Jitwaqqaf grupp ta’ ‘tobba’ anonimi favur l-abort

Twaqqaf grupp ġdid bl-isem ta’ Doctors for Choice Malta (DFCM) biex jaħdem favur l-introduzzjoni tal-abort f’Malta. Il-grupp bagħat stqarrija b’din l-aħbar. L-istqarrija ma kinetx iffirmata u Newsbook.com.mt ma setax jivverifika min huma l-membri tal-grupp jew hekk humiex tobba jew le.

Il-grupp qal li l-liġijiet kurrenti ta’ Malta dwar l-abort imorru kontra d-drittijiet umani u li jċaħdu l-aċċess tal-pazjenti għas-servizzi kruċjali tas-saħħa. Qed jitolbu għall-aċċess sigur għall-abort.

Il-grupp fakkar li bħalissa l-abort għadu reat kriminali f’Malta. Qalu li n-nisa huma mċaħda l-awtonomija fuq ġisimhom stess.

Il-grupp qal li għal dawn ir-raġuni huma favur l-aċċess tan-nisa għal dawn is-servizzi u biex ikunu jistgħu jagħmlu għażla informattiva dwar it-tqala tagħhom. Din l-għażla tinkludi l-abort f’ambjent sigur li joffri l-appoġġ. Qal li “in-nisa għandu jkollhom id-dritt għal deċiżjoni aħħarija mingħajr indħil minn ħadd.”

F’Marzu twaqqaf grupp f’Malta favur l-abort bl-isem ta’ Voice for Choice jew “L-Għażla Tagħha” li qal se jkun qed imexxi kampanja favur id-drittijiet u l-ġustizzja fil-qasam tar-riproduzzjoni f’Malta. Fi stqarrija spjega li l-grupp huwa magħmul minn għadd ta’ organizzazzjonijiet u individwi li “għandhom passjoni għad-drittijiet tas-saħħa riproduttiva”.

Stħarriġ ikkummissjonat mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) wera li maġġoranza tal-istudenti fl-Università ta’ Malta huma kontra l-abort. Għall-mistoqsija diretta jekk l-abort għandux ikun legalizzat f’Malta, 41.6% huma favur filwaqt li 58.4% huma kontra.