Jitwaqqfu ż-żjarat kollha fid-djar tal-anzjani

Read in English.

Iż-żjarat kollha fid-djar tal-anzjani se jitwaqqfu b’effett immedjat, skont il-Ministeru għall-Familja. Dan minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja qal li dawn jinkludu dawk tal-gvern, dawk tal-knisja, dawk privati u r-residenza ta’ San Vinċenz De Paul.

“Se jkunu jistgħu jidħlu biss u f’każi eċċezzjonali dawk il-persuni li jirrakkomandaw in-nursing officer, jew it-tabib, jew il-kap tad-dar residenzjali stess. Din l-għażla se tiġi ddeterminata abbażi tal-kundizzjoni tar-resident, liema kundizzjoni gravi tkun tiġġustifika t-tali eċċezzjoni,” qal il-Ministeru.

“Barra minn hekk qabel ma jidħol, kwalunkwe viżitatur se jsirlu l-istess monitoraġġ li qed isir bħalissa. Din il-proċedura tapplika wkoll għad-djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità.”

Il-PM Robert Abela llum ħabbar li l-iskejjel f’Malta se jingħalqu minn għada. Se jkunu magħluqin għal ġimgħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn