Jitwaqqfu ż-żjarat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Beppe Galea

Il-Gvern ħabbar li minn għada se jieqfu ż-żjarat lill-pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan wara li mil-lum waqfu ż-żjara fl-Isptar Mater Dei.

Fil-bullettin dwar l-imxija tal-coronavirus f’Malta, il-Gvern ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej, is-servizzi ta’ out-patients u l-kliniċi se jiċċaqalqu lejn l-iskola Medika ta’ Barts.

Fi stqarrija, il-maniġment tal-isptar, Steward Health Care, qal li din il-miżura hija temporanja. L-istqarrija tgħid ukoll li jistgħu jsiru konċessjonijiet mill-istaff u f’dawn iċ-ċirkostanzi l-infermiera se jinfurmaw lill-qraba.

Intant, għad hemm mistoqsijiet dwar il-preparamenti li Steward Health Care qiegħdin jagħmlu. Ewlenija fosthom hija għalfejn id-dewmien biex l-anzjani fir-Residenza Sant’Anna jittieħdu fil-lukanda Downtown. Dan wara li lbieraħ mietet l-ewwel pazjenta bil-coronavirus f’Malta li kienet rikoverata f’din il-ward f’Għawdex.