Jitwaqqaf il-ġbid ta’ Division 7

Division7

Eluf ta’ segwaċi tas-sensiela Division 7 kienu qed jistennew bil-ħerqa li min-nhar l-Erbgħa li ġej jibdew isegwi t-tmien u l-aħħar staġun tas-sensiela Division 7. Iżda bħal ma qed jiġri f’kull pajjiż madwar id-dinja, il-ġbid fuq bosta sensiliet qed jitwaqqaf b’mod immedjat.

Diġà tħabbar li Rewind Productions waqqfu l-ġbid fuq F’Ġieħ l-Imħabba, Sorelle u Ħbieb u Għedewwa u issa DBA Entertainment ħabbru lbieraħ li waqqfu l-ġbid ta’ Division 7. Huwa minħabba f’hekk li l-puntati l-ġodda mhux se jibdew jixxandru min-nhar l-Erbgħa.

“Aħna, bħala DBA Entertainment, wara li kkunsidrajna sew l-affarijiet, għall-ġid tal-atturi tagħna, membri tal-crew, familji tagħhom, aħna stess u kull min għandu x’jaqsam ma’ filming, iddeċidejna li għalissa nwaqqfu l-filming kollu skedat għax-xahar ta’ Marzu. Dan ovvjament, se jwassal biex it-tmien staġun ta’ Division 7, mhux se jkun jista’ jiġi trasmess minħabba l-fatt li mhux se jilħaq jiġi ffilmjat u editjat fil-ħin. Ta’ dan nixtiequ niskużaw ruħna magħkom, imma fl-istess ħin nafu li tifhmu sew is-sitwazzjoni li għaddejjin minnha bħalissa, u li dawn huma ċirkostanzi li m’għandna l-ebda kontroll fuqhom” – tgħid l-istqarrija tal-kumpanija li ħabbru wkoll li flok il-puntati l-ġodda ta’ Division 7 se jerġgħu jixxandru l-episodji tas-serje Game Over li spiċċat tintwera proprju nhar l-Erbgħa li għaddiet.

“Grazzi talli dejjem segwejtuna. Aħna se nzommukom infurmati fuq meta se jkun jista’ jibda’ jixxandar it-tmien staġun ta’ Division 7” – temmet tgħid l-istess stqarrija.