Jitwaqqaf one-stop-shop għall-uffiċjali pubbliċi

L-uffiċjali pubbliċi issa għandhom one-stop-shop u Grievances Board li se jassistuhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
Fisser li issa se jkun iktar faċli għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku li jitkellmu meta jħossu li hemm xi każijiet ta’ allegati inġustizzji fil-konfront tagħhom. 
Cutajar saħaq li tul is-sena 2017, is-Servizz Pubbliku kompla jaħdem sabiex jipprovdi servizz ta’ kwalità li huwa aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien. Huwa qal ukoll li din is-sena tnedew 21 mobile app għas-servizzi governattivi propju biex ikomplu jtejbu l-istess servizzi.
Waqt li kien qed jindirizza l-ġurnalisti preżenti, Cutajar semma kif is-Servizz Pubbliku qiegħed ukoll jinvesti bis-sħiħ fil-ħaddiema tiegħu, b’mod speċjali fejn jidħol it-tagħlim u t-taħriġ offruti għas-Servizzi Pubbliċi.