Jitwaqqaf tim ta’ ħaddiema biex isebbaħ postijiet turistiċi

Twaqqaf tim ta’ 16-il ħaddiem li xogħolhom se jkun li jaraw xi jkun hemm bżonn f’postijiet turistiċi ewlenin.
Din l-inizjattiva saret bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u dak għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta fil-Balluta, il-Ministri Konrad Mizzi u José Herrera ħabbru li dan it-tim se jinqasam fi tlieta, kull parti tindirizza r-reġjun tat-Tramuntana, Ċentrali, u tan-Nofsinhar rispettivament.
Dawn il-ħaddiema diġà wettqu xogħol f’Wied il-Għajn, il-Balluta, l-Għadira u Marsaxlokk, kompla Mizzi.
Fil-Balluta saru xogħlijiet ta’ tiżbigħ, tindif tal-funtana ċentrali u tiswija tal-bankijiet tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, Herrera reġa’ semma t-twaqqif tal-entità Ambjent Malta, li se tkun taħt il-ministeru tiegħu u tieħu ħsieb li dak li jkollu jsir jiġi implimentat.
Temm jgħid li b’Ambjent Malta l-ministeru jkollu preżenza aqwa fl-inħawi li jkun jinħtiġilhom xi interventi.