u l-Infurzar se jkompli jaħdem biex jissorvelja x-xogħol ta’ żvilupp li hemm għaddej bħalissa filwaqt li jindirizza każijiet antiki fejn saru żviluppi illegali u kienet għadha ma tteħditx azzjoni dwarhom.