Jitwaqqfu testijiet fuq vaċċin tal-COVID-19 wara li jimrad pazjent

FILE PHOTO: REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Read in English.

AstraZeneca Plc ħabbret li kellha twaqqaf momentanjament l-ittestjar ta’ vaċċin ewlieni tal-COVID-19, wara li parteċipant fil-fażi finali tal-istudju marad b’mod li ma setax jiġi spjegat.

“Il-kumpanija waqqfet b’mod volontarju l-ittestjar tal-vaċċin hekk kif inbeda proċess standard ta’ reviżjoni minn kumitat indipendenti”, qalet Michele Meixell, kelliema għall-kumpanija.

L-istudju qed jittestja l-effikaċja tal-vaċċin tal-COVID-19, li qed jiġi żvilupapt minn AstraZeneca u riċerkaturi tal-Università ta’ Oxford f’siti differenti, inkluż fir-Renju Unit, fejn il-marda ġiet irrappurtata.

Dettalji dwar in-natura tal-każ u fejn seħħ ma ngħatawx, għalkemm hu mistenni li l-parteċipant jgħaddilu, skont Stat News, li kien l-ewwel li rrapporta li t-testijiet twaqqfu minħabba “suspett ta’ reazzjoni negattiva serja”. L-awtorità responsabbli, il-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti, tiddefinixxi avveniment negattiv kull każ li jista’ jissuġġerixxi rabta mal-mediċina li qed tkun ittesjtata.

Din is-sospensjoni se taffettwa testijiet oħra li qed isiru kemm minn AstraZeneca kif ukoll minn manifatturi oħra, li qed ifittxu għal sinjali ta’ reazzjonijiet simili.

Fl-istqarrija tagħha, AstraZeneca qalet li “f’testijiet li jsiru fuq għadd kbir ta’ persuni, jista’ jkun hemm mard li jolqot lill-pazjenti li fuqhom qed isiru t-testijiet, iżda rridu nevalwaw b’mod indipendenti u bir-reqqa dan kollu”.

Intant, ilbieraħ, disa’ kumpaniji ewlenin fl-Istati Uniti u l-Ewropa ffirmaw dikjarazzjoni li fiha jikkommettu lilhom nfushom li jirrispettaw l-ogħla standards xjentifiċi u ta’ sigurtà għal tilqim esperimentali minkejja l-urġenza tal-pandemija. Dawn il-kumpaniji, fosthom AstraZeneca, Moderna u Pfizer ħadu din il-pożizzjoni hekk kif kiber it-tħassib li l-istandards jistgħu jitnaqqsu hekk kif teżisti pressjoni politika qawwija biex jitpoġġa vaċċin fis-suq.

Il-firmatarji l-oħra huma Johnson & Johnson, Merck & Co, GlaxoSmithKline, Novavax Inc, Sanofi u BioNTech.