Jitwaqqaf milli jwassal lil ibnu bir-rota għax “kontra l-liġi”

Raġel li kien qed iwassal lil ibnu l-iskola bir-rota twaqqaf minn pulizija li qallu li dan hu kontra l-liġi, mentri l-liġi Maltija tgħid li ladarba rota tkun addattata għal persuna oħra, din hija permessa. Ir-rota tal-missier kellha seat miżjud apposta għal ibnu.

Ir-raġel irrikorra għal Facebook sabiex jistaqsi jekk dan huwiex minnu, li hu qed jikser il-liġi billi jieħu lil ibnu l-iskola f’Birkirkara bir-rota. Dawk li wiġbuh infurmawh li dan mhux minnu, u mara ġabet eżempju bl-Olanda, fejn wieħed jista’ anke jrikkeb tlett itfal fuq rota.

Il-liġi tgħid li hija offiża meta iżjed minn persuna waħda tirkeb rota, sakemm din ir-rota ma tkunx addattata biex iġġorr iżjed minn persuna waħda. Dwar tfal, il-liġi tgħid li tfal li għandhom inqas minn 10 snin u li jitrikkbu fuq rota għandu jkollhom seat apposta ta’ sigurtà u għandhom jitlibbsu wkoll helmet għal iżjed sigurtà.

Għaldaqstant, jidher illi dan il-missier ma kien qed jagħmel xejn ħażin billi kellu seat addattat għal ibnu fuq ir-rota tiegħu, u ħa l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa.